Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32011Y0115(01)
Agreement of 31 December 2010 between Eesti Pank and the European Central Bank regarding the claim credited to Eesti Pank by the European Central Bank under Article 30.3 of the Statute of the European System of Central Banks and of the European Central Bank
Ftehim tal- 31 ta’ Diċembru 2010 bejn Eesti Pank u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Eesti Pank mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew
Ftehim tal- 31 ta’ Diċembru 2010 bejn Eesti Pank u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Eesti Pank mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew
ĠU C 12, 15.1.2011, p. 6–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
15.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 12/6 |
FTEHIM
tal-31 ta’ Diċembru 2010
bejn Eesti Pank u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Eesti Pank mill-Bank Ċentrali Ewropew taħt l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew
2011/C 12/02
EESTI PANK U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ Deċiżjoni 2011/23/UE tal-31 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta’ assi ta’ riżervi barranin u kontribuzzjonijiet minn Eesti Pank lir-riżervi u l-provvisti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2010/34) (1), l-ammont totali ekwivalenti f’euro ta’ assi ta’ riżervi barranin illi Eesti Pank huwa mitlub jittrasferixxi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) huwa ta’ EUR 145 853 596,60. |
(2) |
Skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 il-BĊE huwa mitlub jikkredita lil Eesti Pank bi klejm denominata f’euro ekwivalenti għall-ammont totali f’euro tal-kontribuzzjoni ta’ Eesti Pank ta’ assi ta’ riżervi barranin, suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet li għalihom hemm provvediment fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-BĊE u Eesti Pank jaqblu illi jistabbilixxu l-klejm ta’ Eesti Pank għal EUR 103 115 678,01 sabiex jiżguraw illi l-proporzjon bejn l-ammont f’euro tal-klejm ta’ Eesti Pank u l-ammont totali f’euro tal-klejms ikkreditati lill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi l-oħra”) ikun ekwivalenti għall-proporzjon bejn l-ippeżar ta’ Eesti Pank fl-iskema tal-kaptal tal-BĊE u l-ippeżar totali tal-BĊNi l-oħra f’din l-iskema. |
(3) |
Id-differenza bejn l-ammonti msemmijin fil-premessi 1 u 2 tirriżulta minn (a) l-applikazzjoni lill-valur ta’ assi ta’ riżervi barranin diġà ittrasferiti minn Eesti Pank skont Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ tar-“rati tal-kambju kurrenti” msemmijin fl-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u (b) l-effett fuq il-klejms skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ miżmumin mill-BĊNi l-oħra tal-aġġustamenti tal-iskema kapitali tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2004 u l-1 ta’ Jannar 2009 skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali tal-BĊE fl-1 ta’ Mejju 2004 u fl-1 ta’ Jannar 2007 skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. |
(4) |
Minħabba d-differenza fuq imsemmija, il-BĊE u Eesti Pank jaqblu illi l-klejm ta’ Eesti Pank tista’ titnaqqas billi tiġi kkumpensata bl-ammont li Eesti Pank huwa mitlub jikkontribwixxi għar-riżervi u l-provvisti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34), f’każ li l-klejm ta’ Eesti Pank hija akbar mill-ammont ta’ EUR 103 115 678,01. |
(5) |
Il-BĊE u Eesti Pank għandhom jaqblu dwar modalitajet oħrajn sabex tiġi kkreditata l-klejm ta’ Eesti Pank, billi jiġi kkunsidrat illi, skont iċ-ċaqliq fil-kambju barrani, jista’ jkun neċessarju illi tiżdied aktar milli titnaqqas il-klejm għall-ammont imsemmi fil-premessa 2. |
(6) |
Il-Kunsill Governattiv approva d-dħul tal-BĊE f’dan il-Ftehim, li jikkonċerna deċiżjoni li għandha tittieħed taħt l-Artikolu 30 tal-Istatut tas-SEBĊ, skont l-Artikolu 10.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-proċedura speċifikata fih, |
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Modalitajiet għall-ikkreditar tal-klejm ta’ Eesti Pank
1. Jekk l-ammont tal-klejm li l-BĊE huwa mitlub jikkredita lil Eesti Pank skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34) (minn hawn ’il quddiem il-‘klejm’) huwa akbar minn EUR 103 115 678,01 fid-data finali li fiha l-BĊE jirċievi assi ta’ riżervi barranin mingħand Eesti Pank skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34), l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jitnaqqas b’effett minn dik id-data għal EUR 103 115 678,01. Dan it-tnaqqis għandu jsir billi l-klejm tiġi kkumpensata bl-ammont li Eesti Pank huwa mitlub jikkontribwixxi għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011 skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34). L-ammont ikkumpensat għandu jiġi ttrattat bħala kontribuzzjoni bil-quddiem għar-riżervi u provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34), li għandha titqies li saret fid-data li fiha jseħħ il-kumpens.
2. Jekk l-ammont mitlub bħala kontribuzzjoni minn Eesti Pank għar-riżervi u provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċizjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34) huwa ta’ anqas mid-differenza bejn l-ammont tal-klejm ta’ Eesti Pank u EUR 103 115 678,01, l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jitnaqqas għal EUR 103 115 678,01: (a) billi jsir kumpens skont paragrafu 1 hawn fuq; u (b) billi l-BĊE jħallas lil Eesti Pank ammont f’euro ekwivalenti għall-ammont tad-defiċit li jkun baqa’ wara dan il-kumpens. Kull ammont mitlub bħala ħlas mill-BĊE skont dan il-paragrafu għandu jkun dovut fl-1 ta’ Jannar 2011. Il-BĊE għandu, fiż-żmien propizju, jagħti struzzjonijiet għat-trasferiment ta’ dan l-ammont, u tal-imgħax nett li jkun akkumula fuqu, permezz tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2). L-imgħax akkumulat għandu jinħadem ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolazzjoni actual over-360-day b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.
3. Jekk l-ammont tal-klejm ta’ Eesti Pank huwa ta’ anqas minn EUR 103 115 678,01 fid-data finali li fiha l-BĊE jirċievi assi ta’ riżervi barranin mingħand Eesti Pank skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34), l-ammont tal-klejm imbagħad jiżdied f’dik id-data għal EUR 103 115 678,01 u Eesti Pank għandu jħallas lill-BĊE ammont f’euro li huwa ekwivalenti għad-differenza. Kull ammont li huwa mitlub li jitħallas minn Eesti Pank skont dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-1 ta’ Jannar 2011, u għandu jitħallas skont il-proċeduri speċifikati fl-Artikolu 5(4) u (5) tad-Deċiżjoni 2011/23/UE (BĊE/2010/34)
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.
2. Dan il-Ftehim għandu jitħejja f’żewġ kopji oriġinali bl-Ingliż debitament iffirmati. Il-BĊE u Eesti Pank għandhom iżommu kopja oriġinali ta’ dan kull wieħed.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta’ Diċembru 2010.
Għal Eesti Pank
Andres LIPSTOK
Gvernatur
Għall-Bank Ċentrali Ewropew
Jean-Claude TRICHET
President