EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AB0008

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 11 ta’ Frar 2011 dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta’ Monako (CON/2011/8)

ĠU C 60, 25.2.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 60/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta’ Frar 2011

dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta’ Monako

(CON/2011/8)

2011/C 60/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-9 ta’ Frar 2011 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar arranġamenti għan-negozjar mill-ġdid tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta’ Monako (1) (minn hawn ’il quddiem “l-abbozz tad-deċiżjoni”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 219(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ l-abbozz tad-deċiżjoni, li aktar minn 10 snin wara l-introduzzjoni tal-euro, timmira lejn l-emendar tal-Ftehim Monetarju mal-Prinċipalità ta’ Monako bil-għan li jiġi żgurat approċċ aktar konsistenti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

B’mod partikolari l-BĊE jilqa’ l-metodu revedut ġdid għall-kalkolu tal-limitu tal-ħruġ massimu ta' muniti euro ta' Monako u biex jiġi stabbilit il-proporzjon minimu ta' muniti euro ta’ Monako li għandhom jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni b’valur nominali ta’ 80 %.

Il-BĊE jinnota, madankollu, illi t-terminoloġija użata fl-abbozz tad-deċiżjoni – u konsegwentement ukoll fil-ftehim monetarju – għandu jkun aġġustat minħabba żviluppi leġiżlattivi.

Fejn il-BĊE jirrikkmanda illi d-deċiżjoni proposta tiġi emendata, qed jiġu stabbiliti għal dan il-għan fl-Anness proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta’ Frar 2011.

Il-Viċi-President tal-BĊE

Vitor CONSTÂNCIO


(1)  KUMM(2011) 23 finali.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 2(a)

“(a)

Il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni, irrappreżentata mir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Europea, u l-Prinċipalità ta’ Monako.”

“(a)

Il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni, irrappreżentata mir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Europea, b’assoċjazzjoni mill-qrib mal-BĊE u l-Prinċipalità ta’ Monako.”

Spjegazzjoni

Peress illi wieħed mill-għanijiet tan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim ma’ Monako huwa li jiġi żgurat approċċ aktar konsistenti ma’ ftehim monetarji oħrajn, il-BĊE jagħti parir li jintuża l-istess kliem użat fil-ftehim monetarju mal-Istat tal-Vatikan (iffirmat fis-17 ta’ Diċembru 2009  (2)) fir-rigward tar-rwol tal-BĊE. Barra minn hekk, il-kliem propost huwa konsistenti mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro  (3), li jgħid illi l-Kummissjoni għandha tikkoopera ma’ pajjiżi li mhumiex membri u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali f'assoċjazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Emenda 2

Artikolu 2(b)

“(b)

Il-metodu għad-determinazzjoni tal-limitu ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro ta' Monako għandu jiġi rivedut. Il-limitu l-ġdid għandu jkun ikkalkulat permezz ta' metodu li jikkombina parti fissa li jkollha l-għan li tevita l-ispekulazzjoni numismatika eċċessiva fuq il-muniti ta' Monako billi tissodisfa d-domanda tas-suq tal-kolletturi tal-muniti, ma' parti varjabbli, ikkalkulata bħala l-ħruġ medju per capita ta' muniti fi Franza fis-sena n–1 immultiplikat bl-għadd ta' abitanti ta' Monako. Bla ħsara għall-ħruġ ta’ muniti għall-kolletturi, il-Ftehim għandu jistabbilixxi 80 % bħala l-proporzjon minimu ta' muniti tal-euro ta' Monako biex jiġu introdotti b’valur nominali.”

“(b)

Il-metodu għad-determinazzjoni tal-limitu ta’ ħruġ ta’ muniti tal-euro ta' Monako għandu jiġi rivedut. Il-limitu l-ġdid għandu jkun ikkalkulat permezz ta' metodu li jikkombina parti fissa li jkollha l-għan li tevita l-ispekulazzjoni numismatika eċċessiva fuq il-muniti ta' Monako billi tissodisfa d-domanda tas-suq tal-kolletturi tal-muniti, ma' parti varjabbli, ikkalkulata bħala l-ħruġ medju per capita ta' muniti fi Franza fis-sena n–1 immultiplikat bl-għadd ta' abitanti ta' Monako. Bla ħsara għall-ħruġ ta’ muniti għall-kolletturi, il-Ftehim għandu jistabbilixxi 80 % tal-muniti euro maħruġin kull sena bħala l-proporzjon minimu ta' muniti tal-euro ta' Monako biex jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni b’valur nominali.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jikkunsidra importanti li tintuża terminoloġija legali monetarja preċiża fil-mandat u sussegwentement fil-ftehim monetarju nnifsu. Aktar speċifikament, il-konklużjonijiet ta’ rapport imħejji minn grupp ta’ ħidma magħmul minn rappreżentanti minn Ministeri tal-Finanzi u banek ċentrali nazzjonali taż-żona euro (il-grupp ta’ ħidma Euro dwar il-valuta legali) għandhom ikunu riflessi kif xieraq, billi ssir distinzjoni bejn “tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni”  (4) u “ħruġ” ta’ muniti euro  (5).


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU C 28, 4.2.2010, p. 13.

(3)  ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6.

(4)  It-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni hija attività purament operattiva u fiżika u tista’ tiġi ddelegata lil aġent.

(5)  Il-ħruġ kollu, inkluż kemm it-tpoġġija fiċ-ċirkolazzjoni kif ukoll id-dħul fil-karta tal-bilanċ tal-awtorità li toħorġu, huwa att ta’ awtorità pubblika u ma jistax jingħata biex isir minn ħaddieħor.


Fuq