EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52012AB0095

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’ Novembru 2012 dwar diversi abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni biex jiġu adottati permezz ta’ regolamenti ta’ delega u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (CON/2012/95)

ĠU C 60, 1.3.2013, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 60/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Novembru 2012

dwar diversi abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni biex jiġu adottati permezz ta’ regolamenti ta’ delega u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

(CON/2012/95)

2013/C 60/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-8 ta’ Novembru 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kummissjoni għal opinjoni dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STR” u l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni (minn hawn ’il quddien l-“abbozz tal-STI”) ippreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) lill-Kummissjoni u li għandhom jiġu adottati skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (1) permezz ta:

(a)

regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STR dwar l-obbligu tal-ikklerjar u l-mitigazzjoni tar-riskji”);

(b)

regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar kulleġġi għal kontropartijiet ċentrali (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STR dwar kulleġġi għal kontropartijiet ċentrali”);

(c)

regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STR dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali”);

(d)

regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dettalji minimi tad-dejta li trid tiġi rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STR dwar id-dettalji minimi tad-dejta li trid tiġi rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet”);

(e)

regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STR dwar id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta”);

(f)

regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru …/… li jistipula standards tekniċi ta’ implimentazzjoni rigward il-format u l-frekwenza tar-rapporti tan-negozju lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (minn hawn ’il quddiem l-“abbozz tal-STI dwar il-format u l-frekwenza tar-rapporti tan-negozju lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet”)

(kollettivament imsejħa l-“abbozzi tal-istandards regolatorji u ta’ implimentazzjoni”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi l-abbozzi tal-istandards regolatorji u ta’ implimentazzjoni fihom dispożizzjonijiet li jeffettwaw, b’mod partikolari, il-kompitu tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) li tippromwovi l-ħidma bla ostakli ta’ sistemi ta’ ħlas, kif ukoll il-kontribut tagħha għat-tmexxija bla ostakli ta’ politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, it-tmexxija tagħha ta’ operazzjonijiet ta’ kambju barrani u l-pussess u l-ġestjoni tar-riżervi barranin uffiċjali tal-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 127(2) u (5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.    Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Fit-13 ta’ Jannar 2011, il-BĊE ippubblika l-Opinjoni CON/2011/1 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (2) li fiha emfasizza, inter alia, illi l-banek ċentrali għandhom rwol statutorju u r-responsabbiltà li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll għas-sigurtà u l-effiċenza ta’ infrastrutturi finanzjarji. It-test finali ta’ Regolament (UE) Nru 648/2012 bl-istess mod emfasizza l-irwol tas-SEBĊ fil-promozzjoni tal-operat mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u jitlob li l-AETS tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi f'kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ (3).

1.2.

Il-BĊE kien involut mill-qrib ħafna fix-xogħol tal-AETS fuq l-istandards tekniċi fir-rigward ta’ kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet u jilqa’ l-kooperazzjoni tal-AETS fil-kunsiderazzjoni tal-parti l-kbira tal-kummenti tal-BĊE fl-abbozzi tal-istandards regolatorji u ta’ implimentazzjoni. Ġeneralment, il-BĊE jappoġġa l-abbozz finali tal-istandards tekniċi tal-AETS u jqishom bħala bbilanċati sew u konformi mal-Prinċipji tas-CPSS-IOSCO għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju (4). Madankollu, il-BĊE jixtieq jikkummenta dwar u jissuġġerixxi emendi fir-rigward ta’ uħud mill-kwistjonijiet l-aktar kruċjali, inkluż il-kwistjonijiet relevanti għall-BĊE fejn ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jitlobx li s-SEBĊ tkun involuta fix-xogħol ta’ tħejjija tal-AETS.

2.    Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

Il-BĊE jilqa’ d-dispożizzjoni tal-abbozz tal-STR dwar l-obbligu tal-ikklerjar u l-mitigazzjoni tar-riskji (5) li tispeċifika l-elementi li l-AETS għandha tikkunsidra sabiex tevalwa l-grad ta’ standardizzazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-proċessi operattivi tal-klassi relevanti ta’ derivati OTC suġġetti għall-ikklerjar. Tassew, din id-dispożizzjoni iżżid iċ-ċarezza fil-kunċett ta’ ‘standardizazzjoni’ nnifsu. Dan huwa essenzjali biex tittejjeb it-trasparenza tas-swieq tad-derivati OTC, jitnaqqas ir-riskju sistemiku u tittejjeb l-istabbiltà finanzjarja, kif imħeġġeġ mill-mexxejja tal-G20 (6). Minkejja dan, huwa importanti li jiġi żgurat illi l-fokus fuq l-istandardizzazzjoni ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali ma joffrix inċentivi għall-parteċipanti fis-suq biex iżommu lura mill-proċess ta’ standardizzazzjoni kuntrattwali, sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ obbligu tal-ikklerjar obbligatorju. F’dan ir-rigward, il-BĊE jemfasizza wkoll il-mandat tal-AETS biex: (a) timmonitorja l-attività fid-derivati li mhumiex eliġibbli għall-ikklerjar, sabiex tidentifika każijiet fejn klassi partikolari ta’ derivati tista’ toħloq riskju sistemiku, u (b) tipprevjeni l-arbitrage regolatorju bejn tranżazzjonijiet ta’ derivati ikklerjati u mhux ikklerjati (7).

2.2.

Barra minn dan, il-BĊE jinnota illi l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistipula illi r-Regolament m’għandux japplika għal: (a) membri tas-SEBĊ, (b) korpi oħra tal-Istati Membri li jaqdu funzjonijiet simili, u (c) korpi pubbliċi oħrajn tal-Unjoni inkariga bi jew li jintervjenu fil-ġestjoni tad-dejn pubbliku li jinkludi l-obbligi tal-ikklerjar kif ukoll tar-rapportar (8). Madankollu, li l-kontropartijiet tal-membri tas-SEBĊ jintalbu jirrapportaw id-dejta kollha dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom fir-repożitorji ta’ dejta dwar it-tranżazzjonijiet jillimita l-effettività tal-eżenzjoni fuq imsemmija. Sabiex ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jinżamm milli jillimita s-setgħa tal-membri tas-SEBĊ biex iwettqu l-kompiti tagħhom li huma ta’ interess komuni, huwa kruċjali illi, b’mod partikolari, il-kotba tal-membri tas-SEBĊ jiġu protetti u li s-sinjalazzjoni bbażata fuq l-operazzjonijiet tal-banek ċentrali tibqa’ effettiva. Dan jista’ jkun żgurat bl-aktar mod effettiv jekk mhux biss il-membri tas-SEBĊ jkunu eżenti mill-obbligu li jirrapportaw fuq it-tranżazzjonijiet tad-derivati tagħhom, iżda wkoll il-kontropartijiet tal-membri tas-SEBĊ f’dawk it-tranżazzjonijiet.

2.3.

Il-BĊE jinnota illi d-depożiti ta’ flus kontanti li jsiru permezz ta’ faċilitajiet ta’ depożitu permanenti jew ta’ mezzi paragonabbli oħrajn forniti minn bank ċentrali jistgħu jkunu denominati jew fil-munita maħruġa minn dak il-bank ċentrali (jiġifieri “flus tal-bank ċentrali”) jew f’munita oħra li mhix maħruġa minn dak il-bank ċentrali (jigifieri “flus ta' bank kummerċjali”) u għalhekk jistgħu jkollhom profil ta' riskju differenti. Dan il-fatt għandu jkun rifless fil-politika tal-investiment ta’ kontroparti ċentrali permezz tat-trattament differenti ta’ dawn id-depożiti u jistgħu jkunu jridu jiġu kkunsidrati meta jseħħ ir-rieżami li jmiss tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li jiġu emendati l-abbozzi tal-istandards regolatorji u ta’ implimentazzjoni, proposti speċifiċi tal-abbozzat qed jiġu stipulati fl-Anness għal dan il-għan flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  GU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  ĠU Ċ 57, 23.2.2011, p. 1.

(3)  Ara l-premessa 11 u l-Artikoli 26(9), 34(3), 41(5), 42(5), 44(2), 45(5), 46(3), 47(8), 49(4), 54(4), 81(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(4)  Disponsibbli fuq il-websajt tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq http://www.bis.org

(5)  Artikolu 6.

(6)  Ara, b’mod partikolari, id-Dikjarazzjoni tas-Samit ta’ Toronto tal-G20 tas-26-27 ta’ Ġunju 2010, disponibbli fuq http://canadainternational.gc.ca

(7)  Artikoli 11(13) u 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(8)  Artikolu 1(4) tar-Regolament (EU) Nru 648/2012.


ANNESS

Proposti tal-abbozzar għall-abbozz tal-STR dwar kulleġġi għal kontropartijiet ċentrali

Test ippreżentat lill-Kummissjoni mill-AETS

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Preambolu

“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tiegħu,”

“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Spjegazzjoni

Skont l-Artikolu 296 tat-Trattat, li jistipula illi atti legali għandhom jirriferu għal kwalunkwe opinjoni prevista fit-Trattati, l-emenda proposta hija neċessarja sabiex tirrifletti l-fatt illi l-abbozz tar-regolament ta’ delega jiġi adottat skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat. Dawn id-dispożizzjonijiet fihom l-obbligu li l-BĊE jiġi kkonsultat fuq kull att propost tal-Unjoni li jaqa’ fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu  (3).

Emenda 2

Artikolu 8 (ġdid)

L-ebda test

“Ġestjoni ta’ Kriżi f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

Il-proċeduri biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għandhom jirriflettu r-responsabbiltajiet u l-ħtiġijiet ta’ informazzjoni mill-membri ta’ kulleġġ u għandhom jinkludu l-għodod neċessarji biex titħalla ssir komunikazzjoni f’waqtha, proporzjonata u effettiva matul proċess ta' ġestjoni ta' kriżi. Bħala parti mill-proċeduri għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza, awtorità kompetenti ta’ CCP għandha tiżgura illi l-kulleġġ iqis it-twaqqif tal-għodod li ġejjin:

(a)

faċilitajiet permanenti għall-komunikazzjoni matul kriżi;

(b)

lista ta’ kontroll tal-minimu tal-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu komunikati matul kriżi;

(c)

ittestjar regolari tal-proċeduri għall-ġestjoni ta’ kriżi.

Spjegazzjoni

Id-Dokument konsultattiv tal-AETS (ESMA/2012/379) kien jinkludi xi lingwaġġ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ta' emerġenza. Skont ir-Responsabbiltà E “Kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn” tal-Prinċipji għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju tas-CPSS-IOSCO, arranġamenti ta’ kooperazzjoni fost l-awtoritajiet iridu jkunu effettivi mhux biss f'ċirkostanzi normali, imma wkoll matul perijodi ta' stress fis-suq u sitwazzjonijiet ta' kriżi.


Proposti tal-abbozzar għall-abbozz tal-STR dwar id-dettalji minimi tad-dejta li trid tiġi rrapportata lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

Test ippreżentat lill-Kummissjoni mill-AETS

Emendi proposti mill-BĊE

Emenda 3

Anness, Tabella 2, daħħal taqsima ġdida dwar derivati ta’ kreditu wara l-partita 54

L-ebda test

 

Taqsima 2h (4) – Kreditu

Jekk UPI jiġi rrapportat u jkun fih l-informazzjoni kollha t’hawn taħt, mhuwiex meħtieġ li dan jiġi rapportat.

Derivati ta’ kreditu

55

Klawżola dwar ir-ristrutturar

Tindika t-tip ta’ klawżola dwar ir-ristrutturar.

 

Spjegazzjoni

Minn perspettiva ta’ analiżi tal-istabbiltà finanzjarja u tar-riskju sistemiku, huwa kruċjali li tinkiseb informazzjoni fir-rigward tat-tip ta’ klawżoli għar-ristrutturar tal-kuntratti pendenti ta’ swap ta’ inadempjenza tal-kreditu (CDS). Din l-informazzjoni tħalli lill-awtoritajiet janalizzaw l-impatt ta’ avveniment kreditizju fuq l-iskoperturi tas-CDS ta’ parteċipanti fis-suq b’mod aktar preċiż u jifhmu liema tipi ta’ avvenimenti kreditizji japplikaw għal ċerti pożizzjonijiet tas-CDS. Għalhekk, in-nuqqas ta' din l-informazzjoni xxekkel l-analiżi tar-riskju sistemiku relatata ma' avvenimenti kreditizji.


Proposti tal-abbozzar għall-abbozz tal-STR dwar id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta

Test ippreżentat lill-Kummissjoni mill-AETS

Emendi proposti mill-BĊE

Emenda 4

Artikolu 2(10)

“10.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil membru rilevanti tas-SEBĊ aċċess għal dejta tal-pożizzjoni għal kuntratti ta' derivattivi fil-munita maħruġa minn dak il-membru.”

“10.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil membru rilevanti tas-SEBĊ b’aċċess għal dejta f’livell ta’ tranżazzjoni kif ukoll b’dejta tal-pożizzjoni għal kuntratti ta' derivattivi fil-munita maħruġa minn dak il-membru. Jekk l-ebda waħda mill-kontropartijiet tal-kuntratt ta’ derivat ma tinsab fil-ġuriżdizzjoni ta’ dan il-membru tas-SEBĊ, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista’ jipprovdi din id-dejta f’livell ta’ tranżazzjoni mingħajr ma jidentifika l-kontropartijiet tad-derivat.

Spjegazzjoni

L-abbozz preżenti jipprovdi biss għal aċċess għal “dejta tal-pożizzjoni” għall-bank ċentrali li joħroġha. Sabiex iwettaq il-mandat tiegħu taħt l-Atrikolu 127(2) u (5) tat-Trattat, b’mod partikolari fir-rigward tal-politika monetarja, il-funzjonament mingħajr xkiel ta’ sistemi ta’ ħlas u l-istabbiltà finanzjarja, il-BĊE jeħtieġ aċċess għal dejta f'livell ta' tranżazzjoni fir-rigward ta' kuntratti ta' derivati denominati f'euro.

F’dan ir-rigward, il-BĊE għandu interess li: (a) jimmonitorja l-flussi ta’ ħlasijiet aggregati jew individwali li jeffettwaw is-sistemi ta' ħlas u saldu; (b) jimmonitorja l-likwidità tal-euro; u (c) jimmonitorja għal attività ta' spekukazzjoni f'dik il-munita. Dan ser ikun utli speċjalment biex jiġu evalwati il-pressjonijiet potenzjali fuq il-likwidità li jistgħu jkollhom impatt fuq l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Dejta tal-pożizzjoni ser tipprovdi biss dejta dwar ammonti pendenti (“stokks”), iżda mhux fuq il-flussi, li huma meħtieġa biex issir analiżi fuq il-likwidità.

Barra minn dan, l-ikklerjar mandatorju ser ikollu impatt sinifikanti fuq il-likwidità tas-suq u l-flussi tal-ħlas. L-aċċess għad-dejta f’livell ta’ tranżazzjoni huwa għalhekk meħtieġ ukoll sabiex jinftiehmu l-istruttura tas-suq u r-reżiljenza tal-likwidità tas-suq tad-derivati OTC.

L-Eurosistema ser tkun teħtieġ ukoll aċċess għal dejta f’livell ta’ tranżazzjoni fid-dawl tal-irwol tagħha bħala membru ta’ kulleġġi CCP li jirrappreżentaw il-bank ċentrali tal-ħruġ. Peress illi l-euro hija żgur l-aktar munita importanti fl-Unjoni fir-rigward ta’ kuntratti ta’ derivati, il-BĊE jistenna illi l-Eurosistema tkun membru ta’ numru kbir ta’ kulleġġi CCP.


Proposti tal-abbozzar għall-abbozz tal-STI dwar il-format u l-frekwenza tar-rapporti tan-negozju lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

Test ippreżentat lill-Kummissjoni mill-AETS

Emendi proposti mill-BĊE

Emenda 5

Anness, Tabella 2, daħħal taqsima ġdida dwar derivati ta’ kreditu wara l-partita 54

L-ebda test

 

Taqsima 2h (5) – Kreditu

Jekk UPI jiġi rrapportat u jkun fih l-informazzjoni kollha t’hawn taħt, mhuwiex meħtieġ li dan jiġi rapportat.

Derivati ta’ kreditu

55

Klawola dwar ir-ristrutturar

Old R=

Ristrutturar Qadim

Mod R=

Ristrutturar Modifikat

Mod-Mod R=

Ristrutturar Modifikat Modifikat

No R=

Ebda Ristrutturar

 

Spjegazzjoni

Minn perspettiva ta’ analiżi tal-istabbiltà finanzjarja u tar-riskju sistemiku, huwa kruċjali li tinkiseb informazzjoni fir-rigward tat-tip ta’ klawżoli għar-ristrutturar tal-kuntratti pendenti tas-CDS. Din l-informazzjoni tħalli lill-awtoritajiet janalizzaw l-impatt ta’ avveniment kreditizju fuq l-iskoperturi tas-CDS ta’ parteċipanti fis-suq b’mod aktar preċiż u jifhmu liema tipi ta’ avvenimenti kreditizji japplikaw għal ċerti pożizzjonijiet tas-CDS. Għalhekk, in-nuqqas ta' din l-informazzjoni jxekkel l-analiżi tar-riskju sistemiku relatata ma' avvenimenti kreditizji.


(1)  It-tipa skura fil-korp tat-test tindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU C X, xx.xx.201x, p.xx.

(3)  Il-BĊE jinnota illi kull abbozz ta’ STR u kull abbozz ta' STI, li għalih jiġu proposti emendi f’din l-opinjoni, għandu jirreferi għal din l-opinjoni.

(4)  Jekk jogħgbok innota li t-taqsimiet u l-partiti sussegwenti jridu jiġu numerati mill-ġdid.

(5)  Jekk jogħgbok innota li t-taqsimiet u l-partiti sussegwenti jridu jiġu numerati mill-ġdid.


Fuq