EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52013AB0002

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 7 ta’ Jannar 2013 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro (CON/2013/2)

ĠU C 96, 4.4.2013, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 96/11


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Jannar 2013

dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro

(CON/2013/2)

2013/C 96/03

Introduzzjoni u bażi legali

Fid-19 ta’ Lulju 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità biex tingħata għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro (1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' kompetenza tal-BĊE. B'mod partikolari, il-BĊE jamministra l-għajnuna lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro (minn hawn ’il quddiem “Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro”) taħt il-faċilità preżenti, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 332/2002 (2), u jkollu rwol fil-valutazzjoni, il-monitoraġġ u l-amministrazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja taħt ir-regolament propost. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.    Osservazzjonijiet ġenerali

Ir-regolament propost huwa maħsub biex jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 332/2002 sabiex tiġi stabbilita għajnuna finanzjarja għal perjodu ta’ żmien medju għal Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro taħt kundizzjonijiet aktar flessibbli u bil-għan li jiġu żgurati aktar kundizzjonijiet ugwali bejn iż-żona tal-euro u l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro, bħala tweġiba għall-kriżi finanzjarja preżenti. Ir-regolament propost jintroduċi strumenti u proċeduri simili għal dawk diġà żviluppati għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lil Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem “Stati Membri fiż-żona tal-euro”). Waqt li r-Regolament (KE) Nru 332/2002 (wara l-aħħar emenda tiegħu) kien jipprovdi espliċitament biss għal għajnuna finanzjarja għal perjodu ta’ żmien medju fil-forma ta’ self lill-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jkun marbut mal-kundizzjoni li jiġu adottati programmi ta’ aġġustament, ir-regolament propost jagħmel disponibbli żewġ strumenti ta’ finanzjament addizzjonali: linja ta’ kreditu kkundizzjonata u kawtelatorja (precautionary conditioned credit line – PCCL) u linja ta’ kreditu b’kundizzjonijiet imtejba (enhanced conditions credit line – ECCL). Tabilħaqq, il-PCCL u l-ECCL huma fost l-istrumenti li jistgħu jintużaw biex tingħata għajnuna lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro. Il-limitu tal-għajnuna finanzjarja għal perjodu ta’ żmien medju li tista’ tingħata taħt ir-regolament propost baqa’ l-istess bħal dak taħt ir-Regolament (KE) Nru 332/2002, jiġifieri EUR 50 biljun.

Il-BĊE jifhem li sakemm jasal iż-żmien li jiġi rrevokat ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (3), l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro tista’ sseħħ taħt ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 jew taħt ir-regolament propost. Huwa għalhekk jilqa’ l-isforz biex jiġu stabbiliti strumenti li jkunu kemm jista’ jkun identiċi għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk li mhumiex u jilqa’ wkoll l-isforz biex jiġu sinkronizzati l-proċeduri għall-għoti ta’ dik l-għajnuna. Meta jitqies il-fatt li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM – European Financial Stabilisation Mechanism) mhuwiex ser jitkompla (4) fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, jista’ jkun ta’ benefiċċju li jiġi ċċarat jekk xi għajnuna li tista’ tingħata lil Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro taħt ir-Regolament (UE) Nru 407/2010 tkunx irregolata mir-regolament propost wara li jitwaqqaf l-EFSM.

2.    Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

Il-BĊE jieħu nota tal-introduzzjoni ta’ linji ta’ kreditu li jippermettu għajnuna għal Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro li l-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħhom tkun fundamentalment soda (5). Il-BĊE jikkunsidra li l-għoti tal-linji ta’ kreditu huwa kumpatibbli mal-Artikolu 143 tat-Trattat, li jipprevedi l-possibbiltà tal-Unjoni li tintervjeni mhux biss meta Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro jkollu diffikultajiet, iżda wkoll meta jkun “mhedded b’mod serju b’diffikultajiet” fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti tiegħu, meta dawk id-diffikultajiet potenzjali aktarx li jkunu ser jipperikolaw b’mod partikolari l-funzjonament tas-suq intern. Fl-istess ħin, il-BĊE jikkunsidra li hija importanti ħafna interpretazzjoni stretta tal-kriterji ta’ eliġibbiltà meta jiġi evalwat l-aċċess għal-linji ta’ kreditu, u konformità stretta magħhom maż-żmien. Huwa tabilħaqq essenzjali li jiġi evitat aġir li jkun ta’ periklu morali mill-benefiċċjarji ta' dawn il-linji ta’ kreditu. Bħal ma jiġri fil-każ ta‘ Stati Membri fiż-żona tal-euro, dan ser jinvolvi sforz partikolari mill-partijiet relevanti kollha.

2.2.

Fir-rigward tal-irwol tal-BĊE u tal-Eurosistema, ir-regolament propost fih dispożizzjonijiet simili fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-għajnuna finanzjarja, rispettivament il-ftuħ u l-użu ta’ kontijiet mal-Bank Ċentrali Nazzjonali (BĊN) tal-Istat Membru relevanti u tal-BĊN rispettiv mal-BĊE. F’dan ir-rigward, il-BĊE jifhem li taħt ir-regolament propost huwa għandu jaġixxi bħala aġent fiskali, skont l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u li ebda finanzjament mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali ma jkun mistenni, b’mod konformi mal-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju stabbilita fl-Artikolu 123 tat-Trattat. Għalhekk, il-BĊE jtenni li l-kontijiet li għandhom jintużaw għall-ġestjoni ta’ din l-għajnuna finanzjarja fil-BĊNi u fil-BĊE mhumiex ser jipprovdu għall-possibbiltà ta’ overdraft (6).

2.3.

Ir-regolament propost jistabbilixxi, minbarra l-amministrazzjoni tas-self u l-linji ta’ kreditu, parteċipazzjoni usa’ mill-BĊE f’każijiet ta’ għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea lil Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro milli huwa preżentament il-każ taħt ir-Regolament (KE) Nru 332/2002. Għalkemm dan tal-aħħar jillimita l-irwol tal-BĊE għall-amministrazjzoni tas-self, il-BĊE ilu jipparteċipa bħala osservatur fil-missjonijiet lill-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jirċievu għajnuna finanzjarja taħt ir-Regolament (KE) Nru 332/2002. Ir-Regolament propost jieħu f’kunsiderazzjoni dan il-fatt u jissuġġerixxi, fost affarijiet oħrajn, li l-BĊE jista’ jikkoopera mal-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tad-dejn ġenerali tal-gvern u l-ħtiġijiet preżenti jew potenzjali għal finanzjament, it-tħejjija ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku, il-monitoraġġ tal-progress tagħhom permezz ta’ missjonijiet regolari, u sorveljanza mtejba meta jingħata ECCL jew jinġibed PCCL. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jintalab l-involviment tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Taħt ir-Regolament (KE) Nru 332/2002, dawn l-attivitajiet fil-kuntest ta’ għajnuna finanzjarja għal perjodu ta’ żmien medju għal skopijiet ta' bilanċ ta’ ħlasijiet ġew assenjati lill-Kummissjoni weħidha. L-irwol tal-BĊE u tal-FMI taħt ir-regolament propost jidher li jirrifletti, fil-parti l-kbira, is-sistema fis-seħħ għal Stati Membri fiż-żona tal-euro taħt l-EFSM, il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (European Financial Stability Facility – EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (European Stability Mechanism – ESM). Peress li l-BĊE mhuwiex l-awtorità monetarja tal-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro, il-BĊE jixtieq jiddistingwi bejn l-involviment tiegħu fir-rigward ta’ Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro u l-involviment tiegħu fir-rigward ta’ Stati Membri fiż-żona tal-euro, u jinnota li l-irwol tiegħu fil-kooperazzjoni proposta mal-Kummissjoni ser ikollu jiġi organizzat fi ħdan il-mandat tiegħu u b’rispett għall-indipendenza tiegħu.

2.4.

Il-BĊE josserva li, fl-evalwazzjoni tiegħu tat-twettiq tal-kriterji ta' konverġenza stipulati fl-Artikolu 140 tat-Trattat u li dwarhom jingħataw aktar dettalji fi Protokoll mehmuż mat-Trattat, huwa ser ikompli jieħu f’kunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet ta’ appoġġ għall-bilanċ tal-ħlasijiet internazzjonali u għajnuna għal-likwidità għall-evalwazzjoni tal-istabbiltà tar-rata tal-kambju, b’mod partikolari għall-muniti li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju II, ERM II. Dan ser ikompli jkun il-każ fil-futur u b’hekk ser japplika wkoll għal kull għajnuna mogħtija taħt ir-regolament propost.

2.5.

Il-BĊE jinnota li l-istabbiliment tar-regolament propost ma jistax ikollu implikazzjonijiet għall-funzjonament ta’ ERM II fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja, li ser tkun tibqa’ tkun irregolata mill-qafas legali eżistenti (7).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-Regolamenti proposti jiġu emendati, proposti ta’ abbozzar speċifiċi jingħataw fl-Anness flimkien ma’ test spjegattiv f'dan ir-rigward.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2012) 336 finali.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).

(4)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16-17 ta’ Diċembru 2010; http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/118578.pdf

(5)  Artikolu 4 tar-regolament propost.

(6)  Ara t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Opinjoni CON/2009/37 tal-20 ta’ April 2009 fuq proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta’ pagament tal-Istati Membri (ĠU C 106, 8.5.2009, p. 1).

(7)  Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra miż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fl-istadju tlieta tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21).


ANNESS

Proposti ta’ abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 3(2), (3), (7) u (8) u Artikolu 5(2)

“Artikolu 3

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b'kooperazzjoni mal-BĊE u kulfejn possibbli mal-FMI, is-sostenibbiltà tad-dejn ġenerali tal-Gvern u l-ħtiġijiet finanzjarji attwali jew potenzjali tal-Istat Membru konċernat u tressaq din il-valutazzjoni lill-KEF.

3.   L-Istat Membru konċernat għandu jipprepara bi ftehim mal-Kummissjoni, li taġixxi b'kooperazzjoni mal-BĊE u kulfejn possibbli mal-FMI, abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku li jkun fih rekwiżiti politiċi u mmirat lejn li terġa' tiġi stabbilita pożizzjoni sostenibbli tal-bilanċ tal-pagamenti u li tiġi rrestawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji bis-sħiħ. L-abbozz tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikoli 121, 126 u 148 tat-Trattat – u l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma magħhom – filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-mizuri politiċi meħtieġa.

[…]

7.   Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u fejn relevanti, l-FMI għandha timmonitorja l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku permezz ta’ missjonijiet ta’ analiżi regolari. Għandha tinforma lill-KEF fuq bażi trimestrali. L-Istat Membru konċernat għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u l-BĊE. Partikolarment għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-BĊE bl-informazzjoni kollha li jqisu neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm. L-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu wkoll l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

8.   Il-Kummissjoni – b'kooperazzjoni mal-BĊE u kull fejn possibbli mal-FMI – għandha teżamina mal-Istat Membru konċernat il-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova kwalunkwe bidla li ssir fil-programm.

Artikolu 5

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b'kooperazzjoni mal-BĊE u kulfejn possibbli mal-FMI, is-sostenibbiltà tad-dejn ġenerali tal-Gvern u l-ħtiġijiet finanzjarji attwali jew potenzjali tal-Istat Membru konċernat u tressaq din il-valutazzjoni lill-KEF.”

“Artikolu 3

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b'kooperazzjoni mal-BĊE u kulfejn possibbli xieraq, mal-FMI, is-sostenibbiltà tad-dejn ġenerali tal-Gvern u l-ħtiġijiet finanzjarji attwali jew potenzjali tal-Istat Membru konċernat u tressaq din il-valutazzjoni lill-KEF.

3.   L-Istat Membru konċernat għandu jipprepara bi ftehim mal-Kummissjoni, li taġixxi b'kooperazzjoni mal-BĊE waqt li tieħu f'kunsiderazzjoni l-fehmiet tal-BĊE, jekk il-BĊE jiddeċiedi li jagħti parir f’dan ir-rigward, u kulfejn possibbli ikun xieraq, b’kollaborazzjoni mal-FMI, abbozz ta' programm ta' aġġustament makroekonomiku li jkun fih rekwiżiti politiċi u mmirat lejn li terġa' tiġi stabbilita pożizzjoni sostenibbli tal-bilanċ tal-pagamenti u li tiġi rrestawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji bis-sħiħ. L-abbozz tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku għandu jqis kif xieraq ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikoli 121, 126 u 148 tat-Trattat – u l-azzjonijiet tiegħu biex jikkonforma magħhom – filwaqt li jimmira lejn it-twessigħ, it-tisħiħ u l-approfondiment tal-mizuri politiċi meħtieġa. Fejn l-Istat Membru kkonċernat huwa Stat Membru li l-munita tiegħu qed tipparteċipa fl-ERM II, l-impenji taħt l-ERM II għandhom jiġu kkunsidrati.

[…]

7.   Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE u fejn relevanti xieraq, l-FMI għandha timmonitorja l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament makroekonomiku permezz ta’ missjonijiet ta’ analiżi regolari. Għandha tinforma lill-KEF fuq bażi trimestrali. L-Istat Membru konċernat għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissjoni u l-BĊE. Partikolarment għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-BĊE bl-informazzjoni kollha li jqisu neċessarja għall-monitoraġġ tal-programm. L-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu wkoll l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

8.   Il-Kummissjoni – b'kooperazzjoni mal-BĊE waqt li tieħu f'kunsiderazzjoni l-fehmiet tal-BĊE, jekk il-BĊE jiddeċiedi li jagħti parir f’dan ir-rigward, u kulfejn possibbli ikun xieraq, b’kollaborazzjoni mal-FMI – għandha teżamina mal-Istat Membru konċernat il-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament makroekonomiku tiegħu. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu japprova kwalunkwe bidla li ssir fil-programm.

Artikolu 5

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b'kooperazzjoni mal-BĊE u kulfejn possibbli xieraq mal-FMI, is-sostenibbiltà tad-dejn ġenerali tal-Gvern u l-ħtiġijiet finanzjarji attwali jew potenzjali tal-Istat Membru konċernat u tressaq din il-valutazzjoni lill-KEF.”

Spjegazzjoni

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju fir-rigward tal-irwol tal-FMI, huwa meħtieġ li tintuża terminoloġija konsistenti f’kull parti tar-Regolament propost. Barra minn hekk, ir-Regolament propost għandu jibqa’ konsistenti ma’ strumenti legali kumparabbli oħrajn li jipprovdu għal għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u mhux mill-Unjoni, eż. Ir-Regolament (UE) Nru 407/2010, il-Ftehim ta’ Qafas tal-EFSF u t-Trattat dwar l-ESM.

It-tħassir ta’ “li taġixxi b'kooperazzjoni mal-BĊE” fl-Artikolu 3(3) u “b'kooperazzjoni mal-BĊE” fl-Artikolu 3(8) u l-inseriment ta’ “waqt li tieħu f'kunsiderazzjoni l-fehmiet tal-BĊE, jekk il-BĊE jiddeċiedi li jagħti parir f’dan ir-rigward” fiż-żewġ paragrafi huma mmirati biex jirriflettu li l-BĊE għandu jkollu inqas involvement fit-tħejjija tal-programmi ta’ aġġustament. Waqt li l-kumplament tat-test propost mill-Kunsill jipprovdi biex il-BĊE jkollu rwol li jista’ jiġi deskritt bħala li huwa aktar ta’ natura superviżorja, l-irwol tal-BĊE fl-Artikoli 3(3) u 3(8) għandu jkun dak ta’ istituzzjoni li tiżviluppa programm ta’ aġġustament ekonomiku. Il-BĊE jidhirlu li mhuwiex xieraq li jassumi rwol bħal dak għal Stat Membru mhux fiż-żona tal-euro peress li hija l-bank ċentrali nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru li huwa inkarigat mill-politika monetarja f’dak l-Istat Membru. Il-BĊE b’hekk m'għandux jinterferixxi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet indipendenti minn dak il-bank ċentrali nazzjonali billi jikkontribwixxi għal programm ta’ aġġustament ekonomiku.

Emenda 2

Artikolu 3(11) and (12)

“11.   Fejn l-Istat Membru konċernat jesperjenza nuqqas ta' kapaċità amministrattiva jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm tiegħu, għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni li tista' tikkostitwixxi għal dan il-għan gruppi ta' esperti mal-Istati Membri u istituzzjonijiet Ewropej u/jew internazzjonali rilevanti oħra. Assistenza teknika tista' tinkludi l-istabbiliment ta’ persunal rapprezentattiv u ta’ sostenn residenzjali biex jagħti pariri lill-awtoritajiet dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament.

12.   Il-Kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat biex jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament.”

“11.   Fejn l-Istat Membru konċernat jesperjenza nuqqas ta' kapaċità amministrattiva jew problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-programm tiegħu ta’ aġġustament makro-ekonomiku, għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni li tista' tikkostitwixxi għal dan il-għan gruppi ta' esperti mal-Istati Membri u istituzzjonijiet Ewropej u/jew internazzjonali rilevanti oħra. Assistenza teknika tista' tinkludi l-istabbiliment ta’ persunal rappreżentattiv u ta’ sostenn residenzjali biex jagħti pariri lill-awtoritajiet dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' aġġustament.

12.   Il-Kumitat relevanti tal-Parlament Ewropew jista' joffri l-opportunità lill-Istat Membru konċernat biex jipparteċipa fi skambju ta’ fehmiet dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makro-ekonomiku.”

Spjegazzjoni

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju dwar in-natura tal-programm imsemmi u għal raġunijiet ta’ konsistenza, huwa ssuġġerit li dan jissejjaħ “programm ta’ aġġustament makro-ekonomiku” fit-test kollu tar-Regolament.

Emenda 3

Artikolu 3(10)

“10.   L-aktar tard fi żmien sitt xhur wara d-deċiżjoni prevista fil-paragrafu 9, il-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jerġa' jibda l-iżborż jekk iqis li l-Istat Membru konċernat jissodisfa t-termini miftiehma tal-għajnuna finanzjarja. Fejn deċiżjoni bħal din ma tkunx ġiet adottata qabel din l-iskadenza, ma għandux isir aktar żborż ta' għajnuna finanzjarja mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.”

“10.   L-aktar tard fi żmien sitt xhur wara d-deċiżjoni prevista fil-paragrafu 9, il-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jerġa' jibda l-iżborż jekk iqis li l-Istat Membru konċernat jissodisfa t-termini miftiehma tal-għajnuna finanzjarja. Fejn deċiżjoni bħal din ma tkunx ġiet adottata qabel din l-iskadenza, ma għandux isir aktar żborż tal-għajnuna finanzjarja miftiehma mill-Unjoni skont dan ir-Regolament.”

Spjegazzjoni

L-għan ta' dan is-suġġeriment huwa biex jiġi ċċarat li d-dispożizzjoni mhijiex maħsuba biex tipprekludi aċċess għal għajnuna finanzjarja ġdida, li tista’ tkun meħtieġa pereżempju minħabba ċerti żviluppi lil hinn mill-Istat Membru kkonċernat.

Emenda 4

Artikolu 4(1)

“1.   L-aċċess għal PCCL għandu jkun limitat għal Stati Membri li l-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħhom tkun għadha fundamentalment soda.”

“1.   L-aċċess għal PCCL għandu jkun limitat għal Stati Membri li l-qagħda ekonomika u finanzjarja tagħhom tkun għadha tibqa’ fundamentalment soda.”

Spjegazzjoni

L-emenda proposta hija maħsuba biex tiċċara li jista’ jkollhom aċċess għall-PCCL biss dawk l-Istati Membri li l-qagħda tagħhom tibqa’ fundamentalment soda u li ma tkunx ser tinbidel f’qasir żmien. Il-bidla proposta hija mmirata biex tiżgura li d-devjazzjoni mit-terninoloġija użata s’issa taħt il-qafas legali tal-EFSF/ESM ma tinftiehemx li timplika bidla materjali.

Emenda 5

Artikolu 5(5)

“5.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jikkonkludu MtQ bid-dettalji tal-kundizzjonijiet marbuta mal-linja ta’ kreditu.”

“5.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jikkonkludu MtQ bid-dettalji tal-kundizzjonijiet marbuta mal-linja ta’ kreditu. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-MtQ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Spjegazzjoni

Għall-finijiet ta’ konsistenza mal-Artikolu 3(6), huwa propost li tiġi pprovduta komunikazzjoni tal-MtQ li tagħti fid-dettall il-kundizzjonijiet mehmuża mal-linja ta’ kreditu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Emenda 6

Artikolu 11(1)

“1.   L-Istat Membru koncernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-quddiem dwar l-intenzjoni tiegħu li jiġbed il-fondi mil-linja ta' kreditu tiegħu mill-inqas 45 jum kalendarju minn qabel.”

“1.   L-Istat Membru koncernat għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-BĊE bil-quddiem dwar l-intenzjoni tiegħu li jiġbed il-fondi mil-linja ta' kreditu tiegħu mill-inqas 45 jum kalendarju minn qabel.”

Spjegazzjoni

Peress li l-BĊE huwa allokat ċerti responsabbiltajiet fir-rigward tal-amministrazzjoni tas-self, huwa għandu jiġi infurmat fl-istess ħin bħall-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tal-Istat Membru li jiġbed fondi mil-linja ta’ kreditu tiegħu.

Emenda 7

Artikolu 12(3)

“3.   Ġaladarba tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Kunsill dwar self, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tissellef mis-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żmien l-aktar xieraq bejn l-iżborżi ppjanati, sabiex tottimizza l-ispiża tal-finanzjament u tippreżerva r-reputazzjoni tagħha bhala l-emittent tal-Unjoni fis-swieq. Il-fondi maħruġa iżda li jkun għadhom ma ġewx żburżati għandhom jinżammu f'kull ħin f'kontijiet apposta ta' flus jew titoli li jiġu trattati skont ir-regoli li japplikaw għal operazzjonijiet lil hinn mill-baġit, u ma jistgħux jintużaw għal għan ieħor għajr dak tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri skont il-mekkaniżmu preżenti.”

“3.   Ġaladarba tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Kunsill dwar self, jew tkun ġiet riċevuta talba minn Stat Membru biex jinġibdu fondi mil-linja ta’ kreditu tiegħu, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tissellef mis-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żmien l-aktar xieraq bejn l-iżborżi ppjanati, sabiex tottimizza l-ispiża tal-finanzjament u tippreżerva r-reputazzjoni tagħha bhala l-emittent tal-Unjoni fis-swieq. Il-fondi maħruġa iżda li jkun għadhom ma ġewx żburżati għandhom jinżammu f'kull ħin f'kontijiet apposta ta' flus jew titoli li jiġu trattati skont ir-regoli li japplikaw għal operazzjonijiet lil hinn mill-baġit, u ma jistgħux jintużaw għal għan ieħor għajr dak tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri skont il-mekkaniżmu preżenti.”

Spjegazzjoni

Huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu tal-Artikolu 12(3) sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissellef mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji fl-aktar ħin xieraq fil-kuntest ta' kull tip ta' għajnuna finanzjarja, inkluż jekk Stat Membru jiddeċiedi li jiġbed fondi mil-linja ta' kreditu tiegħu.

Emenda 8

Artikolu 14(2) Amministrazzjoni tas-selfiet u linji ta’ kreditu

“2.   L-Istat Membru konċernat għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni tal-għajnuna finanzjarja li jirċievi mill-Unjoni. Għandu jittrasferixxi wkoll il-kapital u l-imgħax dovuti fuq is-self f’kont mal-BĊE, fi żmien l-erbatax-il jum ta' negozju TARGET2 tal-BĊE qabel id-data tal-għeluq korrispondenti.”

“2.   L-Istat Membru konċernat għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni tal-għajnuna finanzjarja li jirċievi mill-Unjoni. Il-bank ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat għandu jiftaħ kont speċjali mal-BĊE. L-Istat Membru It għandu, permezz tal-kont miftuħ mal-bank ċentrali tiegħu, jittrasferixxi wkoll il-kapital u l-imgħax dovuti fuq is-self jew linja ta’ kreditu f’ lill-kont rispettiv mal-BĊE, fi żmien l-erbatax-il jum ta' negozju TARGET2 tal-BĊE qabel id-data tal-għeluq korrispondenti.”

Spjegazzjoni

Huwa ċċarat li l-Istat Membru nnifsu ma għandux kont mal-BĊE; minflok il-bank ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat jiftaħ kont mal-BĊE f’isem dak l-Istat Membru. Huwa ssuġġerit ukoll li jiġi ċċarat li l-amministrazzjoni tirrigwarda mhux biss selfiet, iżda wkoll linji ta’ kreditu peress li dawn jikkostitwixxu strumenti ta' finanzjament differenti u jkunu jeħtieġu l-ftuħ ta’ kont mal-BĊE.


(1)  Il-grassett fit-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid. Fejn it-test huwa ingassat, dan jindika li l-BĊE qiegħed jipproponi tħassir tat-test.


Fuq