EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52010XB0423(02)

Kodiċi supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (skont l-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew)

ĠU C 104, 23.4.2010, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 014 P. 91 - 92

23.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/8


Kodiċi supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika għall-Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew

(skont l-Artikolu 11.3 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew)

2010/C 104/03

1.   Dikjarazzjonijiet preliminari

Il-qafas etiku ġdid (1) għall-membri tal-istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2010. Jipprovdi gwida u jistabbilixxi konvenzjonijiet, standards u punti ta’ riferiment etiċi. Fis-16 ta’ Mejju 2002, il-membri tal-Bord Eżekuttiv, bħala membri tal-Kunsill Governattiv qablu dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (2). Bla ħsara għar-regoli stabbiliti f’dan il-Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi”), il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-qafas ta’ etika ġdid għall-membri tal-istaff u r-regoli stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv.

2.   Rigali jew benefiċċji finanzjarji oħra

“Rigal” huwa kwalunkwe benefiċċju jew vantaġġ, kemm jekk finanzjarju jew in natura, li huwa konness b’xi mod mal-kompiti u dmirijiet ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv u li ma jkunx il-kumpens miftiehem għas-servizzi mogħtija, kemm jekk mogħti minn jew offrut lil membru tal-Bord Eżekuttiv jew kwalunkwe membru tal-familja tiegħu jew lill-ħbieb personali mill-qrib tagħhom jew kollegi professjonali.

L-aċċettazzjoni ta’ rigal m’għandhiex, fl-ebda każ, tħassar jew tinfluwenza l-oġġettività u l-libertà ta’ azzjoni ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv u m’għandhiex toħloq obbligazzjoni jew aspettattiva mhux xierqa fuq min jirċievih jew min jagħtih. F’dan ir-rigward, jistgħu jinżammu rigali tas-settur privat ta’ valur li ma jaqbiżx EUR 50 u rigali f’relazzjonijiet ma’ banek ċentrali oħrajn u organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, li ma jmorrux lil hinn minn dak li jitqies bħala drawwa u kkunsidrat bħala xieraq. Jekk sitwazzjoni partikolari ma tippermettix li dawn ir-rigali jiġu rrifjutati, ir-rigal għandu jiġi mgħoddi lill-BĊE sakemm kull eċċess li jaqbeż EUR 50, jitħallas lill-BĊE.

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw rigali mingħand parteċipanti fi proċedura ta’ akkwist pubbliku.

Membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jagħtu rigali lill-terzi persuni għas-spejjeż tal-BĊE. Jekk rigal jaqbeż il-valur ta’ EUR 150, tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv la għandhom jospitaw u lanqas jagħtu xi benefiċċji oħrajn għas-spejjeż tal-BĊE lil xulxin inklużi lill-konjuġi, partners jew membri familjari..

3.   Aċċettazzjoni ta’ stediniet

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-obbligu tagħhom biex jirrispettaw il-prinċipju tal-indipendenza u jevitaw il-kunflitti ta’ interess, jistgħu jaċċettaw stediniet għal konferenzi, riċevimenti jew okkażjonijiet kulturali u divertiment relatat, inkluża ospitalità xierqa, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom fl-okkażjoni tkun kumpatibbli mat-twettiq ta’ dmirijiethom jew hija fl-interess tal-BĊE. F’dan ir-rigward, huma jistgħu jaċċettaw mingħand l-organizzaturi l-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni fi proporzjon mat-tul tal-impenn tagħhom. B’mod partikolari, il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jaċċettaw stediniet għal okkażjonijiet li għalihom ikun hemm attendenza kbira, waqt li għandhom josservaw prudenza partikolari fir-rigward ta’ stediniet individwali. Kull miżata li tiġi aċċettata minn membri tal-Bord Eżekuttiv għal lekċers jew diskorsi li huma jagħtu fil-kapaċità uffiċjali tagħhom għandha tintuża mill-BĊE għal finijiet ta’ karità.

Dawn ir-regoli għandhom japplikaw bl-istess mod għall-konjuġi jew partners tagħhom, jekk l-istediniet isiru lilhom ukoll u jekk il-parteċipazzjoni tagħhom hija konsistenti mad-drawwa aċċettata internazzjonalment.

4.   Aċċettazzjoni ta’ remunerazzjoni għal attivitajiet magħmula f’kapaċità personali

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jinvolvu rwieħhom f’attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ studji akkademiċi kif ukoll f’attivitajiet oħra bla qliegħ. Huma jistgħu jaċċettaw ir-remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż għal dawn l-attivitajiet, magħmula fil-kapaċità personali tagħhom u li ma jinvolvux lill-BĊE, bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u bil-kundizzjoni li din ir-remunerazzjoni u dawn l-ispejjeż ikunu f’proporzjon max-xogħol imwettaq u li jibqgħu fi ħdan il-limiti skont id-drawwa stabbilita. Kull sena huma għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-President tal-BĊE dwar kwalunkwe attività li huma jkunu wettqu f’kapaċità personali, kif ukoll dwar kull remunerazzjoni bħala riżultat ta’ dan.

5.   Konformità mar-regoli dwar insider trading

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv huma suġġetti għar-regoli komprensivi ta’ konformità dwar insider trading u r-reġim ta’ sorveljanza fis-seħħ fil-BĊE. Huma rrikkmandati bis-sħiħ sabiex ipoġġu l-investimenti tagħhom taħt il-kontroll ta’ wieħed jew aktar mill-maniġers ta’ portafolli rikonoxxuti b’diskrezjoni sħiħa. Din ir-rakkomandazzjoni ma tapplikax għal kontijiet kurrenti, kontijiet ta’ depożiti, kontijiet ta’ tfaddil u fondi tas-suq tal-flus (money market funds) jew strumenti finanzjarji simili għal żmien qasir. Din ir-rakkomandazzjoni hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li kultant wieħed iċaqlaq il-fondi għax-xiri ta’ ċerti oġġetti jew biex jinvesti fil-propjetà immobbli.

6.   Uffiċjal għall-Etika

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan il-Kodiċi, il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom, f’każ ta’ dubju dwar l-applikazzjoni prattika ta’ xi kriterju ta’ etika stabbilit f’dan il-Kodiċi u l-qafas ta’ etika għall-membri tal-istaff, sa fejn dan japplika għalihom, jikkonsultaw lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE.

7.   Tħassir

Dan il-Kodiċi jħassar u jieħu post il-Kodiċi Supplimentari ta’ Kriterji ta’ Etika tal-5 ta’ Settembru 2006 għall-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-1 ta’ April 2010.

8.   Distribuzzjoni u pubblikazzjoni

Magħmul f’kopja waħda oriġinali, iddepożitat fil-kamra tas-sigurtà tal-BĊE. Tqassmet kopja lil kull membru tal-Bord Eżekuttiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9.


Fuq