EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52007AB0011

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 13 ta' April 2007 dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta' Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-bżonn li tittejjeb il-protezzjoni tagħha (CON/2007/11)

ĠU C 116, 26.5.2007, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 116/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-13 ta' April 2007

dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta' Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-bżonn li tittejjeb il-protezzjoni tagħha

(CON/2007/11)

(2007/C 116/01)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-23 ta' Jannar 2007 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta' Infrastrutturi Kritiċi Ewropej u l-valutazzjoni tal-bżonn li tittejjeb il-protezzjoni tagħhom (1) (minn issa 'l quddiem id-“direttiva proposta”). Id-direttiva proposta tistabbilixxi proċedura għall-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (ECIs) li d-diżordni jew il-qerda tagħhom taffettwa b'mod sinifikanti żewġ Stati Membri jew aktar, jew Stat Membru wieħed, jekk l-infrastruttura kritika tinsab fi Stat Membru ieħor. Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċeduri tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1

Il-BĊE jinkoraġġixxi bis-sħiħ l-għan tad-direttiva proposta li tittejjeb il-koordinazzjoni fost l-azzjonijiet ippjanati f'setturi rilevanti ta' l-Unjoni Ewropea differenti għall-prevenzjoni, l-istat ta' preparazzjoni u r-reazzjoni għal theddid, partikolarment attakki terroristiċi li jinvolvu infrastrutturi kritiċi u dipendenzi bejn is-setturi (2). B'mod partikolari, il-BĊE jikkunsidra li huwa importanti li jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet konsistenti u kkoordinati f'setturi differenti biex jirrispondu b'mod xieraq għal dan it-theddid.

1.2

Id-dispożizzjonijiet tad-direttiva proposta li jagħtu lill-Istati Membri ċerti responsabbiltajiet dwar l-identifikazzjoni ta' l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (minn issa 'l quddiem l-“ECIs”), in-notifika tagħhom lill-Kummissjoni, u l-istabbilment, l-aġġornar, l-istħarriġ u, b'mod partikolari, is-superviżjoni regolari tal-Pjanijiet ta' Sigurtà ta' l-Operatur (“OSPs”) ta' l-ECIs, kif ukoll l-irrappurtar tas-sommarju tar-riskji għal kull settur lill-Kummissjoni, għandhom jirrispettaw kompetenzi eżistenti ta' l-awtoritajiet nazzjonali u ta' dawk ta' l-UE. Dawn jinkludu l-ħidmiet esklużivi tal-banek ċentrali, meħtieġa biex jitwettqu f'manjiera indipendenti skond it-Trattat (3), kif ukoll il-ħidmiet attribwiti lill-banek ċentrali skond il-liġijiet nazzjonali applikabbli. B'mod partikolari, ikun meħtieġ li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-direttiva proposta jkunu kumpatibbli għal kollox mas-setgħat regolatorji jew obbligi tal-banek ċentrali fir-rigward tal-ħlasijiet, sistemi w infrastrutturi ta' ikklerjar ta' titoli u ta' settlement, clearing houses u kontropartijiet ċentrali (4). F'dan ir-rigward huwa mifhum li l-qafas stabbilit minn din id-direttiva proposta ma jippreġudikax is-setgħat u l-indipendenza tal-banek ċentrali. Għandu jiġi ntrodott recital fid-direttiva proposta biex jirrifletti dawn il-kunsiderazzjonijiet.

1.3

Barra minn dan, il-BĊE jixtieq jenfasizza li l-banek ċentrali ta' l-Eurosistema u/jew il-banek ċentrali nazzjonali diġà stabbilixxew miżuri li jiżguraw kontinwità tan-negozju f'sistemi ta' ħlas taż-żona ta' l-euro, u l-BĊE jikkunsidra li dan ix-xogħol għandu jiġi rrikonoxxut bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni u żgurata l-konsistenza fix-xogħol magħmul minn diversi awtoritajiet.

2.   Kummenti speċifiċi

2.1

L-ewwel, is-settur finanzjarju identifikat fid-direttiva proposta huwa sub-diviż fi (1) infrastruttura u sistemi ta' ħlasijiet u kklerjar ta' titoli u ta' settlement; u (2) swieq irregolati. Il-BĊE jipproponi għażla ta' kliem aktar wiesgħa biex ikopri l-kummerċ, sistemi w infrastrutturi ta' ħlas, ikklerjar u ta' settlement għal strumenti finanzjarji.

2.2

It-tieni, id-definizzjoni ta' “infrastruttura kritika ”tirrikonoxxi b'mod ċar dipendenzi tul is-settur billi l-effettività ta' miżuri implimentattivi għal kull settur tista' tiddgħajjef b'mod sever jekk l-interdipendenzi settorali ma jiġux indirizzati kif suppost. Madankollu, huwa nnutat li din id-definizzjoni ma tirreferix b'mod ċar biss għal assi li jinsabu biss ġewwa l-UE. Għalhekk, mhuwiex ċar kif l-assi li jinsabu xi wħud minnhom barra l-UE, li d-diżordni jew qerda tagħhom taffettwa infrastrutturi kritiċi Ewropej, jiġu ttrattati skond id-direttiva proposta. Il-BĊE jilqa' aktar kjarifika ta' din il-kwistjoni.

2.3

It-tielet, it-“test tas-severità ”rilevanti għall-identifikazzjoni ta' infrastruttri kritiċi Ewropej huwa pjuttost wiesa' u għandu jittejjeb b'indikazzjonijiet aktar ċari biex tiġi żgurata l-konsistenza ta' l- indikazzjoni tul il-pajjiżi u s-setturi. Ikun ta' għajnuna jekk dan il-kunċett jiġi ċċarat aktar meta jiġu stabbiliti kriterji “cross-cutting”u settorali permezz tal-proċedura ta' komitoloġija skond id-direttiva proposta. Huwa nnutat li x'aktarx id-direttiva proposta se toħloq rekwiżiti amministrattivi addizzjonali li x'aktarx se jkollhom spejjeż assoċjati għall-infrastrutturi u l-awtoritajiet rilevanti. Jiddependi fuq l-istabbilment ta' dawn il-limiti (thresholds), l-infrastrutturi li fil-preżent mhumiex qed jiġu kkunsidrati jistgħu “jinqabdu ”u jiġu suġġetti għal spejjeż addizzjonali.

2.4

Ir-raba', att separat tal-Komunità jista' jiġi bżonnjuż biex jiġu stabbiliti proċeduri biex jidentifikaw u jindikaw ECIs fil-proprjetà ta' jew operati minn istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-Komunità. Filwaqt li skond id-direttiva proposta l-Kummissjoni tista' tipproponi lista ta' infrastrutturi kritiċi biex jiġu indikati bħala ECIs fuq il-bażi kemm ta' notifikazzjonijiet magħmula minn Stati Membri, kif ukoll “ta' kull informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni”, jista' ma jkunx prattiku għall-ECIs operati minn korpi Komunitarji u li għandhom dimensjoni pan-Ewropea biex ikunu parti minn sistema li tkun amministrata mill-Istati Membri.

2.5

Il-ħames, skond id-direttiva proposta, il-lista ta' infrastrutturi kritiċi indikati bħala ECIs hija meħtieġa biex tiġi adottata skond il-proċedura ta' komitoloġija stabbilita mid-direttiva proposta (5). Il-lista ta' l-ECIs kollha tiġi adottata qabel l-istabbilment u l-bidu ta' l-operat tal-OSPs li jinkludu s-soluzzjonijiet ta' sigurtà rilevanti għall-protezzjoni ta' l-ECIs indikati, billi l-operaturi għandhom sena wara l-indikazzjoni biex iħejju OSP. F'dan il-kuntest, mhix mixtieqa pubbliċità għal infrastrutturi u sistemi ta' kklerjar ta' ħlas u ta' titoli u ta' settlement. B'mod partikolari, minħabba li l-għan tad-Direttiva jinkludi l-preparazzjoni għal theddid li jaffettwa s-swieq finanzjarji, ma jkunx validu li tiġi żvelata pubblikament il-lista ta' infrastrutturi kritiċi li huma rilevanti b'mod sostanzjali għall-operat bla xkiel tas-swieq finanzjarji. Illum, l-ebda pajjiż fid-dinja ma jiżvela pubblikament lista bħal din minħabba kunsiderazzjonijiet simili. Il-BĊE għalhekk jirrikkmanda bis-sħiħ li l-lista ta' l-ECIs tinżamm kunfidenzjali.

2.6

Finalment, il-BĊE jirrikkmanda bis-sħih li miżuri eżistenti, fid-definizzjoni ta' miżuri implimentattivi u fl-iffukar fuq dawk l-oqsma fejn l-ebda miżura speċifika ma tkun ġiet identifikata, jingħataw kunsiderazzjoni adegwata. F'dan il-kuntest jidher għalhekk li huwa mixtieq biex ma jinbediex xogħol fid-definizzjoni jew l-implimentazzjoni ta' miżuri fl-oqsma ta' ħlasijiet u kklerjar, imma aktar biex jiġi rikonoxxut ix-xogħol li sar diġà mill-awtoritajiet kompetenti. Min-naħa l-waħda, regolazzjoni addizzjonali u piżijiet relatati għandhom ikunu ġġustifikati permezz ta' analiżi ta' impatt adegwat. Min-naħa l-oħra, huwa importanti li f'dan il-qasam jinżammu standards u regolamenti flessibbli biżżejjed sabiex ikunu jistgħu jiġu adattati faċilment u kontinwament għal kuntest li dejjem qed jinbidel. Il-BĊE jippreferi li ma tiġi adottata l-ebda miżura speċifika li torbot legalment. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta miżuri implimentattivi, il-BĊE ikollu jiġi ikkonsultat formalment skond it-Trattat dwar miżuri bħal dawn fir-rigward ta' infrastrutturi u sistemi ta' kklerjar ta' ħlas u ta' titoli u ta' settlement, u miżuri oħra li jaqgħu taħt l-oqsma ta' kompetenza tal-BĊE (6).

3.   Proposti t'abbozzar

Meta l-parir t'hawn fuq iwassal għal tibdiliet fid-direttiva proposta, qed jiġu stabbiliti proposti t'abbozzar f'dan l-Anness.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-13 ta' April 2007.

Il-Viċi-President tal-BĊE

Lucas D. PAPADEMOS


(1)  COM(2006) 787 finali.

(2)  Il-BĊE jinkoraġġixxi wkoll il-fehma li l-Programm Ewropew għall-Protezzjoni ta' l-Infrastruttura Kritika għandu jkun skond il-metodu tal-perikli kollha (all-hazards approach) filwaqt li jikkumbatti theddid mit-terroriżmu bħala prijorità u li skond dan il-metodu, it-theddid magħmul mill-bniedem jew dawk teknoloġiċi, u diżastri naturali għandhom jitqiesu fil-proċess ta' protezzjoni ta' l-infrastruttura kritika Ewropea.

(3)  Fl-istess waqt, fil-kuntest tal-preparazzjoni ta' strateġija globali matul l-UE kollha biex tipproteġi infrastrutturi kritiċi kontra attakki terroristiċi, ir-rikonoxximent li l-Eurosistema għandha din il-kompetenza esklużiva m'għandux il-konsegwenza li jisseparaha għal kollox mill-Komunità Ewropea u li jeżentaha minn kull regola tad-dritt Komunitarju (il-paragrafu 135 ta' Każ Ċ-11/00 Kummissjoni v Bank Ċentrali Ewropew [2003] ECR I-7147).

(4)  Per eżempju, l-Eurosistema stabbilixxiet prinċipji u proċeduri għas-superviżjoni tas-sistemi w infrastruttura ta' ħlas u ta' kklerjar, inklużi miżuri preventivi kontra l-problemi operattivi, bħall-aspettazzjonijiet tas-superviżjoni tal-kontinwità tan-negozju għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti ta' Ġunju 2006.

(5)  L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 11 tad-direttiva proposta.

(6)  L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(4) tat-Trattat.


ANNESS

Proposti t'abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE  (1)

Emenda 1

Recital ġdid 17a

 

Għall-finijiet tas-settur finanzjarju, din id-Direttiva għandha tkun kumpatibbli mal-ħidmiet u d-dmirijiet mogħtija lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) bit-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew. F'dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-operat u s-superviżjoni ta' infrastrutturi u sistemi ta' ħlas u ta' ikklerjar ta' titoli u ta' settlement mill-banek ċentrali tas-SEBĊ, u għall-kontribuzzjoni magħmula mill-banek ċentrali lejn l-istabbilta` tas-sistema finanzjarja. Biex tiġi evitata d-duplikazzjoni żejda ta' xogħol, l-Istati Membri għandhom joqogħdu fuq ix-xogħol u l-valutazzjonijiet regolari mwettqa mill-banek ċentrali fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tagħhom.

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 1.2 ta' l-opinjoni

Anness 1: Lista ta' setturi ta' infrastruttura kritika

VII   Finanzjarju

Infrastrutturi u sistemi ta' ħlas u kklerjar ta' titoli u ta' settlement

Swieq irregolati

VII   Finanzjarju

Kummerċ, infrastrutturi u sistemi ta' kklerjar ta' ħlas u ta' titoli u ta' settlement u sistemi għal strumenti finanzjarji

Swieq irregolati

Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 2.1 ta' l-opinjoni


(1)  It-tipa skura fil-qalba tat-test tindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid. It-tipa ingassata fil-qalba tat-test tindika fejn il-BĊE jipproponi li jitħassar xi test.


Fuq