EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52011AB0032

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 7 ta’ April 2011 dwar proposta għal Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro (CON/2011/32)

ĠU C 155, 25.5.2011, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 155/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ April 2011

dwar proposta għal Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro

(CON/2011/32)

2011/C 155/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-28 ta’ Jannar 2011 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) li tippromwovi t-tħaddim bla xkiel tas-sistemi tal-pagamenti kif imsemmi fir-raba’ inċiż ta’ Artikolu 127(2) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Procedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li timponi skadenzi għat-tranżizzjoni għal trasferimenti ta’ kreditu taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) u debiti diretti tas-SEPA permezz ta’ regolament tal-Unjoni. Il-BĊE u l-Eurosistema ripetutament ġibdu l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu stabbiliti skadenzi ambizzjużi iżda realistiċi għat-tranżizzjoni għal trasferimenti ta’ kreditu tas-SEPA u debiti diretti tas-SEPA, sabiex jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tas-SEPA. Għalkemm il-benefiċċji potenzjali tal-proġett tas-SEPA huma sostanzjali, l-approċċ użat preżentement u mmexxi primarjament mis-suq ma jistax jiġi kkaratterizzat bħala kompletament ta' suċċess. L-inċertezza li qed tipprevali fis-suq, ikkawżata mill-klima ekonomiku li huwa ġeneralment diffiċli, l-iżvantaġġi għal dawk li jiċċaqalqu l-ewwel f’negozju f’netwerk, u l-ispejjeż doppji tat-tħaddim tas-SEPA u ta’ sistemi ta’ pagament preċedenti b’mod parallel huma raġunijiet li waslu lil bosta parteċipanti fis-suq, speċjalment min-naħa tal-forniment, biex jitolbu li tiġi stabbilita skadenza għat-tranżizzjoni għas-SEPA permezz ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Att tal-Unjoni li huwa ta’ applikazzjoni ġenerali, vinkolanti fl-intier tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, huwa għalhekk meqjus essenzjali għat-tranżizzjoni għas-SEPA b’suċċess, peress illi inkella l-proġett ikollu jaffaċċja riskju serju ta’ falliment.

Osservazzjonijiet speċifiċi

F’bosta okkażjonijiet il-BĊE wera l-ħtieġa għal gwida ċara dwar it-tariffi ta’ skambju għal debiti diretti (2). Artikoli 6 u 7 ta’ Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (3) introduċa tariffa ta’ skambju għall-inadempjenza temporanja għal debiti diretti transkonfinali, flimkien ma’ approvazzjoni temporanja ta’ tariffi ta’ skambju nazzjonali għal debiti diretti. Dawn iż-żewġ Artikoli mhux ser japplikaw aktar fl-1 ta’ Novembru 2012; sabiex jiġi evitat vakwu legali li jxekkel it-tranżizzjoni lejn debitu dirett tas-SEPA, huwa importanti li tiġi stabbilita soluzzjoni fuq żmien twil għat-tariffi ta’ skambju għal debiti diretti. Artikolu 6 tar-regolament propost li jikkonċerna t-tariffi ta’ skambju għal debiti diretti jikkontribwixxi għall-kisba ta’ din iċ-ċertezza legali.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi r-regolament propost jiġi emendat, qed jiġu stabbiliti fl-Anness għal dan il-għan proposti speċifiċi għall-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ April 2011.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2010) 775 finali.

(2)  Ara Joint statement by the European Commission and the European Central Bank clarifying certain principles underlying a future SEPA direct debit (SDD) business model, Marzu 2009, u l-Single Euro Payments Area, seventh progress report, beyond theory into practice, Ottubru 2010, paġna 17, it-tnejn disponibbli fil-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(3)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

L-ewwel sentenza ta’ premessa 2 tar-regolament propost

“Is-suċċess tas-SEPA hu verament importanti fuq livell ekonomiku, monetarju kif ukoll politiku.”

“Is-suċċess tas-SEPA hu verament importanti fuq livell ekonomiku, kif ukoll politiku.”

Spjegazzjoni

Is-SEPA hija importanti ekonomikament u politikament iżda m’għandhiex rwol fil-politika monetarja; għalhekk il-kelma ‘monetarju’ għandha titħassar.

Emenda 2

It-tielet u r-raba’ sentenza ġdida ta’ premessa 6 tar-regolament propost

“Il-bgħit ta’ flus, il-pagamenti pproċessati internament, tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ valur għoli bejn fornituri tas-servizzi tal-pagament u l-pagamenti permezz tal-mowbajl ma għandhomx jaqgħu taħt l-ambitu ta’ dawn ir-regoli peress li dawn is-servizzi tal-pagamenti mhumiex komparabbli ma’ trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti”

“Il-bgħit ta’ flus, il-pagamenti pproċessati internament, tranżazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ valur għoli bejn fornituri tas-servizzi tal-pagament u l-pagamenti permezz tal-mowbajl ma għandhomx jaqgħu taħt l-ambitu ta’ dawn ir-regoli peress li dawn is-servizzi tal-pagamenti mhumiex komparabbli ma’ trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti kif definiti f’dan ir-Regolament. Tranżazzjonijiet ta’ pagament ipproċessati u mħallsin permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli m'għandhomx jaqgħu taħt l-ambitu ta' dan ir-Regolament ukoll.

Spjegazzjoni

Il-BĊE jissuġġerixxi li jiżdied “kif iddefinit f’dan ir-Regolament” sabiex jiġi ċċarat il-messaġġ li l-bgħit ta’ flus, pagamenti pproċessati internament, eċċ, mhumiex trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti skont it-tifsira tar-regolament propost. Għall-ispjegazzjoni tar-raba’ sentenza ġdida ssuġġerita mill-BĊE ara l-Emenda 5.

Emenda 3

It-tieni sentenza ta’ premessa 9 tar-regolament propost

“Sabiex jinħoloq suq integrat għas-sistemi tal-pagamenti elettroniċi bl-euro, hu essenzjali li l-ipproċessar tat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti ma jkunx imfixkel minn ostakli tekniċi u għandu jitwettaq skont skema, li r-regoli bażiċi tagħha għandhom ikunu osservati mill-biċċa l-kbira tal-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti fil-maġġoranza tal-Istati Membri u jkunu l-istess għat-trasferimenti tal-krediti u għat-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti, kemm transkonfinali kif ukoll purament nazzjonali.”

“Sabiex jinħoloq suq integrat għas-sistemi tal-pagameni elettroniċi bl-euro, hu essenzjali li l-ipproċessar tat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti ma jkunx imfixkel minn ostakli tekniċi u għandu jitwettaq skont skema, li r-regoli bażiċi tagħha għandhom ikunu osservati mill-biċċa l-kbira tal-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti fil-maġġoranza tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u jkunu l-istess għat-trasferimenti tal-krediti u għat-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti, kemm transkonfinali kif ukoll purament nazzjonali.”

Spjegazzjoni

L-interoperabbiltà hija essenzjali biex tiżgura illi l-pagamenti jkunu jistgħu jiġu pproċessati b’mod effiċjenti fl-Unjoni. Ir-rekwiżiti doppji, jiġifieri r-regoli li japplikaw fuq bażi nazzjonali u transkonfinalii u l-parteċipazzjoni tal-maġġoranza mitluba, fi premessa 9 u Artikolu 4(1) tar-regolament propost, huma miżuri importanti biex jiżguraw illi l-iskemi tal-pagamenti jsiru tranżazzjonijiet pan-Ewropej. Madankollu, jekk jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta’ servizzi tal-pagamenti ġodda, l-aderenza mill-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro ma tistax tkun ikkunsidrata bħala prijorità, jekk jiġi kkunsidrat in-numru baxx ta’ tranżazzjonijiet bl-euro f’uħud minn dawn l-Istati Membri. Huwa għalhekk issuġġerit illi l-kundizzjoni f’Artikolu 4(1)(b) (ara Emenda 14) u bl-istess mod il-premessa 9 jiġu limitati għal maġġoranza ta’ fornituri ta’ servizzi tal-pagament f’maġġoranza ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Min-naħa waħda, dan għandu jevita impedimenti insurmontabbli fit-tnedija tas-servizzi ta' trasferiment tal-kreditu u ta' debitu dirett innovattivi, u min-naħa l-oħra, għandu jiżgura karattru pan-Ewropew.

Emenda 4

L-ewwel sentenza ta’ premessa 16 tar-regolament propost

“F’xi Stati Membri, hemm ċerti strumenti tradizzjonali tal-pagamenti li huma trasferimenti ta’ krediti jew debiti diretti iżda li għandhom funzjonalitajiet speċifiċi ħafna, ta’ spiss minħabba raġunijiet storiċi jew legali.”

“F’xi Stati Membri, hemm ċerti strumenti tradizzjonali tal-pagamenti tradizzjonali li huma kklassifikati bħala trasferimenti ta’ kreditiu jew debiti diretti imma li għandhom funzjonalitajiet speċifiċi ħafna, ta’ spiss minħabba raġunijiet storiċi jew legali.”

Spjegazzjoni

Dan is-suġġeriment huwa intiż biex jikkjarifika li ċerti strumenti tal-pagamenti tradizzjonali huma kklassifikati bħala trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti irrispettivament mill-funzjonijiet speċifiċi ħafna tagħhom.

Emenda 5

Artikolu 1(2)(b) tar-regolament propost

“2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal dan li ġej:

[…]

(b)

tranżazzjonijiet ta’ pagament ipproċessati u ssaldati permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli li għalihom kemm l-inizjatur oriġinali kif ukoll ir-riċevitur finali tal-pagament ikun fornitur tas-servizzi tal-pagament.”

“2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal dan li ġej:

[…]

(b)

tranżazzjonijiet ta’ pagament ipproċessati u saldati permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli .”

Spjegazzjoni

Pagamenti magħmulin permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli qatt ma kienu fl-ambitu tas-SEPA u għandhom għaldaqstant ikunu esklużi mill-ambitu tar-regolament propost. F’dan ir-rigward, ir-regolament propost għandu jiffoka b’mod ċar fuq il-pagamenti bl-imnut ta’ valur għoli peress illi l-inklużjoni tas-sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli tkun teħtieġ att tal-Unjoni separat u aktar kumpless minħabba livelli ta’ servizz differenti ħafna. Meta wieħed iqis il-kumplessità tas-sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli, l-isfidi tekniċi li jkollha taffaċċja l-industrija bankarja għal transizzjoni bħal din, u li l-pagamenti bl-imnut imħallsin fi ħdan sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli jikkostitwixxu anqas minn 1 % tan-numru totali ta’ pagamenti bl-imnut fiż-żona tal-euro, il-BĊE ma jara l-ebda ħtieġa għal att tal-Unjoni bħal dan.

Madankollu, fir-rwol tagħhom taħt ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ bħala operaturi tas-sistemi li huma l-komponenti tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2), il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) preżentement jikkunsidraw l-introduzzjoni tal-istandards ISO20022 XML fit-TARGET2 bħala kwistjoni ta’ importanza strateġika.

Emenda 6

Artikolu 1(2)(ċ) tar-regolament propost

“2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal dan li ġej:

[…]

(c)

tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz ta’ kard tal-pagamenti, inkluż il-ġbid ta’ kontanti minn kont tal-pagamenti, jekk ma jirriżultawx fi trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett ġo jew minn kont tal-pagamenti identifikat min-numru bażiku ta’ kont bankarju (BBAN) jew in-numru internazzjonali ta’ kont bankarju (l-IBAN)”

“2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal dan li ġej:

[…]

(c)

tranżazzjonijiet ta’ kard tal-pagamenti , inkluż il-ġbid ta’ kontanti minn kont tal-pagamenti, ”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jaqbel illi l-pagamenti bil-kard u l-ġbid ta’ kontanti għandhom ikunu eżenti mir-regolament propost; madankollu l-pagamenti bil-kard, bl-eċċezzjoni ta’ ġbid ta’ kontanti minn kont għall-pagamenti, dejjem jirriżultaw fi trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett lil jew minn kont għall-pagamenti identifikat permezz tal-BBAN jew l-IBAN tiegħu. Barra minn dan, pagamenti bil-kard mhumiex koperti mill-evalwazzjoni tal-impatt li jakkumpanja r-regolament propost u jirriżulta li jaqgħu barra mill-ambitu tar-regolament propost. Għaldaqstant, il-BĊE jissuġġerixxi li titħassar ir-referenza għall-użu ta' BBAN u IBAN sabiex tiġi evitata interpretazzjoni li pagamenti bil-kard huma inklużi de facto fir-regolament propost, li huwa l-kuntrarju tal-intenzjoni sottostanti għal din id-dispożizzjoni.

Emenda 7

Artikolu 1(4) tar-regolament propost (ġdid)

L-ebda test

4.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta dawn ikun qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji jew awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Spjegazzjoni

Attivitajiet li jitwettqu mill-BĊE jew minn bank ċentrali nazzjonali skont ir-raba’ inċiż tal-Artkolu 127(2) tat-Trattat, u l-Artikolu 3 tal-Istatut tas-SEBĊ, għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tar-regolament propost minħabba l-indipendenza tal-banek ċentrali (ara l-Artikolu 130 tat-Trattat). F’dan ir-rigward, il-BĊE jissuġġerixxi illi l-istess eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tirrevoka d-Direttiva 97/5/KE (2) tiddaħħal fir-regolament propost.

Emenda 8

Artikolu 2 tar-regolament propost (definizzjoni ġdida)

L-ebda test

“ ‘kard tal-pagamenti’ tfisser apparat li permezz tiegħu min iħallas (i) iwettaq tranżazzjonijiet ta’ pagament, jew f’apparat li jaċċetta l-kards jew mill-bogħod, inkluż permezz tal-posta, it-telefon jew permezz tal-Internet; jew (ii) jaċċessa l-kontanti f’magna tal-flus awtomatika”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jifhem illi l-għan tal-Artikolu 1(2)(ċ) tar-regolament propost huwa li jeskludi tranżazzjonijiet tradizzjonali bil-kard mill-ambitu tal-applikazzjoni tiegħu filwaqt li jinkludi tranżazzjonijiet li fihom kard għall-pagamenti tintuża primarjament biex jiġi identifikat min qed jagħmel il-pagament meta jinbdew tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett jew ta’ trasferiment ta’ kreditu. Peress illi l-maġġoranza ta’ pagamenti bil-kard tiġi finalment imħallsa jew permezz ta’ tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ kreditu jew ta’ debitu dirett, l-abbozzar preżenti jista’ jiġi interpretat bħala li jinkludi ukoll tranżazzjonijiet bil-kard in ġenerali. Sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali, il-BĊE jissuġġerixxi li tiddaħħal definizzjoni ta’ kard tal-pagamenti u l-abbozzar mill-ġdid tal-Artikolu 7(2) tar-regolament propost, bir-rinunzja ta’ tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett mibdijin b’kard f’post fejn isir il-bejgħ (ara Emenda 17). Barra minn dan, l-Artikolu 1(2)(ċ) tar-regolament propost jeżenta mill-ambitu tal-applikazzjoni tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard tal-pagamenti mingħajr ma jiddefinixxi din tal-aħħar.

Emenda 9

Artikolu 2 tar-regolament propost (definizzjoni ġdida)

L-ebda test

“ ‘sistemi ta’ pagamenti ta’ valur għoli’ tfisser sistemi tal-pagamenti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jipproċessaw, jikklerjaw u/jew iħallsu tranżazzjonijiet ta’ pagament individwali ta’ prijorità għolja u primarjament ta’ ammont kbi”

Spjegazzjoni

L-Artikolu 1(2)(b) ġdid issuġġerit tar-regolament propost (ara Emenda 5) fih il-kelma “sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli”, li għandha tiġi ddefinita.

Emenda 10

Artikolu 2 tar-regolament propost (definizzjoni ġdida)

L-ebda test

“ ‘sistemi ta’ pagament bl-imnut’ tfisser sistemi tal-pagamenti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jipproċessaw, jikklerjaw u/jew iħallsu tranżazzjonijiet ta’ pagament, li huma miġburin flimkien għat-trasmissjoni u li huma primarjament ta’ ammont żgħir u ta’ prijorità baxxa.”

Spjegazzjoni

Artikolu 4(2) tar-regolament propost jintroduċi l-kunċett tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-pagamenti, li għandu japplika biss għas-sistemi ta’ pagament bl-imnut (ara Emenda 15). Minħabba dan, l-espressjoni “sistemi ta’ pagament bl-imnut” għandha tiġi ddefinita.

Emenda 11

Artikolu 2(1) tar-regolament propost

“(1)

‘trasferiment ta’ kreditu’ tfisser servizz ta’ pagamenti għall-kreditjar tal-kont tal-pagamenti ta’ benefiċjarju, fejn tranżazzjoni tal-pagamenti jew sensiliet ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament tinbeda minn min iħallas fuq il-bażi tal-kunsens mogħti lill-fornitur tas-servizzi tal-pagamenti tiegħu”.

“(1)

‘trasferiment ta’ kreditu’ tfisser servizz ta’ pagamenti għall-ikkreditjar tal-kont tal-pagamenti ta’ , min jitħallas fejn tranżazzjoni tal-pagamenti jew sensiliet ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament tinbeda minn min iħallas ibbażata fuq struzzjoni mogħtija lill-fornitur ta' servizzi tal-pagamenti tiegħu”.

Spjegazzjoni

Peress illi trasferiment ta’ kreditu jeħtieġ azzjoni konkreta, li hija aktar minn sempliċi kunsens min-naħa taħ min iħallas, id-definizzjoni tagħha għandha tkun aktar speċifika.

Emenda 12

Artikolu 2(2) tar-regolament propost

“(2)

‘debitu dirett’ tfisser servizz tal-pagamenti għad-debitjar tal-kont tal-pagamenti ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas”.

“(2)

‘debitu dirett’ tfisser servizz tal-pagamenti għad-debitjar tal-kont tal-pagamenti ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda minn min jitħallas abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas mogħti lil min jitħallas, lill-fornitur ta’ servizz tal-pagamenti ta’ min jitħallas jew lill-fornitur ta’ servizz tal-pagament ta’ min iħallas stess

Spjegazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ atti tal-Unjoni sekondarji rilevanti oħra u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa ssuġġerit illi d-definizzjoni ta’ “debitu dirett” li tinsab fir-regolament propost tiġi allineata mad-definizzjoni li tinsab f’Artikolu 2(14) ta’ Regolament (KE) Nru 924/2009 u fl-Artikolu 4(28) ta’ Direttiva 2007/64/KE.

Emenda 13

Artikolu 2(7) tar-regolament propost

“(7)

‘skema tal-pagamenti’ tfisser sett ta’ regoli, prassi u standards għat-twettiq ta’ pagamenti bejn il-parteċipanti tal-iskema, u tkun separata minn kwalunkwe infrastruttura jew sistema tal-pagamenti li tkun kumpatibbli mat-tħaddim tagħha bejn l-Istati Membri u fl-istess Stat Membru”

“(7)

‘skema tal-pagamenti’ tfisser sett komuni ta’ regoli, prassi u standards miftehma bejn il-fornituri tas-servizzi għall-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament

Spjegazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ atti tal-Unjoni sekondarji rilevanti oħra u għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-definizzjoni ta’ “skema tal-pagamenti” li tinsab fir-regolament propost għandha tiġi allineata mad-definizzjoni ta’ “skema ta’ debitu dirett” li tinsab f’Artikolu 2(15) ta’ Regolament (KE) Nru 924/2009, u tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi komuni ta’ skema li jinsabu fiż-żewġ definizzjonijiet.

Emenda 14

Artikolu 4(1) tar-regolament propost

“1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti għandhom iwettqu trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti skont skema tal-pagamenti li tkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(d)

ir-regoli tagħha jkunu l-istess għat-trasfermenti ta’ kreditu u tranżazzjonijiet ta’ debiti diretti nazzjonali jew transkonfinali bejn l-Istati Membri u fl-istess Stat Membru

(e)

il-parteċipanti fl-iskema jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti fi ħdan il-maġġoranza tal-Istati Membri.”

“1.   Il-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti għandhom iwettqu trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti skont skema tal-pagamenti li tkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-regoli tagħha jkunu l-istess għat-trasfermenti ta’ kreditu u tranżazzjonijiet ta’ debiti diretti nazzjonali jew transkonfinali bejn l-Istati Membri u fl-istess Stat Membru

(b)

il-parteċipanti fl-iskema jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti fi ħdan il-maġġoranza tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.”

Spjegazzjoni

Ara l-ispjegazzjoni għall-Emenda 3.

Emenda 15

Artikolu 4(2) tar-regolament propost

“2.   Is-sistemi tal-pagamenti u, fejn applikabbli, l-iskemi tal-pagamenti għandhom ikunu teknikament interoperabbli permezz tal-użu ta’ standards żviluppati minn korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali jew Ewropej.”

“2.   Is-sistemi ta’ pagamentbl-imnut għandhom ikunu teknikament interoperabbli permezz tal-użu ta’ standards żviluppati minn korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali jew Ewropej.”

Spjegazzjoni

L-Artikolu 4(2) tar-regolament propost jirrikjedi l-interoperabbiltà teknika tas-sistemi tal-pagamenti (fejn applikabbli) mingħajr ma jiddefinixxi b’mod konkret x’inhu mfisser b'din l-interoperabbiltà teknika. Idealment, għandu jkun iggarantit abbozzar aktar preċiż illi jindirizza l-implikazzjonijiet ta’ din il-kelma. Fin-nuqqas ta’ dan, il-BĊE jissuġġerixxi it-tħassir tar-referenza għal skemi ta’ pagament peress illi l-interoperabbiltà teknika bejn skemi bħal dawn mhijiex meqjusa bħala operattivament fattibbli. Aktar importanti, sistemi ta’ pagament bl-imnut u sistemi ta’ pagament ta’ valuri għoli huma differenti ħafna fin-natura tagħhom minn perspettiva ta’ pproċessar, ikklerjar u saldu, minkejja l-fatt illi ż-żewġ tipi ta’ sistemi jistgħu jintużaw biex jipproċessaw tranżazzjonijiet ta’ pagament bl-imnut. B’mod ġenerali, is-sistemi ta’ pagament bl-imnut jagħmlu użu minn sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli għas-saldu tal-bilanċi tagħhom. Għandu jkun iċċarat illi l-interoperabbiltà tista’ tiġi mistennija biss fost is-sistemi ta’ pagament tal-istess tip. It-talba għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ pagament bl-imnut u s-sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli kieku mhux biss tqajjem mistoqsijiet dwar il-proporzjonalità, peress illi l-pagamenti bl-imnut ipproċessati permezz ta’ sistemi ta’ pagament ta’ valur għoli bħal TARGET2 u EURO1 jikkostitwixxu.anqas minn 1 % tan-numru totali ta’ pagamenti bl-imnut fiż-żona tal-euro, imma jistgħu jkollhom ukoll effetti kollaterali mhux intiżi minn perspettiva ta’ riskju u stabbiltà.

Emenda 16

Artikolu 5(1) u (2) tar-regolament propost

“1.   Sa mhux iżjed tard minn [daħħal data konkreta 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], it-trasferimenti tal-kreditu għandhom jitwettqu skont ir-rekwiżiti tekniċi stipulati fil-punti 1 u 2 tal-Anness.

2.   Sa mhux iżjed tard minn [daħħal data konkreta 24-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], id-debiti diretti għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 6 u r-rekwiżiti tekniċi stipulati fil-punti 1 u 3 tal-Anness.”

“1.   Sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Jannar 2013, it-trasferimenti tal-kreditu għandhom jitwettqu skont ir-rekwiżiti tekniċi stipulati fil-punti 1 u 2 tal-Anness.

2.   Sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Jannar 2014- , id-debiti diretti għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 6 u r-rekwiżiti tekniċi stipulati fil-punti 1 u 3 tal-Anness.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jaqbel illi r-rekwiżiti għat-trasferimenti ta’ kreditu u d-debitu diretti għandhom jidħlu fis-seħħ f’terminu ta’ żmien relattivament qasir, speċjalment meta jiġi kkunsidrat illi t-trasferiment ta’ kreditu tas-SEPA tnieda f’Jannar 2008 u d-debitu dirett tas-SEPA f’Novembru 2009. Meta jiġi kkunsidrat il-bżonn tal-industrija tal-pagamenti li jkollha żmien għat-twettiq li huwa suffiċjentement twil, il-BĊE jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti dati konkreti, li jkunu preferibbilment fl-aħħar ta’ Jannar 2013 għat-trasferimenti ta’ kreditu u l-aħħar ta’ Jannar 2014 għad-debiti diretti.

Emenda 17

Artikolu 7(2) tar-regolament propost

“2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jirrinunzjaw għar-rekwiżiti kollha, jew uħud minnhom, li huma stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 5 sa [daħħal data konkreta 60 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għal dawk it-tranżazzjonijet ta’ pagament mibdija permezz ta’ kard tal-pagament fil-punt tal-bejgħ li jirriżultaw f’debitu dirett minn kont tal-pagamenti identifikat minn BBAN jew IBAN.”

“2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jirrinunzjaw għar-rekwiżiti kollha, jew uħud minnhom, li huma stabbiliti fl-Artikolu 5(1) sa (3) sa [daħħal data konkreta 60 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] għal dawk it-tranżazzjonijet ta’ pagament mibdija permezz ta’ kard tal-pagament fil-punt tal-bejgħ li jirriżultaw fi tranżazzjoni ta’ debitu dirett .”

Spjegazzjoni

Ara l-ispjegazzjonijiet għall-Emenda 8 u l-Emenda 20.

Emenda 18

Artikolu 12(1) tar-regolament propost

“1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(4) għal perjodu ta’ żmien indeterminat. Fejn ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, għandu japplika l-Artikolu 15.”

“1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(4) għal perjodu ta’ żmien indeterminat. Il-Kummissjoni għandha tħejji abbozzi ta’ atti delegati b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurosistema u fejn relevanti, mal-membri l-oħra tas-SEBĊ u b’konsultazzjoni mal-fornituri tas-servizzi u r-rappreżentanti tal-utenti. Fejn ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, għandu japplika l-Artikolu 15.”

Spjegazzjoni

Sabiex jiġi evitat xkiel lill-iżvilupp ta’ strumenti tal-pagament ġodda u innovattivi, huwa tal-akbar importanza illi r-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’atti delegati jkunu jistgħu jiġu emendati b’mod kalm u effiċjenti. Meta tkun qed teżerċita s-setgħat iddelegati tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurosistema u, fejn relevanti, mal-membri l-oħra tas-SEBĊ u abbażi ukoll ta’ konsultazzjoni mal-industrija tal-pagamenti u partijiet interessati oħrajn, sabiex tiżgura, inter alia, illi l-emendi huma skedati u qed jieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċikli tan-negozju tal-industrija tal-pagamenti.

Emenda 19

Punt 1(d) tal-Anness tar-regolament propost

“(d)

Il-kaxxa tad-dejta tar-rimessa għandha tippermetti 140 karattru. L-iskemi tal-pagamenti jistgħu jippermettu għal għadd ogħla ta’ karattri, ħlief jekk it-tagħmir użat għall-informazzjoni tar-rimessa jkollu limitazzjonijiet tekniċi, f’liema każ għandu japplika l-limitu tekniku tat-tagħmir.”

“(d)

Il-kaxxa tad-dejta tar-rimessa għandha tippermetti minimu ta’ 140 karattru. L-iskemi tal-pagamenti jistgħu jippermettu għadd ogħla ta’ karattri, ħlief jekk it-tagħmir użat għall-informazzjoni tar-rimessa jkollu limitazzjonijiet tekniċi, f’liema każ għandu japplika l-limitu tekniku tat-tagħmir.”

Spjegazzjoni

L-iskemi tal-pagamenti m’għandhomx ikunu limitati fin-numru ta’ karattri li jista’ jkun fornut, għal liema raġuni qed jiġi ssuġġerit illi jiġi stabbilit minimu ta’ 140 karattru.

Emenda 20

Punt 3(f) tal-Anness tar-regolament propost

“(f)

Il-kunsens għandu jingħata kemm lill-benefiċjarju kif ukoll lill-fornitur tas-servizzi tal-pagamenti ta’ min iħallas (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) u l-mandati, flimkien ma’ modifiki u/jew kanċellamenti li jsiru wara, għandhom jinħażnu mill-benefiċjarju jew minn parti terza għan-nom tal-benefiċjarju.”

“(f)

Il-kunsens għandu jingħata kemm lil min jitħallas kif ukoll, direttament jew indirettament permezz ta’ min jitħallas, lill-fornitur tas-servizzi tal-pagamenti ta’ min iħallas u l-mandati, flimkien ma’ modifiki u/jew kanċellamenti li jsiru wara, għandhom jinħażnu minn min jitħallas jew minn parti terza għan-nom ta’ min jitħallas..”

Spjegazzjoni

L-abbozzar f’punt 3(f) tal-Anness tar-regolament propost jista’ jkun interpretat b’mod skorrett bħala li jfisser illi mandati eżistenti li ma jindirizzawx b’mod espliċitu kemm lil min jitħallas kif ukoll lill-fornitur tas-servizz tal-pagamenti ta’ minn jitħallas huma mingħajr effett u għandhom jiġu ffirmati mill-ġdid. Dan jista’ jkun eżerċizzju ta’ piż kbir meta wieħed iqis in-numru vast ta’ mandati ta’ debitu dirett eżistenti. Għandu għalhekk ikun iċċarat, sabiex jiġi evitat kull dubju possibbli, illi l-kunsens lill-fornitur tas-servizz tal-pagamenti ta’ min iħallas jista’ jingħata indirettament permezz ta’ min jitħallas.


(1)  Il-grassett fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.


Fuq