EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52007AB0020

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta' Lulju, 2007 fiq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ftuħ ta' Konferenza Intergovernamentali biex tħejji Trattat li jemenda t-Trattati eżistenti (CON/2007/20)

ĠU C 160, 13.7.2007, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 160/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Lulju, 2007

fiq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ftuħ ta' Konferenza Intergovernamentali biex tħejji Trattat li jemenda t-Trattati eżistenti

(CON/2007/20)

(2007/C 160/02)

1.

Fis-27 ta' Ġunju 2007, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar il-ftuħ ta' konferenza ta' rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri (Konferenza Intergovernamentali jew KIG) biex tħejji Trattat li jemenda t-Trattati eżistenti (Trattat ta' Riforma).

2.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE adotta din l-Opinjoni.

3.

Il-mandat tal-KIG ġie miftiehem mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-21-23 Ġunju 2007 u jinsab mehmuż bħala Anness tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza (Il-Mandat tal-KIG). Il-Mandat ta' l-KIG jistipula li huwa l-bażi esklużiva u l-qafas għall-KIG (1). Il-KIG hija taħt mandat biex tħejji Trattat ta' Riforma li jintroduċi l-innovazzjonijiet li rriżultaw mill-KIG ta' l-2004 fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU) u fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita` Ewropea (TEC) li għandu jibda jissejjaħ Trattat dwar l-Iffunzjonar ta' l-Unjoni (TFU) (2).

4.

Il-BĊE jilqa' l-ftuħ tal-KIG. Il-BĊE jifhem li, ħlief għal kif indikat fil-Mandat tal-KIG, it-test tat-TEU mhux se jinbidel (3). B'mod partikolari, il-BĊE jilqa' l-konferma fil-Mandat tal-KIG li l-istabbilta fil-prezzijiet hija waħda mill-għanijiet ta' l-Unjoni (4) u li l-politika monetarja hija mniżżla b'mod ċar bħala waħda mill-kompetenzi esklużivi ta' l-Unjoni. Il-BĊE jilqa' wkoll ir-reviżjoni ta' l-artikolu dwar l-għanijiet ta' l-Unjoni sabiex tiġi nklużi l-istabbilment ta' unjoni ekonomika u monetarja li l-valuta tagħha hija l-euro (5).

5.

Il-Mandat tal-KIG jirreferi speċifikament għal titjib fil-governanza ta' l-euro, jistipula li l-innovazzjonijiet, kif miftiehma fil-KIG ta' l-2004, se jiddaħħlu fit-TFU 'permezz ta' modifiki fil-manjiera tas-soltu' (6). Il-BĊE jissemma speċifikament, u l-KIG hija taħt mandat (7) biex iddaħħal id-dispożizzjonijiet dwar il-BĊE f'Taqsima 4bis ta' Parti Ħamsa tat-TFU. Il-KIG għandha wkoll mandat biex tannessa Protokoll mat-Trattat ta' Riforma biex jemenda Protokolli eżistenti konformi mat-tibdiliet miftiehma fil-KIG ta' l-2004 (8). Dan jinkludi, inter alia, tibdiliet għall-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

6.

Il-BĊE jifhem li, fir-rigward ta' l-istatus, il-mandat, il-ħidmiet u r-reġim legali tal-BĊE, l-Eurosistema u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, it-tibdiliet għat-Trattati preżenti introdotti mill-KIG se jkunu limitati għal u jkopru l-innovazzjonijiet kollha miftiehma fil-KIG ta' l-2004 (9).

7.

Fir-rigward ta' l-innovazzjonijiet miftiehma fil-KIG ta' l-2004 dwar il-governanza ta' l-euro, l-Anness ma' din l-Opinjoni jirreferi għal xi wħud li huma ta' relevanza partikolari għall-BĊE u, fejn jixraq, jistabbilixxi l-fehma tal-BĊE ta' kif dawn jistgħu jiġu introdotti fit-TFU mingħajr ma jmorru lil hinn l-iskop tal-Mandat tal-KIG.

8.

Il-BĊE jinsab lest biex jikkontribwixxi għall-KIG f'kull ħin matul il-ħidma tagħha u, ladarba jitħejja t-test, biex jipprovdi opinjoni dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta' kompetenza tiegħu.

Magħmula fi Frankfurt am Main fil-5 ta' Lulju 2007.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Preambolu tal-Mandat tal-KIG.

(2)  Punt 4 tal-Mandat tal-KIG. F'punt 17 tal-Mandat tal-KIG jissejjaħ “It-Trattat dwar l-Iffunzjonar ta' l-Unjoni Ewropea”.

(3)  Punt 5 tal-Mandat tal-KIG.

(4)  Anness 1, punt 3 tal-Mandat tal-KIG.

(5)  Anness 1, punt 3 tal-Mandat tal-KIG.

(6)  Punt 18 tal-Mandat tal-KIG.

(7)  Anness 2(B), punt 16 tal-Mandat tal-KIG.

(8)  Punt 22 tal-Mandat tal-KIG.

(9)  B'konnessjoni mal-KIG ta' l-2004, il-BĊE ħareġ Opinjoni tal-BĊE CON/2003/20 tad-19 ta' Settembru 2003 fuq it-talba tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-abozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (ĠU Ċ 229, 25.9.2003, p. 7).


ANNESS

A.   Dispożizzjonijiet dwar il-BĊE

1.

Il-KIG hija taħt mandat (1) biex iddaħħal l-innovazzjonijiet miftiehma fil-KIG ta' l-2004 dwar il-BĊE fit-TFU, flimkien ma' l-artikoli dwar il-Qorti ta' l-Awdituri u l-korpi ta' konsulenza ta' l-Unjoni. Fit-TFU, it-test tad-dispożizzjonijiet dwar il-BĊE se jkun identiku għal dak miftiehem fil-KIG ta' l-2004, ħlief għall-emendi meħtieġa għal referenzi oħra. Dan ifisser, inter alia, li l-innovazzjoni tal-KIG ta' l-2004 li tiddefinixxi lill-BĊE bħala istituzzjoni (oħra) se tkun inkorporata fit-Trattati, flimkien ma' l-introduzzjoni tat-terminu 'Eurosistema' u l-konferma espliċita ta' l-indipendenza finanzjarja tal-BĊE.

2.

Filwaqt li l-artikolu dwar il-BĊE se jidher fit-TFU (2), il-Mandat tal-KIG jistabbilixxi li t-TEU u t-TFU se jkollhom l-istess valur legali (3). Dan ifisser li l-Artikolu 1 ġdid tat-TFU, li għandu jistabbilixxi r-relazzjoni bejn it-TFU u t-TEU (4), la se jistabbilixxi ġerarkija bejn iż-żewġ Trattati u lanqas mhu se jintroduċi differenzi bejn il-proċeduri ta' emenda għad-dispożizzjonijiet ewlenija li jittrattaw il-BĊE/is-SEBĊ u dawk li jittrattaw l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Fuq din il-bażi, il-BĊE jifhem li, anke jekk l-artikolu dwar il-BĊE se jidher fit-TFU, il-BĊE se jibbenefika mill-istess pożizzjoni legali bħall-istituzzjonijiet ta' l-UE li huma msemmija fit-TEU.

B.   Aġġornament tat-terminoloġija wżata fit-Trattati fir-rigward tal-valuta waħda

3.

Barra mill-Mandat tal-KIG (5), it-Trattat ta' Riforma se jissostitwixxi t-terminu 'Komunita`' b''Unjoni' u 'ECU' b''euro' tul it-Trattati, u se jintroduċi serje ta' tibdiliet lil referenzi skaduti għall-'istadji' ta' unjoni ekonomika u monetarja. Se jsiru tibdiliet meħtieġa lill-Protokolli dwar id-Danimarka u r-Renju Unit. Il-Protokoll dwar l-Istatut ta' l-Istitut Monetarju Ewropew se jiġi rrevokat.

4.

Wara l-ftehim tat-Trattat ta' Riforma, l-isem tal-valuta waħda se jidher fil-liġi primarja ta' l-Unjoni. Il-BĊE jikkunsidra li, għal raġunijiet ta' ċertezza legali u kjarifika, il-pronunzja uniformi tat-terminu 'euro' għandha tkun irrispettata fil-verżjonijiet lingwistiċi u alfabetiċi kollha tat-Trattat ta' Riforma u, għaldaqstant fit-TEU u t-TFU, u dan jeħtieġ il-pronunzja biex tkun euro fl-alfabet Latin, ευρώ fl-alfabet Grieg u еуро fl-alfabet Ċirilliku.

C.   Revoka tal-Protokoll dwar l-EMI

5.

It-test kif miftiehem fil-KIG ta' l-2004 rrevoka l-Protokoll dwar l-Istatut ta' l-Istitut Monetarju Ewropew (“il-Protokoll dwar l-EMI”), u b'hekk il-Protokoll dwar l-EMI se jiġi rrevokat. Filwaqt li l-BĊE jilqa' din ir-revoka, xi wħud mill-funzjonijiet imwettqa skond id-dispożizzjonijiet tiegħu għadhom xorta relevanti għall-Istati Membri b'deroga. Skond l-Artikoli 44 u 47.1 ta' l-Istatut tas-SEBĊ, dawn il-funzjonijiet qiegħdin fil-preżent jitwettqu mill-Kunsill Ġenerali tal-BĊE. Il-BĊE jifhem li r-revoka tal-Protokoll dwar l-EMI se tkun ikkumplimentata b'emenda ta' l-Artikolu 117(2) tat-TEC (6) sabiex dawn il-funzjonijiet jibqgħu jitwettqu mill-BĊE.


(1)  Anness 2(B), punt 16 tal-Mandat tal-KIG.

(2)  Punt 12 tal-Mandat tal-KIG

(3)  Punt 19(a) tal-Mandat tal-KIG

(4)  Punt 19(a) tal-Mandat tal-KIG.

(5)  Punt 18 tal-Mandat tal-KIG.

(6)  Jiġifieri skond l-adattazzjoni miftiehma fil-KIG ta' l-2004.


Fuq