EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52009AB0081(01)

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 16 ta’ Ottubru 2009 fuq proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/KE (CON/2009/81)

ĠU C 272, 13.11.2009, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Ottubru 2009

fuq proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/KE

(CON/2009/81)

2009/C 272/01

Introduzzjoni u bażi legali

1.

Fit-3 ta’ Ġunju 2009 l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni fuq proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/…/KE (1) (minn hawn ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

2.

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

3.

Il-BĊE jappoġġa l-intenzjoni li jiġi pprovdut qafas regolatorju u superviżorju armonizzat għall-attivitajiet tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMs) fl-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet proposti fuq ir-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti għandhom, fil-prinċipju, jikkontribwixxu b’mod sinjifikanti biex itejbu l-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja u b’hekk biex ikun hemm valutazzjonijiet tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja infurmati aħjar konnessi mal-attivitajiet tal-AIFMs u l-Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFs) li huma jiġġestixxu. L-armonizzazzjoni ta’ regoli u s-sistema tal-passaport u regolatorja tal-UE komuni riżultanti għandha tkun ta’ benefiċċju għall-integrazzjoni finanzjarja billi jittejbu l-kundizzjonijiet ugwali fl-UE.

4.

Il-BĊE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej biex tkompli d-djalogu mal-imseħbin internazzjonali tagħha, partikolarment l-Istati Uniti, biex jiġi żgurat li jkun hemm qafas superviżorju u regolatorju koerenti dinji. Kif ġie innutat mill-Eurosistema fil-kontribuzzjoni tagħha lill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-fondi ħeġġ, hija meħtieġa risposta kkoordinata internazzjonali minħabba n-natura internazzjonali ħafna tal-industrija u r-riskji konsegwenti tal-arbitraġġ regolatorju u evażjoni (2). Dan jista’ jgħin biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti f’pajjiżi terzi għall-AIFMs ikunu ekwivalenti għal dawk eżistenti fl-UE u li AIFMs mhux iddomiċiljati fl-UE ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess għas-swieq tal-UE fuq bażi ta’ reċiproċità.

5.

Il-premessa 3 tad-direttiva proposta tidentifika, bħala wieħed mill-oġġettivi ċentrali tagħha, it-twaqqif ta’ qafas li jista’ jindirizza r-riskji “relatati mal-investituri, parteċipanti oħra fis-suq u swieq oħra” li għandhom l-AIFs “b’kunsiderazzjoni għall-firxa varjata ta’ strateġiji u tekniki ta’ investiment użati mill-AIFM”. F’dan ir-rigward, jiġi nnutat li d-direttiva proposta tikkonċerna t-tipi kollha ta’ fondi mhux koperti bid-Direttiva 2009/…/KE fuq il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (abbozzata mill-ġdid) (3) bħal fondi ħeġġ, fondi ta’ prodotti li jservu bħala flus, fondi tal-proprjetà immobbli miftuħin, fondi li jingħalqu, fondi ta’ ekwità privata u fondi ta’ kapital ta’ riskju. Dawn il-fondi jiffurmaw grupp eteroġenju ta’ ġabriet ta’ investimenti, organizzati taħt forom diversi legali f’ġurisdizzjonijiet differenti, kemm ġewwa u barra l-UE. Hemm bżonn ta’ iktar ħsieb fuq din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva proposta għandhom jitfasslu b’mod li jirrifletti aħjar id-differenzi fundamentali bejn l-AIFs.

6.

Il-banek ċentrali kollha għandhom jiġu espressament esklużi mill-ambitu tad-Direttiva proposta.

7.

B’mod iktar inġenerali, il-BĊE jara riskju potenzjali ta’ arbitraġġ regolatorju bejn l-AIFMs, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li fosthom id-Direttiva proposta ma toħloqx kundizzjonijiet ugwali. Ħlief għall-immaniġġjar tal-assi tal-AIFMs stess, ir-rekwiżiti taħt id-Direttiva proposta għandhom jiġu applikati b’mod koerenti għall-AIFMs, lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ’l-kumpanniji tal-assigurazzjoni. Fl-istess sens, id-Direttiva proposta ma tispeċifikax kriterji “xierqa” u rekwiżiti ta’ esperjenza minimi għall-maniġers anzjani u diretturi tal-AIFM’s. Għal raġunijiet ta’ kundizzjonijiet ugwali, il-BĊE għalhekk jissuġerixxi li jiddaħħlu dispożizzjonijiet f’dan is-sens fid-Direttiva proposta skont dispożizzjonijiet simili f’oqsma oħrajn tal-acquis finanzjarju tal-UE.

8.

Il-BĊE jinnota li ċerti dispożizzjonijiet fid-direttiva proposta (pereżempju, dawk relatati ma’ bejgħ skopert, titolizzazzjoni u l-kisba ta’ influwenza ta’ kontroll fil-kumpanniji) huma intiżi li jirregolaw kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw l-parteċipanti kollha tas-suq, mhux biss l-AIFMs. Filwaqt li l-BĊE jifhem ir-raġuni għal uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-BĊE jissuġġerixxi li, minflok, tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet biss permezz ta’ leġiżlazzjoni li żżomm kundizzjonijiet ugwali fost diversi parteċipanti fis-suq, pereżempju billi dawk id-dispożizzjonijiet jiddaħħlu f’leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti applikabbli fis-setturi kollha.

9.

Il-BĊE jilqa’, fil-prinċipju, id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ rappurtat tal-AIFMs (li jkunu meħtieġa li jipprovdu informazzjoni ta’ kwalità għolja lill-awtoritajiet kompetenti) u l-mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni. Madankollu, il-BĊE jissuġġerixxi li għandha ssir analiżi fil-fond biex l-obbligi tar-rappurtar jiġu ffokati fuq dejta li wieħed jista’ jistenna b’mod raġonevoli li huma rilevanti għall-monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-obbligi tar-rappurtar tad-dejta fil-qafas legali li ser jistabbilixxi l-Bord tar-Riskju Sistemiku Ewropew (BERS) u s-Sistema Ewropea ta’ Superviżuri Finanzjarji (ESFS) u biex dawn il-korpi ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni superviżorja meħtieġa u xierqa biex jissodisfaw il-kompiti rispettivi tagħhom (4). Filwaqt li l-obbligi tar-rappurtar iffokat li jirriżultaw minn din l-analiżi għandhom ikunu riflessi fid-Direttiva proposta, iktar speċifikazzjoni għandha tkun possibbli permezz tal-komitoloġija. Il-BĊE huwa lest li jgħin fl-analiżi.

10.

Tista’ tingħata l-importanza mistħoqqa għall-allinjament ta’ ċerti rekwiżiti għar-rapportar lill-awtoritajiet kompetenti (kif speċifikat fl-abbozz tal-Artikoli 21 u 24) ma’ dawk tar-Regolament BĊE/2007/8 tas-27 ta’ Lulju 2007 dwar istatistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment (5). Dan ir-Regolament, li bħalissa japplika għall-fondi ta’ investiment iddomiċiljati fiż-żona euro, jippermetti li tinġabar statistika tal-karta tal-bilanċ armonizzata. L-allinjament ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar u l-użu ta’ galvu għar-rapportar standardizzat għall-AIFs kollha koperti bid-direttiva proposta jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tar-riskju sistemiku mal-UE kollha. Jimminimizza wkoll il-piż tar-rapportar addizzjonali għal dawk l-AIFs li diġà qed jirrapportaw din l-informazzjoni. Filwaqt li d-Direttiva proposta għandha tispeċifika r-regoli fundamentali li japplikaw għal mudelli tan-negozju implimentati mill-AIFMs, il-BĊE jappoġġa wkoll li jkun hemm l-użu ta’ proċeduri tal-komitoloġija biex jitfasslu wħud mid-dispożizzjonijiet iktar tekniċi u ddettaljati mmirati lejn l-istandardizzazzjoni mal-UE kollha tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 21 u 24. Il-partiti koperti mir-rekwiżiti ta-rappurtar jistgħu jinkludu għalhekk, pereżempju, l-informazzjoni tal-karta tal-bilanċ tal-AIF ibbażata fuq ir-Regolament BĊE/2007/8, prospetti tad-dħul, prospetti tal-fluss tal-kontanti u projezzjonijiet (inklużi sorsi ewlenin ta’ fondi, lista ta’ sensara primarji u arranġamenti tal-likwidità ta’ kontinġenza f’xenarji differenti), restrizzjonijiet ta’ fidi ta’ investituri, assi miżmumin bl-użu ta’ marka għal-immudellar ta’ valutazzjoni, ingranaġġ, pożizzjonijiet f’derivattivi (inklużi ammonti kunċettwali u kollateral elenkat), assi illikwidi u assi mhux ta’ livell ta’ investiment, u l-użu ta’ short-selling. Il-BĊE jistenna li l-BERS ser jiġi kkonsultat fuq miżuri ta’ implimentazzjoni li jiġu adottati f’dan il-qasam.

11.

Il-kunċett ta’ ingranaġġ huwa fundamentali għall-mudell ta’ negozju implimentat minn ħafna AIFMs. Id-definizzjoni ta’ “ingranaġġ” taħt id-direttiva proposta ma tinkludix kunċetti ta’ relazzjoni ta’ ingranaġġ speċifiku. Il-BĊE huwa mħasseb li, mingħajr kjarifikazzjonijiet addizzjonali mdaħħla fit-test tad-Direttiva proposta, jista’ jkun diffiċli li tiġi implimentata d-definizzjoni proposta. Miżuri ta’ implimentazzjoni f’dan il-qasam għandhom jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet tekniċi ta’ superviżuri ta’ banek ċentrali u banek li mhumiex ċentrali. Għalhekk, il-BĊE jistenna li l-BERS u l-ESFS jiġu kkonsultati fuq miżuri ta’ implimentazzjoni li jiġu adottati f’dan il-qasam, inkluż kif propost fl-Emenda 7 fl-Anness, fuq miżuri possibbli li jirfinaw il-kunċett ta’ “ingranaġġ”, u fuq li jiġi speċifikat meta AIF jkun qed juża livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika.

12.

L-Artikolu 25(3) tad-direttiva proposta tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jiffissaw limiti għal-livell ta’ ingranaġġ li l-AIFMs jistgħu jużaw wara li jitqiesu, fost l-oħrajn, it-tip ta’ AIF, l-istrateġija tagħhom u s-sorsi tal-ingranaġġ tagħhom. Il-BĊE jirrikonoxxi li l-ingranaġġ jista’ joħloq riskji importanti għall-istabbiltà finanzjarja. Minħabba l-flessibbiltà tal-investiment tagħhom, AIFMs għandhom rwol importanti fl-appoġġ tal-likwidità tas-suq finanzjarju, u għalhekk jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq finanzjarju u l-iskoperta tal-prezz effettivi. Biex jinżamm dan ir-rwol jeħtieġ li jkun hemm limiti ta’ ingranaġġ ta’ riskju aġġustati kif jixraq u bbilanċjati applikabbli għall-AIFs li jqisu l-profil tar-riskju sħiħ tagħhom filwaqt li ma jtellfux eċċessivament il-flessibbiltà tal-investiment tagħhom.

13.

Il-BĊE huwa lest, jekk ikun meħtieġ, li joffri iktar fehmiet fuq kwalunkwe abbozz rivedut li jsir disponibbli. Meta l-BĊE jirrakkomanda li ssir emenda għad-direttiva proposta, jingħataw proposti ta’ abbozzar speċifiċi fl-Anness akkumpanjati bi spjegazzjoni. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proposti ma jindirizzawx l-osservazzjonijiet iktar ġenerali magħmulin hawn fuq.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fis-16 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  KUMM(2009) 207 finali.

(2)  Eurosystem contribution to the European Commission’s consultation on hedge funds, 25 February 2009 (Kontribuzzjoni tal-Eurosistema lill-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-fondi ħeġġ, 25 ta’ Frar 2009), p. 3 disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fi http://www.ecb.europa.eu

(3)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Communication from the Commission, European Financial Supervision, 27.5.2009, COM(2009) 252 final (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Superviżjoni Finanzjarja Ewropea, 27.5.2009), KUMM(2009) 252, disponibbli fis-sit elettroniku http://www.eur-lex.europa.eu

(5)  ĠU L 211, 11.8.2007, p. 8.


ANNESS

Proposti tal-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Artikolu 2(2) (punt ġdid (h))

“2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

[…];”

“2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

[…]

(h)

banek ċentrali nazzjonaali tal-Istati Membri.

Spjegazzjoni:

L-Artikolu 2(2)(g) tad-Direttiva proposta teskludi, fost l-oħrajn, lill-BĊE mill-iskop tad-direttiva proposta. Il-banek ċentrali nazzjonali fid-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għandhom jiġu esklużi espressament ukoll mill-ambitu tad-direttiva proposta billi dawn il-banek ċentrali, minħabba l-għanijiet u l-kompiti tagħhom, ma jirrappreżentawx sorsi ta’ riskju li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fid-Direttiva proposta.

Emenda 2

Fl-aħħar tal-Artikolu 3

 

“Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw iktar id-definizzjoni ta’ ‘Ingranaġġ’ fil-paragrafu 1.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3).”

Spjegazzjoni:

Ikun utli li tiġi kkjarifikata d-definizzjoni ta’ “Ingranaġġ”.

Emenda 3

Artikolu 8

“Artikolu 8

Irtirar tal-awtorizzazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni maħruġa lil AIFM fejn l-AIFM:

(1)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(2)

ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom ikun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(3)

ikun kiser serjament jew sistematikament id-dispożizzjonijiet li jitrasponu din id-Direttiva.”

“Artikolu 8

Irtirar tal-awtorizzazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni maħruġa lil AIFM fejn l-AIFM:

(1)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(2)

ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom ikun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(3)

ikun kiser serjament u/jew sistematikament id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva.

Kull irtirar ta’ awtorizzazzjoni għandu jkun effettiv immedjatament u jitħabbar mingħajr dewmien.

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw ukoll il-ħin u l-indirizzati ta’ avviż ta’ irtirar fil-paragrafu 1.

Dawk il-miżuri ddisinjati biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tiġi miżjuda, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmi fl-Artikolu 49(3).

Spjegazzjoni:

Ħafna ftehim ta’ kreditu u ftehim master jispeċifikaw “ġrajjiet ta’ nuqqas ta’ adempjiment” li jintitolaw lil kontroparti tittermina kuntratt jew tranżazzjoni li jkunu saru taħt il-ftehim master. L-irtirar tal-awtorizzazzjoni huwa tip standard ta’ “ġrajja ta’ nuqqas ta’ adempjiment”. Biex jiġi żgurat li kull irtirar ta’ awtorizzazzjoni ta’ AIFM ma jirriżultax fi proċess ta’ terminazzjoni disordinat – li altrimenti jista’ jkollu effetti differenti fi Stati Membri differenti – ikun mixtieq li jiġi speċifikat li l-implikazzjonijiet prattiċi tal-irtirar ikunu l-istess ġewwa l-Unjoni Ewropea kollha, partikolarment fir-rigward ta’ meta u lil min jiġi mħabbar irtirar ta’ awtorizzazzjoni, u meta l-irtirar jipproduċi effetti. Il-BĊE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni permezz tal-proċedura tal-komitoloġija biex jiġi speċifikat meta u lil min għandu jitħabbar irtirar ta’ awtorizzazzjoni.

Il-BĊE juri l-istess tħassib jekk ksur minn AIFM tal-“kundizzjonijiet tal-operat tal-AIFM” stabbiliti fil-Kapitolu III tad-direttiva proposta jirriżulta wkoll jekk ikun hemm nuqqas ta’ adempjiment, jew jikkawża terminazzjoni ta’ drittijiet kuntrattwali jew legali oħrajn.

Emenda 4

Artikolu 16(3)

“3.   Ir-regoli applikabbli għall-istimar tal-assi u l-kalkolu tal-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem tal-AIF għandhom jiġu stipulati fil-liġi tal-pajjiż fejn l-AIF ikun iddomiċiljat jew fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF.”

“3.   Ir-regoli applikabbli għall-istimar tal-assi u l-kalkolu tal-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem tal-AIF għandhom jiġu stipulati ikunu dawk applikabbli skont il-liġi tal-pajjiż fejn l-AIF ikun iddomiċiljat jew fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF.”

Spjegazzjoni:

Prinċipji tal-Kontabbiltà Ġeneralment Aċċettati tal-US jew “GAAP” mhumiex “preskritti mil-liġi” tal-Istati Uniti, u jista’ jkun li japplika l-istess sfond fattwali f’pajjiżi oħrajn. L-Artikolu 16(3) tad-direttiva proposta, kif abbozzat, jista’ għalhekk ikun impossibbli li jiġi implimentat.

Emenda 5

Artikolu 17(3)

“Id-depożitarju għandu jkun istituzzjoni tal-kreditu li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Komunità u awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 li għandha x’taqsam mal-bidu u s-segwiment tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni).”

“Id-depożitarju għandu jkun istituzzjoni tal-kreditu li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Komunità u awtorizzata skont id-dritt nazzjonali jew id-Direttiva 2006/48/KE tal-14 ta’ Ġunju 2006 li għandha x’taqsam mal-bidu u s-segwiment tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni).”

Spjegazzjoni:

L-emenda twessa’ d-definizzjoni ta’ depożitarju biex tal-anqas tinkludi istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma permessi taħt id-dritt nazzjonali, iktar milli sempliċiment istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati mid-Direttiva 2006/48/KE.

Emenda 6

Artikolu 18(1)(d)

“(d)

il-AIFM irid juri li l-parti terza hija kwalifikata u kapaċi teżegwixxi l-funzjonijiet konċernati, li ntgħażlet bl-attenzjoni dovuta u li l-AIFM huwa f’pożizzjoni li jissupervizza effikaċement u fi kwalunkwe ħin l-attività delegata, li jagħti f’kwalunkwe ħin istruzzjonijiet oħra lill-parti terza u li jirtira d-delegazzjoni b’effett immedjat meta dan ikun fl-interess tal-investituri.”

“(d)

il-AIFM irid juri li l-parti terza hija kwalifikata u kapaċi teżegwixxi l-funzjonijiet konċernati, li ntgħażlet bl-attenzjoni dovuta u li l-AIFM huwa f’pożizzjoni li jissupervizza effikaċement u fi kwalunkwe ħin l-attività delegata, li jagħti f’kwalunkwe ħin istruzzjonijiet oħra lill-parti terza u li jirtira d-delegazzjoni b’effett immedjat meta dan ikun fl-interess tal-investituri u b’mod simultanju jiġu ssostitwiti arranġamenti ta’ delega differenti li huma konsistenti mal-Artikolu 6(3).

Spjegazzjoni:

Biex tiġi assigurata l-konsistenza mal-Artikolu 6(3) tad-direttiva proposta, li teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ kwalunkwe AIFM biex “tkopri kwalunkwe arranġamenti għad-delegazzjoni li jsiru mill-AIFM”, il-bidla proposta hija intiża biex ikun meħtieġ li arranġamenti ta’ delega alternattivi jkunu fis-seħħ jekk ikun qatt meħtieġ għall-AIFM li jirtira delega “b’effett immedjat”.

Emenda 7

Fl-aħħar tal-Artikolu 22

“Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, l-AIF għandu jitqies li juża livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika fejn l-ingranaġġ kombinat mis-sorsi kollha taqbeż il-valur tal-kapital ta’ ekwità tal-AIF fi tnejn mill-aħħar erba’ trimestri.”

Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, l-AIF għandu jitqies li juża livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika fejn l-ingranaġġ kombinat mis-sorsi kollha taqbeż il-valur tal-kapital ta’ ekwità tal-AIF fi tnejn mill-aħħar erba’ trimestri.

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri implimentattivi li jispeċifikaw iktar iċ-ċirkustanzi fejn AIF għandha titqies li tuza livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bazi sistematika.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(3).

Spjegazzjoni:

L-Artikolu 22 tad-direttiva proposta jkollu l-effett prattiku li l-maġġoranza l-kbira tal-AIFs jitqiesu li jużaw livelli għoljin ta’ ingranaġġ fuq bażi sistematika għaliex l-ingranaġġ kumplessiv tagħhom ta’ spiss jaqbeż l-assi netti tagħhom (iktar milli l-“kapital privat”), li jista’ ma jipprovdix il-punt ta’ referenza xieraq fil-kuntest ta’ fond. Il-BĊE jissuġġerixxi li din il-kwistjoni teknika l-aħjar li tiġi solvuta mill-Kummissjoni billi jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni permezz tal-proċess tal-komitoloġija, bl-involviment xieraq ta’ superviżuri u awtoritajiet kompetenti oħrajn.

Emenda 8

Artikolu 33(8)

“8.   L-AIFM jistgħu jikkummerċjalizzaw biss ishma jew unitajiet ta’ AIF domiċiljat f’pajjiż terz ma’ investituri professjonali fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM mid-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1).”

“8.   L-AIFM jistgħu jikkummerċjalizzaw biss ishma jew unitajiet ta' AIF domiċiljat f’pajjiż terz ma’ investituri professjonali fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM mid-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1). Ishma jew unitajiet ta’ AIF ddomiċiljat f’pajjiż terz li nxtraw minn investitur iddomiċiljat fi Stat Membru qabel dik id-data jistgħu jkomplu jinżammew mill-investitur jew jinbiegħu lill-AIFM.

Spjegazzjoni:

Bħalissa, investituri (inklużi investituri bl-imnut privati) jistgħu jippossjedu leġittimament ishma jew unitajiet ta’ AIFs iddomiċiljati f’pajjiż terz. Iż-żieda li qed nipproponu hija intiża biex tiżgura li hemm regoli legali għall-immaniġġjar ta’ dawn l-investimenti wara t-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida stabbilita fid-direttiva proposta (jiġifieri sistema li taħtha AIFM minn pajjiż terz ikollu bżonn awtorizzazzjoni biex ikun jista’ jkompli l-attivitajiet kurrenti tiegħu ġewwa l-UE), u b’mod partikolari biex jiġi żgurat li l-valur ta’ dawk l-ishma jew unitajiet ma jiġix affetwat ħażin sempliċiment bħala riżultat li l-AIFM ta’ pajjiż terz ma jitlobx, jew ma jiksibx, awtorizzazzjoni biex ikompli l-attivitajiet kurrenti tiegħu ġewwa l-UE. Alternattivament, ir-regoli tranżitorji għandhom jiġu emendati.

Emenda 9

Artikolu 46(1)

“1.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFM skont din id-Direttiva għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fejn din hija rilevanti għall-monitoraġġ u r-reazzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali tal-attivitajiet ta’ AIFM individwali jew ta’ AIFM kollettivament għall-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistemikament u l-funzjonament regolat tas-swieq li huma attivi fihom l-AIFM. Għandu jiġi infurmat ukoll il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (ĊESR), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE tat-23 ta’ Jannar 2009 (2)u din l-informazzjoni għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.”

“1.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFM skont din id-Direttiva għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra lill-banek ċentrali, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Bord tar-Riskju Sistemiku Ewropew, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fejn din hija rilevanti għall-monitoraġġ u r-reazzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali tal-attivitajiet ta’ AIFM individwali jew ta’ AIFM kollettivament għall-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistemikament u l-funzjonament regolat tas-swieq li huma attivi fihom l-AIFM. Għandu jiġi infurmat ukoll il-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej (ĊESR), imwaqqaf bid-Deċizjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE tat-23 ta’ Jannar 2009 (2)u din l-informazzjoni għandha tintgħata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.”

Spjegazzjoni:

Iż-żieda tiżgura li l-banek ċentrali, inkluż il-BĊE (f’isem ukoll l-BERS) hija infurmata kif jixraq bl-informazzjoni rilevanti għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom bl-użu ta’ terminoloġija applikata f’oqsma oħrajn tal-acquis finanzjarju tal-UE.


(1)  Il-korp tat-test ingassat (strikethrough) jindika fejn il-BĊE jipproponi li jitħassar test. Il-grassett fit-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jdaħħal test ġdid.

(2)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 18.


Fuq