EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 02012O0013-20190620

Test konsolidat: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Lulju 2012 dwar TARGET2-Securities (riformulazzjoni) (BĊE/2012/13) (2012/473/UE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2012/473/2019-06-20

02012O0013 — MT — 20.06.2019 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Lulju 2012

dwar TARGET2-Securities

(riformulazzjoni)

(BĊE/2012/13)

(2012/473/UE)

(ĠU L 215 11.8.2012, p. 19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

LINJA GWIDA (UE) 2017/1404 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-23 ta' Ġunju 2017

  L 199

26

29.7.2017

►M2

LINJA GWIDA (UE) 2019/1007 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tas-7 ta' Ġunju 2019

  L 163

108

20.6.2019




▼B

LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta’ Lulju 2012

dwar TARGET2-Securities

(riformulazzjoni)

(BĊE/2012/13)

(2012/473/UE)



TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.  It-T2S għandu jkun ibbażat fuq pjattaforma teknika waħda integrata mas-sistemi ta’ saldu gross f’ħin reali tal-banek ċentrali. Għandu jkun servizz ipprovdut mill-Eurosistema lil CSDs li jippermetti tranżazzjonijiet għas-saldu ta’ titoli li huwa bażiku, newtrali u mingħajr konfini fuq bażi ta’ konsenja mal-ħlas fi flus ta’ bank ċentrali.

2.  Din il-Linja Gwida tistabbilixxi r-regoli dwar il-governanza interna tat-T2S. Hija tistabbilixxi wkoll il-karatteristiċi ewlenin tat-T2S, billi tiddefinixxi l-irwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi ►M2  tal-MIB ◄ u tal-4BĊ, u r-relazzjonijiet bejniethom matul il-fażijiet tal-ispeċifikazzjoni, tal-iżvilupp u operattivi. Hija tispeċifika wkoll id-deċiżjonijiet ewlenin li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-T2S mill-Kunsill Governattiv. Barra minn dan, din il-Linja Gwida tistipula l-prinċipji bażiċi għal dawn kollha li ġejjin fir-rigward tat-T2S: (a) ir-reġim finanzjarju, drittijiet u garanziji; (b) kif għandhom jiġu ddeterminati l-aċċess ta’ CSDs għat-T2S u r-relazzjonijiet kuntrattwali ma’ CSDs; (c) kif il-muniti li mhumiex l-euro jsiru eliġibbli għall-użu fit-T2S; (d) l-iżvilupp tat-T2S.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

(1) “depożitorju ċentrali tat-titoli” (CSD – Central Securities Depository) tfisser entità li: (a) tagħmilha possibbli għal titoli biex ikunu stabbiliti u saldati permezz ta’ entrata fil-kont, u/jew iżżomm u tamministra titoli f’isem oħrajn permezz tal-provvista jew żamma ta’ kontijiet ta’ titoli; (b) tħaddem jew tipprovdi għal sistema ta’ saldu ta’ titoli skont Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli ( 1 ) jew għal entitajiet li ma jinsabux fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti ekwivalenti għal Direttiva 98/26/KE u/jew li hija rregolata minn bank ċentrali; u (c) hija rikonoxxuta bħala CSD minn regolamenti u/jew leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew hija awtorizzata jew irregolata bħala tali minn awtorità kompetenti;

(2) “konsenja mal-ħlas” tfisser mekkaniżmu għas-saldu ta’ titoli, li jorbot it-trasferiment ta’ titoli u t-trasferiment ta’ fondi b’mod li jiżgura li l-konsenja sseħħ biss jekk ikun sar il-ħlas korrispondenti;

(3) “BĊN taż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(4) “bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser jew BĊN taż-żona tal-euro jew il-BĊE, skont il-każ;

(5) “Ftehim Qafas” tfisser il-qafas kuntrattwali li jidħlu fih CSD u l-Eurosistema għall-fażi tal-iżvilupp u dik operattiva;

(6) “speċifikazzjonijiet funzjonali ġenerali” (GFS - general functional specifications) tfisser deskrizzjoni ġenerali funzjonali tal-applikazzjoni li għandha tiġi żviluppata biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-utent tat-T2S. Hija ser tinkludi elementi bhall-arkitettura funzjonali (domains, moduli u interazzjonijiet), il-mudelli kunċettwali, il-mudell tad-dejta jew il-proċess tal-fluss ta’ dejta;

(7) “ftehim Livell 2-Livell 3”, tfisser il-ftehim dwar il-provvista u t-tħaddim innegozjat bejn ►M2  il-MIB ◄ u l-4BĊ, approvat mill-Kunsill Governattiv u sussegwentement iffirmat mil-banek ċentrali tal-Eurosistema u l-4BĊ, kif emendat fejn meħtieġ. Huwa fih id-dettalji addizzjonali dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, ►M2  il-MIB ◄ u l-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(8) “BĊN li mhux fiż-żona tal-euro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro;

(9) “fażi operattiva” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda wara li l-ewwel CSD tkun imxiet għat-T2S;

(10) «bank ċentrali ieħor” tfisser il-bank ċentrali ta’ pajjiż li huwa barra mill-Unjoni;

(11) “skeda ta’ ħlas” tfisser skeda li tindika s-sekwenza ta’ ħlas għal ħlasijiet akkont tar-rimborż lill-4BĊ;

(12) “ftehim tal-livell ta’ servizz” tfisser kemm il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-4BĊ lill-Eurosistema, kif ukoll il-ftehim li jiddefinixxi l-livell ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti mill-Eurosistema lis-CSDs, fir-rigward tat-T2S;

(13) “fażi ta’ speċifikazzjoni u żvilupp” tfisser il-perjodu ta’ żmien li jibda bl-approvazzjoni tal-URD mill-Kunsill Governattiv u li jintemm bil-bidu tal-fażi operattiva;

(14) “applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S” tfisser is-software żviluppat u mħaddem mill-4BĊ f’isem l-Eurosistema bil-ħsieb li l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi servizzi T2S fuq il-pjattaforma tat-T2S;

(15) “Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx” tfisser sett ta’ regoli u proċeduri li jiġu applikati kull meta titnieda bidla fis-servizzi tat-T2S;

(16) “pjattaforma tat-T2S” tfisser il-hardware u l-komponenti kollha tas-software, jiġifieri s-software kollu użat bl-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S, meħtieġa biex titmexxa u titħaddem l-applikazzjoni ta’ negozju tat-T2S;

(17) “Programm T2S” tfisser is-sett ta’ attivitajiet relatati u deliverables meħtieġa għall-iżvilupp tat-T2S sakemm isseħħ il-migrazzjoni sħiħa tas-CSDs kollha li ffirmaw il-Ftehim Qafas u tal-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema, ta’ BĊNi li mhumiex fiż-żona tal-euro u ta’ banek ċentrali oħra;

▼M2 —————

▼B

(19) “kont tal-proġett T2S” tfisser il-kont tat-T2S użat biex jinġabru u jitqassmu l-ħlasijiet akkont, ir-rimborż u l-miżati. Il-kont tal-proġett jista’ jkollu sub-kontijiet sabiex jigu mifrudin it-tipi differenti ta’ flussi ta’ flus kontanti. Huwa m’għandux natura baġitarja;

(20) “Servizzi tat-T2S” tfisser is-servizzi li għandhom jingħataw mill-Eurosistema lil CSD u lil banek ċentrali abbażi tal-arranġamenti kuntrattwali li jkunu daħlu għalihom l-Eurosistema u s-CSDs, BĊNi mhux fiż-żona tal-euro, jew banek ċentrali oħra;

(21) “Utenti tat-T2S” tfisser parteċipanti f’CSD, entitajiet legali jew individwi li għandhom relazzjoni kuntrattwali mas-CSD għall-ipproċessar tal-attivitajiet tagħhom relatati mas-saldu ta’ titoli fit-T2S, jew membri ta’ bank ċentrali, li l-munita tagħhom tista’ tintuża għall-ipproċessar relatat mas-saldu fit-T2S, li għandhom relazzjoni kuntrattwali mal-bank ċentrali għall-attivitajiet tagħhom ta’ pproċessar ta’ flus kontanti marbutin ma’ titoli fit-T2S;

(22) “Speċifikazzjonijiet funzjonali dettaljati għall-utent (UDFS)” tfisser deskrizzjoni dettaljata tal-funzjonijiet li jimmaniġġjaw il-flussi esterni tad-dejta T2S, minn applikazzjoni għal applikazzjoni. Hija ser tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-utenti biex jaġġustaw jew jiżviluppaw is-sistema ta’ informazzjoni interna tagħhom bil-ħsieb li jqabbduha mat-T2S;

(23) “Manwal għall-utent” tfisser id-dokument li jiddeskrivi l-mod kif utenti tat-T2S jistgħu jużaw numru ta’ funzjonijiet ta’ software tat-T2S li huma disponibbli f’modalità (ibbazata fuq skrin) utent għal applikazzjoni;

(24) “Dokument dwar il-ħtiġijiet tal-utent” (URD) tfisser id-dokument li jistabbilixxi l-ħtiġijiet tal-utent għat-T2S kif ippubblikat mill-BĊE fit-3 ta’ Lulju 2008 u kif emendat sussegwentement permezz tal-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx;

▼M1

(25) “Grupp Konsultattiv dwar Infrastrutturi tas-Suq għal Titoli u Kollateral” jew l-“AMI SeCo” ifisser korp konsultattiv li l-missjoni tiegħu hija li jagħti pariri lill-Eurosistema dwar kwistjonijiet relatati ma' kklerjar u saldu ta' titoli, ġestjoni tal-kollateral u t-T2S, u li l-mandat tiegħu huwa ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE;

▼M2

(26) “Bord tal-Infrastruttura tas-Suq” jew “MIB” tfisser il-korp ta' governanza tal-Eurosistema stabbilit skont id-Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/3) ( 2 );

▼M1

(27) “Kumitat dwar l-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasjiet” jew “MIPC” tfisser il-Kumitat tal-Eurosistema inkarigat mill-assistenza lill-korpi deċiżjonali tal-Eurosistema sabiex jinqeda d-dmir statutorju tas-SEBĊ biex tiġi promossa l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas, inklużi l-aspetti tal-kontinwità tan-negozju, jew is-suċċessur tagħha.

▼B



TAQSIMA II

GOVERNANZA TAT-T2S

Artikolu 3

Livelli ta’ governanza interna

Il-governanza interna tat-T2S għandha tkun ibbażata fuq tliet livelli. Livell 1 għandu jikkonsisti mill-Kunsill Governattiv, Livell 2 għandu jikkonsisti ►M2  mill-MIB ◄ u Livell 3 għandu jikkonsisti mill-4BĊ.

Artikolu 4

Il-Kunsill Governattiv

1.  Il-Kunsill Governattiv għandu jkun responsabbli għad-direzzjoni, il-maniġment kumplessiv u l-kontroll tat-T2S. Għandu jkun responsabbli wkoll għat-teħid ta’ deċiżjonijiet finali fir-rigward tat-T2S u għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni ta’ kompiti mhux attribwiti speċifikament lil-Livelli 2 u 3.

2.  B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv għandu jkollu l-kompetenzi li ġejjin:

(a) responsabbiltà għall-governanza tat-T2S permezz tal-attivitajiet kollha li ġejjin:

(i) li jiddeċiedi fuq kull kwistjoni dwar il-governanza tat-T2S; li jassumi r-responsabbiltà għat-T2S in ġenerali u għalhekk ikun dak li jieħu d-deċizjoni finali jekk tinqala’ xi kwistjoni;

(ii) li jiehu deċizjonijiet, fuq bażi ad hoc, dwar kompiti assenjati ►M2  lill-MIB ◄ jew lill-4BĊ;

(iii) li jalloka t-twettiq ta’ ħidmiet speċifiċi addizzjonali jew sussegwenti dwar it-T2S ►M2  lill-MIB ◄ u/jew lill-4BĊ, filwaqt li jiddetermina liema deċiżjonijiet dwarhom iżomm għalih innifsu;

(iv) li jadotta kwalunkwe deċizjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni ►M2  tal-MIB ◄ ;

(b) li jieħu ħsieb talbiet minn membri tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S, il-Grupp ta’ Tmexxija għall-Muniti li Mhumiex l-euro (NECSG – Non-euro Currencies Steering Group) jew il-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD (CSG – CSD Steering Group) ippreżentati skont ir-regoli tal-grupp rispettiv;

(c) li jiddeċiedi fuq ir-reġim finanzjarju bażika għat-T2S, jiġifieri:

(i) il-politika dwar l-ipprezzar għal servizzi tat-T2S;

(ii) il-metodoloġija tal-kost għat-T2S;

(iii) l-arranġamenti finanzjarji skont l-Artikolu 12;

(d) li jiddeċiedi dwar il-kriterji ta’ aċċess għas-CSD;

(e) li jivvalida u jaċċetta l-Pjan tal-Programm T2S; jimmoniterja l-progress tal-Programm T2S u jiddeċiedi dwar mizuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S;

(f) li jiddeċiedi fuq l-aspetti operattivi bażiċi tat-T2S, jigifieri:

(i) il-qafas operattiv tat-T2S, inkluż l-istrategija tal-ġestjoni ta’ inċidenti u kriżijiet;

(ii) il-qafas tas-sigurtà ta’ informazzjoni tat-T2S;

(iii) il-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx;

(iv) l-istrateġija għall-ittestjar tat-T2S;

(v) l-istrateġija ta’ migrazzjoni tat-T2S;

(vi) il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tat-T2S;

(g) li japprova l-qafas kuntrattwali bażiku, jigifieri:

(i) il-ftehim bejn Livelli 2 u 3;

(ii) il-ftehim tal-livell ta’ servizz li jiġu nnegozjati bejn ►M2  il-MIB ◄ u s-CSDs u l-banek ċentrali tal-Eurosistema kif ukoll mal-4BĊ;

(iii) il-kuntratti mas-CSDs li jiġu nnegozjati ►M2  mill-MIB ◄ b’mod konġunt mal-banek ċentrali tal-Eurosistema u, min-naħa l-oħra, is-CSDs;

(iv) il-kuntratti mal-BĊNi mhux fiż-żona tal-euro, banek ċentrali oħra jew awtoritajiet monetarji kompetenti oħra, inkluz il-ftehim tal-livell ta’ servizz rispettiv;

(h) ir-responsabbiltà għat-teħid ta’ miżuri xierqa biex jiġi żgurat infurzar ta’ regoli u prinċipji dwar is-sorveljanza;

(i) li jiddeċiedi dwar id-data tal-bidu tal-ewwel migrazzjoni ta’ CSDs għat-T2S.

▼M2

Artikolu 5

Il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq

Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-MIB huma stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2019/166 (BĊE/2019/3). L-MIB għandu jkun inkarigat mill-kompiti assenjati lilu skont id-Deċiżjoni (UE) 2019/166 (BĊE/2019/3).

▼B

Artikolu 6

L-4BĊ

1.  L-4BĊ għandhom jiżviluppaw u jħaddmu t-T2S u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-organizzazzjoni interna tagħhom u l-allokazzjoni tax-xogħol ►M2  lill-MIB ◄ .

Il-4CB għandhom, b’mod partikolari, iwettqu l-kompiti kollha li ġejjin:

(a) iħejju, abbażi tal-URD u tal-gwida ►M2  tal-MIB ◄ , il-GFS, l-UDFS u l-Manwali għall-Utent skont il-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S;

(b) jiżviluppaw u jibnu t-T2S f’isem l-Eurosistema, u jipprovdu l-komponenti tekniċi tat-T2S skont il-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S u mal-URD, il-GFS u l-UDFS u speċifikazzjonijiet u livelli ta’ servizz oħra;

(c) jagħmlu t-T2S disponibbli ►M2  lill-MIB ◄ skont iż-żmien, l-ispeċifikazzjonijiet u l-livelli ta’ servizz approvati;

(d) jissottomettu dawn li ġejjin ►M2  lill-MIB ◄ għall-finijiet tal-arranġamenti finanzjarji tat-T2S skont l-Artikolu 12:

(i) stima, f’forma li tista’ tiġi evalwata u/jew ivverifikata mill-kumitat relevanti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) jew tal-Eurosistema u/jew minn awdituri esterni, tal-ispejjeż li se jeħlu fl-iżvilupp u t-tħaddim tat-T2S;

(ii) offerta finanzjarja, li tinkludi t-tip, l-iskeda tal-hlas kif ukoll il-perijodu ta’ zmien kopert;

(e) jiksbu l-liċenzji kollha meħtieġa biex jinbena u jitħaddem it-T2S u biex l-Eurosistema tista’ tkun f’pożizzjoni li tipprovdi servizzi tat-T2S lil CSDs;

(f) jimplimentaw bidliet fit-T2S skont il-Proċedura tat-T2S għall-Ġestjoni tal-Bidla u tar-Rilaxx;

(g) jipprovdu tweġibiet fil-qasam ta’ kompetenza tagħhom għal talbiet ifformulati mill-Kunsill Governattiv jew ►M2  mill-MIB ◄ ;

(h) jipprovdu taħriġ, appoġġ tekniku u operattiv għal testijiet u għal migrazzjoni, taht il-koordinazzjoni ►M2  tal-MIB ◄ ;

(i) jinnegozjaw kwalunkwe emendi għall-ftehim Livell 2-Livell 3 ►M2  mal-MIB ◄ .

2.  L-4BĊ għandhom ikunu responsabbli in solidum fil-konfront tal-Eurosistema għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Ir-responsabbiltà għandha tkopri l-frodi, l-aġir doluż u t-traskuraġni grossa. Ir-reġim tar-responsabbiltà għandu jiġi speċifikat aktar fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

3.  L-outsourcing jew is-subappaltar tax-xogħol ta’ hawn fuq mill-4BĊ lil fornituri esterni għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-4BĊ lejn l-Eurosistema u partijiet interessati oħra li għandhom interess u għandu jkun trasparenti ►M2  għall-MIB ◄ .

Artikolu 7

Relazzjonijiet ma’ partijiet interessati esterni

1.  Il- ►M1  AMI SeCo ◄ huwa forum għall-komunikazzjoni u l-interazzjoni bejn l-Eurosistema u parteċipanti interessati esterni fit-T2S. Il- ►M1  AMI SeCo ◄ għandu jagħti parir ►M2  lill-MIB ◄ u jista’, f’każijiet eċċezzjonali, iressaq kwistjonijiet għall-attenzjoni tal-Kunsill Governattiv.

2.  Il- ►M1  AMI SeCo ◄ għandu jiġi ppresedut mill-president ►M2  tal-MIB ◄ . Il-kompożizzjoni u l-mandat tal- ►M1  AMI SeCo ◄ huma stipulati fl-Anness.

3.  Il-Grupp Konsultattiv għandu jwettaq il-funzjoni tiegħu skont ir-Regoli ta’ Proċedura li huma mħejjija mill- ►M1  AMI SeCo ◄ u approvati ►M2  mill-MIB ◄ .

4.  Il-CSG huwa l-korp ta’ governanza tat-T2S li, fir-rigward ta’ sett ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim Qafas, għandu jagħmel riżoluzzjonijiet u jagħti opinjonijiet f’isem CSDs li jkunu ffirmaw il-Ftehim Qafas. Il-mandat tal-CSG huwa anness mal-Ftehim Qafas.

5.  In-NECSG huwa l-korp ta’ governanza tat-T2S li, fir-rigward ta’ sett ta’ kwistjonijiet stipulati fil-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita, għandu jagħmel riżoluzzjonijiet u jagħti opinjonijiet f’isem BĊNi li mhux fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra li jkunu ffirmaw il-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita. Il-mandat tan-NECSG huwa anness mal-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita.

6.  Il-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali huma forum għall-komunikazzjoni u interazzjoni ma’ fornituri u utenti ta’ servizzi tas-saldu ta’ titoli fi ħdan is-suq nazzjonali tagħhom, biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tat-T2S u biex jiġi vvalutat l-impatt tat-T2S fis-swieq nazzjonali. Bħala regola, il-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali għandhom ikunu ppreseduti mill-BĊNi rispettivi. Il-kompożizzjoni u l-mandat tal-Gruppi ta‘ Utenti Nazzjonali huma stipulati fl-Anness.

Artikolu 8

Governanza tajba

▼M1

1.  Sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess bejn il-provvista ta' servizzi tat-T2S mill-Eurosistema u l-funzjonijiet superviżorji tal-Eurosistema, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li:

(a) il-membri ►M2  tal-MIB ◄ , m'għandhomx ikunu involuti direttament fis-superviżjoni tat-T2S jew tas-CSDs li jikkummissjonaw operazzjonijiet ta' saldu lit-T2S, sa fejn dak l-involviment jista' jagħti lok għal kunflitti attwali u potenzjali mal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri ►M2  tal-MIB ◄ . Għandhom jiġu implimentati miżuri xierqa għall-identifikazzjoni u l-evitar ta' kunflitti bħal dawn;

(b) Il-membri ►M2  tal-MIB ◄ m'għandhomx ikunu parti mill-Kumitat ta' Awdituri Interni (IAC), u lanqas m'għandhom ikunu involuti f'Attivitajiet tal-Livell 3 fuq bażi ta' kuljum;

(c) L-attivitajiet ta' superviżjoni tat-T2S għandhom ikunu separati mill-attivitajiet operattivi tat-T2S.

▼B

2.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jkun suġġett għall-obbligi ta’ rapportar, kontroll u verifika, kif definit f’din il-Linja Gwida. Verifiki fir-rigward tal-iżvilupp, it-tħaddim u l-kost tat-T2S għandhom jinbdew u jitmexxew abbażi tal-prinċipji u l-arranġamenti stipulati fil-politika ta’ verifika tas-SEBĊ tal-Kunsill Governattiv fis-seħħ fiż-żmien meta sseħħ il-verifika rilevanti.

Artikolu 9

Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

1.  L-4BĊ u ►M2  l-MIB ◄ għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, jiskambjaw informazzjoni u jipprovdu appoġġ tekniku u ta’ natura oħra lil xulxin matul l-iżvilupp u t-tħaddim tat-T2S.

2.  L-4BĊ, il-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema u ►M2  l-MIB ◄ għandhom jinfurmaw lil xulxin minnufih dwar kwalunkwe kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw materjalment l-iżvilupp jew il-bini u t-tħaddim tat-T2S, u għandhom jipprovaw itaffu kull riskju relatat.

3.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Kunsill Governattiv dwar l-iżvilupp tal-Programm T2S u t-tħaddim tat-T2S. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-EISC, li jista’ jagħti parir lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. ►M1  Il-Kumitat dwar l-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet (MIPC) ◄ għandu jirċievi r-rapporti għal finijiet ta’ informazzjoni.

4.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jaqsam l-aġendi, is-sommarji u d-dokumentazzjoni rilevanti tal-laqgħat tiegħu mal-membri ►M1  tal-MIPC, ◄ sabiex dawk il-membri jitħallew jagħtu kontribut jekk meħtieġ.

5.   ►M2  Il-MIB ◄ jista’ jikkonsulta, u jista’ jiġi kkonsultat minn, kwalunkwe kumitat kompetenti tas-SEBĊ kif meħtieġ.

6.  L-4BĊ għandhom jipprovdu rapporti regolari fuq il-Programm T2S u dwar l-operat tat-T2S ►M2  lill-MIB ◄ .

7.  Il-kontenut u l-proċedura dettaljata għall-obbligi ta’ rapportar ►M2  tal-MIB ◄ u tal-4BĊ għandhom ikunu spjegati fid-dettall fil-ftehim Livell 2-Livell 3.



TAQSIMA III

REĠIM FINANZJARJU

Artikolu 10

Politika tal-ipprezzar

Il-politika tal-ipprezzar għat-T2S għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji bażiċi tan-nuqqas ta’ qligħ, tal-irkupru sħiħ tal-kost u tan-nondikriminazzjoni fil-konfront tas-CSDs.

Artikolu 11

Metodoloġija tal-kost u l-kontabilità

1.  It-T2S għandu jkun suġġett għall-metodoloġija komuni tal-kost tal-Eurosistema u għal-Linja Gwida BĊE/2010/20 tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali ( 3 ), sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.

2.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu, fi stadju bikri ħafna, jinvolvi ‘l-kumitati relevanti tas-SEBĊ/tal-Eurosistema fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni korretta ta’:

(a) il-metodoloġija komuni tal-kost tal-Eurosistema fil-kuntest tal-estimi tal-kost tat-T2S u l-kalkolu tal-ispejjeż annwali tat-T2S; u

(b) il-Linja Gwida BĊE/2010/20 mill-BĊE u l-4BĊ fil-kuntest tal-kost tat-T2S u r-rikonoxximent tal-attiv.

Artikolu 12

Arranġamenti finanzjarji

1.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jippreżenta proposta dwar l-aġġustar tar-reġim finanzjarju tat-T2S lill-Kunsill Governattiv, li għandha tinkludi l-kost tat-T2S, jiġifieri l-kostijiet tal-4BĊ u tal-BĊE għall-iżvilupp, il-manteniment u l-operat tat-T2S.

2.  Il-proposta għandha tinkludi wkoll:

(a) it-tip tal-offerta;

(b) l-iskeda tal-ħlas;

(c) il-perjodu ta’ żmien kopert;

(d) il-mekkaniżmu biex jinqasam il-kost;

(e) il-kost tal-kapital.

3.  Il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi dwar ir-reġim finanzjarju tat-T2S.

Artikolu 13

Ħlasijiet

1.  Għandu jkun hemm kont tal-proġett T2S miżmum għand il-BĊE f’isem l-Eurosistema. Il-kont tal-proġett T2S m’għandux ikollu natura baġitarja iżda għandu jintuża sabiex jinġabru u jitqassmu il-ħlasijiet bil-quddiem kollha marbutin mal-kost tat-T2S, ħlasijiet akkont u rimborżi, kif ukoll il-miżati għall-użu tat-T2S.

2.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jiġġestixxi l-kont tal-proġett T2S f’isem l-Eurosistema. Bla ħsara għall-validazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ dak li jrid jiġi kkonsenjat mill-4BĊ, ►M2  il-MIB ◄ għandu japprova l-pagament ta’ kull hlas akkont lill-4BĊ, skont l-iskeda tal-ħlas miftehma approvata mill-Kunsill Governattiv u stipulata fil-ftehim Livell 2-Livell 3.

Artikolu 14

Id-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S

1.  L-applikazzjoni tan-negozju tat-T2S għandha tkun kollha l-proprjetà tal-Eurosistema.

2.  Għal dan il-għan, l-4BĊ għandhom jagħtu lill-Eurosistema liċenzji fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali meħtieġa biex l-Eurosistema tkun tista’ tipprovdi l-firxa sħiħa ta’ servizzi tat-T2S lil CSDs taħt ir-regoli applikabbli u l-livelli ta’ servizz komuni u fuq bażi ugwali. L-4BĊ għandhom jikkumpensaw lill-Eurosistema għal kwalunkwe talba dwar ksur imqajma minn partijiet terzi fir-rigward ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

3.  Id-dettalji fir-rigward tad-drittijiet tal-Eurosistema għat-T2S għandhom ikunu miftehma bejn l-4BĊ u ►M2  l-MIB ◄ fil-ftehim Livell 2-Livell 3. Id-drittijiet tal-awtoritajiet li jkunu ffirmaw ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita kif definit fl-Artikolu 18 għandhom ikunu stabbiliti f’dan il-ftehim.



TAQSIMA IV

DEPOŻITORJI ĊENTRALI TAT-TITOLI

Artikolu 15

Kriterji ta’ aċċess għal CSD

1.  CSDs għandhom ikunu eliġibbli għall-aċċess għas-servizzi tat-T2S sakemm huma:

(a) ikunu ġew innotifikati skont Artikolu 10 ta’Direttiva 98/26/KE jew, f’każ ta’ CSD minn ġuriżdizzjoni li mhix fiż-ŻEE, joperaw taħt qafas legali u regolatorju illi huwa ekwivalenti għal dak fis-seħħ fl-Unjoni;

▼M2

(b) ikunu ġew ivvalutati b'mod pożittiv mill-awtoritajiet kompetenti fil-konfront ta' (i) r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), għal CSDs li jinsabu f'ġurisdizzjoni taż-ŻEE, jew (ii) il-Prinċipji għal Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju tal-Kumitat għall-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Swieq u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli ddatat April 2012 jew qafas legali li jimplimenta dawk il-prinċipji, għal CSDs li jinsabu f'ġurisdizzjoni mhux fiż-ŻEE;

▼B

(c) wara li jkunu ntalbu jagħmlu dan, ikunu poġġew għad-dispożizzjoni ta’ CSDs oħra fit-T2S kull titolu/ISIN li tagħhom ikunu CSD emittent (jew CSD emittent tekniku);

(d) jintrabtu li joffru lil CSDs oħra fit-T2S servizz bażiku ta’ kustodja fuq bażi nondiskriminatorja;

(e) jintrabtu ma’ CSDs oħra fit-T2S li jwettqu s-saldu tal-flus tal-bank ċentrali tagħhom fit-T2S, jekk il-munita hija disponibbli fit-T2S.

2.  Ir-regoli fir-rigward tal-kriterji ta’ aċċess għal CSDs huma stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2011/20 tas-16 ta’ Novembru 2011 li tistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà biex id-depożitorji ċentrali tat-titoli jaċċessaw servizzi tat-TARGET2-Securities ( 5 ), u għandhom ikunu implimentati fil-ftehim kuntrattwali bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs.

3.  Il-BĊE għandu jżomm lista fuq il-websajt tiegħu li tidentifika lis-CSDs ammessi biex jagħmlu saldu fit-T2S.

Artikolu 16

Relazzjonijiet kuntrattwali ma’ CSDs

1.  Il-kuntratti bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-CSDs, inkluż il-ftehim tal-livell ta’ servizz, għandhom ikunu armonizzati kompletament.

2.   ►M2  Il-MIB ◄ , b’mod konġunt mal-banek ċentrali tal-Eurosistema, għandu jinnegozja l-emendi għall-kuntratti mas-CSDs.

3.  Il-kuntratti mas-CSDs u l-emendi li jsirulhom għandhom ikunu approvati mill-Kunsill Governattiv u wara ffirmati mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-pajjiż fejn tinsab is-sede tas-CSD, jew mill-BĊE għal CSDs li jinsabu barra ż-żona tal-euro, f’kull każ waqt li jaġixxu f’isem jew bħala rappreżentant tal-banek ċentrali tal-Eurosistema kollha. Fir-rigward tal-Irlanda, il-kuntratt jigi ffirmat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema tal-Istat Membru li jkun innotifika s-sistema ta’ saldu ta’ titoli skont Artikolu 10 tad-Direttiva 98/26/KE.

Artikolu 17

Konformità mar-rekwiziti regolatorji

1.  Il-Bord għall-Programm T2S għandu jkollu l-għan li jappoġġa konformità kontinwa minn CSDs mar-rekwiżiti legali, regolatorji u ta’ sorveljanza rilevanti.

2.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jikkunsidra jekk il-BĊE għandux joħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex irawwem adattamenti leġiżlattivi biex jiġu żgurati drittijiet ta’ aċċess ugwali għas-servizzi tat-T2S minn CSDs, u jsiru proposti fir-rigward tagħhom lill-Kunsill Governattiv.



TAQSIMA V

MUNITI LI MHUX L-EURO

Artikolu 18

Kundizzjonijiet ta’ eliġibilità għall-inklużjoni fit-T2S

1.  Munita taż-ŻEE li mhux l-euro għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-BĊN li mhux fiż-żona tal-euro, bank ċentrali ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-munita jkunu daħlu fi ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita mal-Eurosistema u li l-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibbiltà ta’ dik il-munita.

2.  Munita li ma tkunx munita taż-ŻEE għandha tkun eliġibbli għall-użu fit-T2S sakemm il-Kunsill Governattiv ikun approva l-eliġibiiltà ta’ dik il-munita, jekk:

(a) il-qafas legali, regolatorju u ta’ sorveljanza applikabbli għas-saldu f’dik il-munita jipprovdi sostanzjalment l-istess livell ta’ ċertezza jew ogħla bħal dak fis-seħħ fl-Unjoni;

(b) l-inkluzjoni ta’ dik il-munita fit-T2S ikollha impatt pożittiv fuq il-kontribut tat-T2S fis-suq tas-saldu tat-titoli tal-Unjoni;

(c) il-bank ċentrali l-ieħor jew awtorità oħra responsabbli għal dik il-munita jidħlu fi ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-munita sodisfaċenti reċiprokament mal-Eurosistema.

3.  Skont il-mandat ►M2  tal-MIB ◄ , BĊNi mhux fiż-żona tal-euro u banek ċentrali oħra jistgħu jkunu rrappreżentati ►M2  fil-MIB ◄ .



TAQSIMA VI

ŻVILUPP TAL-PROGRAMM T2S

Artikolu 19

Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S

1.  Fuq il-bażi proposti magħmulin ►M2  mill-MIB ◄ , il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta, jivvalida u jaċċetta emendi għall-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S.

2.   ►M2  Il-MIB ◄ għandu jistabbilixxi pjan operattiv fuq il-bażi tal-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S. Il-pjan operattiv u l-aġġornamenti tiegħu għandhom ikunu ppubblikati u kkomunikati lil parteċipanti interessati fit-T2S ikkonċernati.

3.  Jekk hemm riskju serju li mhux ser jinkiseb stadju fil-Pjan Sommarju Eżekuttiv tat-T2S, ►M2  il-MIB ◄ għandu jinforma minnufih lill-Kunsill Governattiv b’dan, u jipproponi miżuri biex jitnaqqas kull dewmien fl-implimentazzjoni tat-T2S.



TAQSIMA VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Ftehim Livell 2-Livell 3

1.  Bla ħsara għal din il-Linja Gwida, ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jipprovdi għad-dettalji addizzjonali tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-4BĊ, ►M2  il-MIB ◄ u l-banek ċentrali tal-Eurosistema.

2.  Il-ftehim Livell 2-Livell 3 u l-abbozz tal-emendi tiegħu għandhom ikunu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv u mbagħad iffirmati mill-Eurosistema u l-4CB.

Artikolu 21

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.  Jekk tilwima fir-rigward ta’ kwistjoni rregolata minn din il-Linja Gwida ma tkunx tista’ tiġi solvuta bi ftehim bejn il-partijiet milqutin, kull parti milquta tista’ tippreżenta l-kwistjoni lill-Kunsill Governattiv għal deċiżjoni.

2.  Il-ftehim Livell 2-Livell 3 għandu jistipola illi ►M2  l-MIB ◄ jew l-4BĊ jistgħu jressqu kull tilwima li tinqala’ mill-ftehim Livell 2-Livell 3 lill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 22

Tħassir

1.  Il-Linja Gwida BĊE/2010/2 hija mħassra.

2.  Referenzi għal-Linja Gwida mħassra għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 24

Indirizzati u miżuri implimentattivi

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

▼M1




ANNESS

GRUPP TA' UTENTI NAZZJONALI

MANDAT

1.    Għanijiet

1.1. Il-Gruppi ta' Utenti Nazzjonali (NUGs — National Users Group) jiġbru flimkien fornituri u utenti ta' servizzi ta' saldu ta' titoli fi ħdan is-swieq nazzjonali tagħhom biex jiġu appoġġati l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tat-TARGET2-Securities (T2S). Huma joħolqu fora għall-involviment ta' parteċipanti fis-suq nazjonali fix-xogħol tal-Grupp Konsultattivi dwar Infrastrutturi tas-Suq għat-Titoli u l-Kollateral (iktar 'il quddiem l-“AMI SeCo”) u jistabbilixxu n-ness formali bejn l-AMI SeCo u s-swieq nazzjonali. Huma jaġixxu kemm bħala mezz biex jinstemgħu l-fehmiet għall-Uffiċċju tal-Programm T2S kif ukoll bħala fornituri ta' kontribut lill-AMI SeCo fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha kkunsidrati mill-AMI SeCo. Bħala tali, huma jistgħu jissuġġerixxu wkoll kwistjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-AMI SeCo.

1.2. In-NUGs jistgħu jkunu involuti fil-proċess tal-ġestjoni tal-bidla u tar-rilaxx u jistgħu jkollhom rwol importanti fil-valutazzjoni ta' talbiet bħal dawn fil-kuntest tal-operazzjoni tas-swieq nazzjonali. In-NUGs għandhom jadottaw il-prinċipju tat-T2S li jipprova jiġi evitat li jiġu inkorporati karatteristiċi specifiċi nazzjonali fit-T2S, u għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni b'mod attiv.

2.    Responsabbiltajiet u Kompiti

2.1. In-NUGs fis-swieq li jipparteċipaw fit-T2S huma responsabbli għal:

(a) valutazzjoni tal-impatt tal-funzjonalità tat-T2S, u partikolarment kull bidla fir-rekwiżiti tal-utent tat-T2S, fis-suq nazzjonali tagħhom. F'dan il-kuntest, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għall-kunċett ta' “T2S effiċjenti” li għandu l-għan li jevita karatteristiċi specifiċi nazzjonali u jippromwovi l-armonizzazzjoni;

(b) jikkontribwixxu għall-kompiti ta' monitoraġġ u implimentazzjoni assoċjati mal-attivitajiet ta' armonizazzjoni tat-T2S appoġġati mill-AMI SeCo;

(c) iġibu t-tħassib materjali tas-suq nazzjonali għall-attenzjoni tal-AMI SeCo;

(d) ikabbru l-konsapevolezza tat-T2S fis-setturi kollha tal-komunità tat-titoli nazzjonali;

(e) jappoggaw lill-membri tal-AMI SeCo li jirrappreżentaw il-komunità nazzjonali.

2.2. Waqt illi jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom, in-NUGs igħandhom issegwu l-istandards għoljin ta' trasparenza illi huma element ewlieni tat-T2S.

2.3. Għalkemm il-punt fokali ta' dan il-mandat huwa fuq is-swieq li jipparteċipaw fit-T2S, is-swieq li għadhom mhux qed jipparteċipaw fit-T2S huma milqugħin jistabbilixxu NUGs. Kwalunkwe suq bħal dan li jiddeċiedi li jistabbilixxi NUG, għandu jsegwi mandat simili sabiex iħejji s-suq tiegħu għall-parteċipazzjoni fit-T2S.

3.    Kompożizzjoni u Mandat

3.1. In-NUGs jikkonsistu mill-President, is-Segretarju u l-membri.

3.2. Il-President ta' NUG għandu preferibbilment ikun membru sħiħ jew osservatur tal-AMI SeCo. Dan ir-rwol tipikament jitwettaq minn uffiċjal anzjan tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti (BĊN). F'każ fejn il-BĊN rilevanti ma jipprovdix jew ma jinnominax lill-president tan-NUG, il-president għandu jiġi nnominat mill-President tal-AMI SeCo li għandu jfittex il-kunsens fost il-parteċipanti ewlenin fis-suq rilevanti. Jekk il-President tal-NUG ma jkunx membru tal-AMI SeCo, membru tal-AMI SeCo għandu jikkoordina bejn l-AMI SeCo u l-President tal-NUG biex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn l-AMI SeCo u n-NUG. Jekk l-ebda membru ta' NUG ma jkun irrappreżentat fl-AMI SeCo, in-NUG għandu jfittex kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarju tal-AMI SeCo sabiex ikun informat dwar l-iżvilippi tat-T2S.

3.3. Is-segretarju ta' AMI SeCo jigi pprovdut mill-BĊN relevanti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro; f'pajjiżi oħrajn is-Segretarju tan-NUG jinħatar mill-President tan-NUG u idealment għandu jkun ipprovdut mill-BĊN rispettiv. Is-segretarju huwa mistenni li jattendi laqgħat ta' informazzjoni regolari organizzati għal segretarji tan-NUG mill-Uffiċċju tal-Programm T2S permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG. Is-segretarji tan-NUG ta' swieq li ma jipparteċipawx fit-T2S jistgħu jipparteċipaw bħala mistednin fin-netwerk tal-esperti tan-NUG.

3.4. Il-membri ta' NUG jinkludu l-membri u l-osservaturi tal-AMI SeCo relevanti (jew ir-rapprezentanti anzjani nnominat tagħhom, aċċettabbli għall-President tan-NUG) u persuni addizzjonali bil-kompetenza u r-reputazzjoni meħtieġa biex jirrappreżentaw fil-wisa' l-kategoriji kollha ta' utenti u fornituri fis-suq nazzjonali, inkluż esperti fuq kwistjonijiet ta' flus kontanti. Membri tan-NUG jistgħu għalhekk jinkludu depożitorji ċentrali ta' titoli (CSDs), sensara, banek, banek ta' investiment, kustodji, emittenti u/jew l-aġenti tagħhom, kontropartijiet ċentrali, uffiċċji tal-kambji u faċilitajiet għan-negozju multilaterali, il-BĊN relevanti, awtoritajiet regolatorji u l-assoċjazzjonijiet bankarji relevanti.

3.5. Il-mandat tan-NUGs jiskadi fl-istess żmien bħall-mandat tal-AMI SeCo, jiġifieri bis-sostituzzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita b'kuntratt ġdid u/jew bit-terminazzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita mas-CSDs u banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro firmatarji kollha.

4.    Proceduri tax-Xogħol

4.1. In-NUGs jittrattaw biss kwistjonijiet relevanti għat-T2S. Huma jiġu mistiedna biex attivament ifittxu li jiġu infurmati mill-Uffiċċju tal-Programm T2S fir-rigward ta' kwistjonijiet attwali, u jipprovdu fehmiet nazzjonali fil-ħin fuq kwistjonijiet mitlubin mis-Segretarju tal-AMI SeCo jew kif imqajmin min-NUG. L-Uffiċċju tal-Programm T2S jipprovdi regolarment informazzjoni lin-NUGs dwar is-swieq li jipparteċipaw fit-T2S u jorganizza laqghat ma' dawn is-segretarji tan-NUGs permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG biex irawwem l-interazzjoni bejn in-NUGs u l-Uffiċċju tal-Programm T2S.

4.2. In-NUGs għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex ikollhom laqgħat regolari allinjati mal-iskeda tal-laqghat tal-AMI SeCo, sabiex ikunu jistgħu joffru parir lill-membri nazzjonali tal-AMI SeCo. Madankollu, l-ebda membru tal-AMI SeCo ma huwa marbut b'dan il-parir. In-NUGs jistgħu jagħmlu wkoll sottomissjonijiet bil-miktub lill-AMI SeCo permezz tas-Segretarju tal-AMI SeCo u jistiednu membru tal-AMI SeCo biex jippreżenta l-fehma tiegħu.

4.3. Is-Segretarju tan-NUG jimmira li jiċċirkola aġenda u d-dokumenti relevanti għad-diskussjoni f'laqgħa tan-NUG tal-anqas ħamest ijiem tan-negozju qabel il-laqgħa. Sommarji ta' laqgħa tan-NUG jiġu ppubblikati fuq il-websajt tat-T2S u, jekk jitqies xieraq, fuq il-websajt tal-BĊN rispettiv. Idealment il-pubblikazzjoni għandha ssir bl-Ingliż u, jekk meħtieġ, fil-lingwa nazzjonali relevanti fi żmien tliet ġimgħat minn kull laqgħa tan-NUG.

4.4. Il-membri tan-NUGs għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tat-T2S. In-NUGs jippubblikaw wkoll indirizz tal-email għall-kuntatt man-NUG fuq il-websajt tat-T2S, sabiex il-parteċipanti fis-swieq nazzjonali jkunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw biex jesprimu l-fehmiet tagħhom.



( 1 ) ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45.

( 2 ) Deċiżjoni (UE) 2019/166 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta' Jannar 2019 dwar il-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (BĊE/2019/3) (ĠU L 32, 4.2.2019, p. 14).

( 3 ) ĠU L 35, 9.2.2011, p. 31.

( 4 ) Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014. p. 1).

( 5 ) ĠU L 319, 2.12.2011, p. 117.

Fuq