EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32013D0041(01)

2014/4/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja (BĊE/2013/41)

ĠU L 3, 8.1.2014, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/4(3)/oj

8.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 3/9


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Ottubru 2013

dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għall-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja

(BĊE/2013/41)

(2014/4/UE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, partikolarment l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 46.2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni ta’ riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2)

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (3)

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir tal-informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), partikolarment l-Artikoli 5(1) u 6(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2012/33) (5),

Billi:

(1)

L-adozzjoni tal-euro mil-Latvja fl-1 ta’ Jannar 2014 tfisser illi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fil-Latvja ser ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva minn dik id-data.

(2)

L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Eurosistema titlob l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, inkluż il-Latvja.

(3)

Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Europea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jimplika illi l-BĊE, megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali, jiġbor it-tagħrif statistiku meħtieġ mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi ukoll sabiex jiżgura tħejjija f’waqtha fil-qasam tal-istatistika minħabba l-adozzjoni tal-euro minn Stat Membru,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-kliem “istituzzjoni”, “rekwiżit tar-riżerva”, “perijodu ta’ manutenzjoni” u “bażi tar-riżerva” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja

1.   B’deroga minn Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju jiddekorri mill-1 sal-14 ta’ Jannar 2014 għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja.

2.   Il-bażi tar-riżerva ta’ kull istituzzjoni li tinsab fil-Latvja għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għandha tkun definita fir-rigward ta’ elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2013. Istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja jirrapportaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lil-Latvijas Banka skont il-qafas tal-BĊE għar-rapportar ta’ statistika monetarja u bankarja, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33). Istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja illi jibbenefikaw mid-deroga fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (ECB/2013/33) jikkalkolaw bażi tar-riżerva għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju fuq il-bażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2013.

3.   Fir-rigward tal-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju, istituzzjoni li tinsab fil-Latvja jew Latvijas Banka tikkalkula r-riżervi minimi ta’ din l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tissottometti l-kalkolu tagħha lill-parti l-oħra u tħalli biżżejjed żmien għal din tal-aħħar biex tivverifikah u tissottometti reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkolati, inklużi r-reviżjonijiet li jsirulhom, jiġu kkonfermati miż-żewġ partijiet sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Diċembru 2013. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont ta’ riżervi minimi sal-10 ta’ Diċembru 2013, hija titqies li tkun irrikonoxxiet illi l-ammont ikkalkolat japplika għall-perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja biex dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu, għall-perijodi ta’ manutenzjoni inizjali tagħhom, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fil-Latvja, għalkemm fiż-żmien li jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijiet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9).

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro

1.   Il-perijodu ta’ manutenzjoni applikabbli għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro, bis-saħħa tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9), għandu jibqa’ mhux effettwat mill-eżistenza ta’ perijodu ta’ manutenzjoni tranżitorju għal istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja.

2.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jiddeċiedu li għall-perijodi ta’ manutenzjoni mill-11 ta’ Diċembru 2013 sal-14 ta’ Jannar 2014 u mill-15 ta’ Jannar sal-11 ta’ Frar 2014 inaqqsu mill-bażi ta’ riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja, anke jekk fiż-żmien li jiġu kkalkolati r-riżervi minimi dawn l-istituzzjonijiet mhux ser jidhru fil-lista ta’ istituzzjonijet soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżerva msemmijin fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) No 1745/2003 (BĊE/2003/9).

3.   Istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro li jixtiequ jnaqqsu l-passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja għandhom, għall-perijodi ta’ manutenzjoni mill-11 ta’ Diċembru 2013 sal-14 ta’ Jannar 2014 u mill-15 ta’ Jannar sal-11 ta’ Frar 2014, jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karti tal-bilanċ tagħhom għall-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2013 rispettivament u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li turi l-istituzzjonijiet fil-Latvja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.

It-tabelli għandhom ikunu rrappurtati skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).

4.   Għall-perijodi ta’ manutenzjoni li jibdew f’Diċembru 2013, Jannar u Frar 2014, istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro u li jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 9(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) u jixtiequ jnaqqsu passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja, għandhom jikkalkolaw ir-riżervi minimi tagħhom abbażi tal-karta tal-bilanċ tagħhom għat-30 ta’ Settembru 2013 u jirrapportaw tagħrif statistiku skont Parti 1 ta’ Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li juri l-istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala diġà soġġetti għas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw tagħrif statistiku għall-perijodi kkonċernati skont it-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) li għadha turi istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja bħala banek li jinsabu fil-“Bqija tad-dinja”.

It-tagħrif statistiku huwa rrapportat skont l-iskadenzi u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Latvijas Banka, istituzzjonijiet li jinsabu fil-Latvja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2013.

3.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 1745/2003 (BĊE/2003/9) u (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) japplikaw.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(3)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(5)  ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1.


Fuq