EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32013Q1130(01)

2013/694/UE: Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2013/1130/oj

30.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/1


Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

(2013/694/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament ta l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(6) tiegħu,

wara li kkunsidraw ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, u b’mod partikolari l-Artikolu 127(1) tagħhom,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jagħti kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(8) u (9) tiegħu,

wara li kkunsidraw id-dikjarazzjoni konġunta mill-President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, fl-okkażjoni tal-votazzjoni tal-Parlament għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013,

A.

billi r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jingħata kontribut lis-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u f’kull Stat Membru li jipparteċipa fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU);

B.

billi l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi li l-BĊE huwa l-awtorità kompetenti għat-twettiq tal-kompiti superviżorji mogħtija lilu minn dak ir-Regolament;

C.

billi l-għoti ta’ kompiti superviżorji jimplika responsabbiltà sinifikanti għall-BĊE biex jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, bl-użu tas-setgħat superviżorji tiegħu bl-aktar mod effettiv u proporzjonat;

D.

billi kwalunkwe għoti ta’ setgħat superviżorji lil-livell tal-Unjoni għandu jkun ibbilanċjat permezz ta’ rekwiżiti xierqa ta’ responsabilità; skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 il-BĊE huwa għalhekk responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament lejn il-Parlament u l-Kunsill bħala istituzzjonijiet demokratikament leġittimizzati li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-Istati Membri;

E.

billi l-Artikolu 20(9) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li l-BĊE għandu jikkoopera b’mod sinċier ma’ kwalunkwe investigazzjonijiet mill-Parlament, mingħajr ħsara għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

F.

billi l-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li, fuq talba, il-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE għandu jkollu diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-kompiti superviżorji tal-BĊE fejn tali diskussjonijiet huma meħtieġa biex il-Parlament ikun jista’ jeżerċita s-setgħat tiegħu skont it-TFUE; billi dak l-Artikolu jeħtieġ li l-modalitajiet għall-organizzazzjoni ta’ dawk id-diskussjonijiet jiżguraw kunfidenzjalità sħiħa f’ konformita’ mal-obbligi tal-kunfidenzjalità imposti fuq il-BĊE bħala awtorità kompetenti skont il-liġi relevanti tal-Unjoni;

G.

billi l-Artikolu 15(1) tat-TFUE jipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom imexxu l-ħidma tagħhom b’mod miftuħ kemm jista’ jkun; billi l-kundizzjonijiet li skonthom dokument tal-BĊE huwa kunfidenzjali huma stipulati fid-Deċiżjoni 2004/258/KE tal-BĊE (BĊE/2004/3) (2); billi dik id-Deċiżjoni tipprovdi li kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tgħix jew li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, mingħajr ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti definiti f’dik id-Deċiżjoni; billi, skont dik id-deċiżjoni, il-BĊE għandu jirrifjuta d-divulgazzjoni fejn ċerti interessi pubbliċi jew privati speċifikati jiġu imminati minnha;

H.

billi l-iżvelar tal-informazzjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mhuwiex għad-diskrezzjoni ħielsa tal-BĊE iżda huwa suġġett għal-limiti u l-kundizzjonijiet kif stabbiliti mil-liġi relevanti tal-Unjoni li għalihom huma suġġetti kemm il-Parlament kif ukoll il-BĊE; billi bis-saħħa tal-Artikolu 37.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-BĊE (‘l-Istatut tas-SEBĊ’), persuni li għandhom aċċess għal dejta koperta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi obbligu ta’ segretezza huma suġġetti għal din il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

I.

billi l-Premessa 55 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 tispeċifika li kwalunkwe obbligi ta’ rapportar fil-konfront tal-Parlament għandhom ikunu suġġett għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali rilevanti; billi l-Premessa 74 u l-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-Regolament jipprovdu li l-membri tal-Bord Superviżorju, il-kumitat ta’ tmexxija, il-persunal tal-BĊE u l-persunal issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet superviżorji għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ u fl-atti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni; billi l-Artikolu 339 tat-TFUE u l-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ jistabbilixxu li l-membri tal-korpi li jiggvernaw u l-persunal tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali huma marbutin mill-obbligu ta’ segretezza professjonali;

J.

billi, skontl-Artikolu 10.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma kunfidenzjali;

K.

billi l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li għall-għan li jitwettqu l-kompiti mogħtija lilu f’dak ir-Regolament, il-BĊE għandu japplika l-liġi kollha relevanti tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi;

L.

billi mingħajr ħsara għall-emendi futuri jew kwalunkwe atti legali relevanti futuri, id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni rilevanti fir-rigward tat-trattament ta‘ informazzjoni, li jkun instab li hija kunfidenzjali, b’mod partikolari l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jimponu obbligi stretti ta’ segretezza professjonali fuq l-awtoritajiet kompetenti u l-persunal tagħhom għas-superviżjoni ta‘ istituzzjonijiet ta’ kreditu; billi l-persuni kollha li jaħdmu għal jew li kienu jaħdmu għall-awtoritajiet kompetenti huma marbutin mill-obbligu tas-segretezza professjonali; billi l-informazzjoni kunfidenzjali li jirċievu matul it-twettiq ta’ dmirijiethom tista’ tiġi żvelata biss f’forma sommarja jew aggregata, b’tali mod li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali ma jistgħux ikunu identifikati, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali;

M.

billi l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprovdi li għall-fini tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu minn dak ir-Regolament, il-BĊE huwa awtorizzat, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, li jagħmel skambju ta’ informazzjoni ma’ awtoritajiet u korpi nazzjonali jew tal-Unjoni fejn il-liġi relevanti tal-Unjoni tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jiddivulgaw informazzjoni lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal tali divulgazzjoni skont il-liġi relevanti tal-Unjoni;

N.

billi l-ksur ta’ rekwiżiti ta’ segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni superviżorja għandu jwassal għal sanzjonijiet adegwati; billi l-Parlament għandu jipprovdi għal qafas adegwat biex isegwi kwalunkwe każ ta’ ksur tal-kunfidenzjalità mill-Membri jew il-persunal tiegħu;

O.

billi s-separazzjoni organizzattiva tal-persunal tal-BĊE involut fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-BĊE minn persunal involut fit-twettiq tal-kompiti tal-politika monetarja trid tkun b’tali mod li r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jiġi osservat b’mod sħiħ;

P.

billi dan il-Ftehim ma jkoprix l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali rigward il-politika monetarja jew kompiti oħra tal-BĊE li mhumiex parti mill-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

Q.

billi dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali lejn il-parlamenti nazzjonali skont mal-liġi nazzjonali;

R.

billi dan il-Ftehim ma jkoprix jew ma jaffettwax ir-responsabbiltà u l-obbligi ta’ rapportar tal-MSU lejn il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-parlamenti nazzjonali;

JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

I.   RESPONSABBILTÀ, AĊĊESS GĦAL INFORMAZZJONI, KUNFIDENZJALITÀ

1.   Rapporti

Kull sena l-BĊE għandu jressaq rapport lill-Parlament (“Rapport Annwali”) dwar it-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-President tal-Bord Superviżorju għandu jippreżenta r-Rapport Annwali lill-Parlament waqt smigħ pubbliku. L-abbozz tar-Rapport Annwali għandu jkun disponibbli għall-Parlament fuq bażi kunfidenzjali f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni erbat ijiem tax-xogħol qabel issmigħ. It-traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni għandhom ikunu disponibbli sussegwentement. Ir-Rapport Annwali għandu jkopri, fost l-oħrajn:

i.

it-twettiq tal-kompiti superviżorji,

ii.

il-qsim tal-kompiti mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali,

iii.

il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet relevanti nazzjonali jew tal-Unjoni oħra,

iv.

is-separazzjoni bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji,

v.

l-evoluzzjoni tal-istruttura superviżorja u l-persunal, inkluż in-numru u l-kompożizzjoni nazzjonali tal-Esperti Nazzjonali Sekondati,

vi.

l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta,

vii.

il-metodu ta’ kalkolu u l-ammont ta’ tariffi superviżorji,

viii.

il-baġit għall-kompiti superviżorji,

ix.

l-esperjenza fir-rapportar abbażi l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (Rapportar ta’ ksur).

Matul il-fażi tal-bidu msemmija fl-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jibgħat rapporti trimestrali lill-Parlament rapporti dwar il-progress fl-implimentazzjoni operattiva tar-Regolament, li jkopru fost l-oħrajn:

i.

it-tħejjija, l-organizzazzjoni u l-ippjanar intern tax-xogħol,

ii.

l-arranġamenti konkreti magħmula għall-konformità mal-ħtieġa li l-funzjonijiet ta’ politika monetarja u dawk superviżorji jinfirdu,

iii.

il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew tal-Unjoni oħra,

iv.

kwalunkwe ostaklu affaċċjat mill-BĊE fit-tħejjija tal-kompiti superviżorji tiegħu,

v.

kwalunkwe avveniment ta’ tħassib jew bidla fil-Kodiċi ta’ Kondotta.

Il-BĊE għandu jippubblika r-Rapport Annwali fuq il-websajt tal-MSU. Il-“hotline tal-posta elettronika għall-informazzjoni” tal-BĊE se jiġi estiż sabiex jittratta speċifikament mistoqsijiet relatati mal-MSU, u l-BĊE għandu jibdel ir-rispons li jirċievi permezz tal-ittri elettroniċi f’sezzjoni tal-FAQ fuq il-websajt tal-MSU.

2.   Seduti tas-smigħ u diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm

Il-President tal-Bord Superviżorju għandu jipparteċipa fis-seduti pubbliċi tas-smigħ ordinarji dwar it-twettiq tal-kompiti superviżorji fuq talba tal-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament u l-BĊE għandhom jaqblu dwar kalendarju għal żewġ seduti ta’ smigħ bħal dawn li jridu jinżammu matul is-sena ta’ wara. Talbiet għal bidliet fil-kalendarju miftiehem għandhom isiru bil-miktub.

Barra minn hekk, il-President tal-Bord Superviżorju jista’ jiġi mistieden għal skambji ta’ opinjonijiet addizzjonali ad hoc dwar kwistjonijiet superviżorji mal-kumitat kompetenti tal-Parlament.

Fejn hu meħtieġ għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Parlament skont it-TFUE u l-liġi tal-Unjoni, il-President tal-kumitat kompetenti tiegħu jista’ jitlob laqgħat kunfidenzjali speċjali mal-President tal-Bord Superviżorju bil-miktub, waqt li jagħti r-raġunijiet. Dawn il-laqgħat għandhom isiru f’data li tkun miftiehma rbejn iż-żewġ naħat.

Il-parteċipanti kollha fil-laqgħat kunfidenzjali speċjali għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-membri tal-Bord Superviżorju u għall-persunal superviżorju tal-BĊE.

Fuq talba motivata mill-President tal-Bord Superviżorju jew tal-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, u bi qbil reċiproku, ir-rappreżentanti tal-BĊE fil-Bord Superviżorju jew il-membri għolja tal-persunal superviżorju (Diretturi Ġenerali jew id-Deputati tagħhom) jistgħu jattendu għas-seduti ta’ smigħ ordinarji, għall-iskambji ta’ opinjonijiet ad hoc u għal-laqgħat kunfidenzjali.

Il-prinċipju tal-ftuħ tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont it-TFUE għandu japplika għall-MSU. Id-diskussjoni f’laqgħat kunfidenzjali speċjali għandha ssegwi l-prinċipju tal-ftuħ u l-elaborazzjoni madwar iċ-ċirkustanzi relevanti. Hija tinvolvi l-iskambju tal-informazzjoni kunfidenzjali rigward it-twettiq tal-kompiti superviżorji, fil-limitu stipulat mil-liġi tal-Unjoni. Id-divulgazzjoni tista’ tkun ristretta mil-limiti ta’ kunfidenzjalità previsti b’mod legali.

Persuni impjegati mill-Parlament u mill-BĊE ma jistgħux jiddivulgaw informazzjoni miksuba matul l-attivitajiet tagħhom relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, anke wara li dawn l-attivitajiet ikunu ġew fi tmiemhom jew il-persuni jkunu telqu minn tali impjieg.

Is-seduti tas-smigħ ordinarji, l-iskambji ta’ opinjonijiet ad hoc u l-laqgħat kunfidenzjali jistgħu jkopru l-aspetti kollha tal-attività u t-twettiq tal-MSU koperti mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Ma jistgħu jittieħdu l-ebda minuti jew kwalunkwe reġistrazzjoni oħra tal-laqgħat kunfidenzjali. Ma għandha ssir l-ebda dikjarazzjoni għall-istampa jew xi midja oħra. Kull parteċipant fid-diskussjonijiet kunfidenzjali għandu jiffirma dikjarazzjoni solenni kull darba li ma jiddivulgax il-kontenut ta’ dawk id-diskussjonijiet lil xi terza persuna.

Il-President tal-Bord Superviżorju u l-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament biss jistgħu jattendu għal-laqgħat kunfidenzjali. Kemm il-President tal-Bord Superviżorju kif ukoll il-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament jistgħu jiġu akkumpanjati minn żewġ membri tal-persunal tal-BĊE u tas-Segretarjat tal-Parlament rispettivament.

3.   Tweġib ta’ mistoqsijiet

Il-BĊE għandu jwieġeb bil-miktub għal mistoqsijiet bil-miktub imressqa lilu mill-Parlament. Dawk il-mistoqsijiet għandhom jintbagħtu lill-President tal-Bord Superviżorju permezz tal-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-mistoqsijiet għandhom jitwieġbu malajr kemm jista’ jkun, u f’kull każ fi żmien ħames ġimgħat minn meta jintbagħtu lill-BĊE.

Kemm il-BĊE kif ukoll il-Parlament għandhom jiddedikaw sezzjoni speċifika tal-websajts għall-mistoqsijiet u t-tweġibiet imsemmija hawn fuq.

4.   Aċċess għall-informazzjoni

Il-BĊE għandu jipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament mill-inqas b’rekord komprensiv u sinifikanti tal-proċeduri tal-Bord Superviżorju li jippermetti li d-diskussjonijiet jinftiehmu, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet. F’każ ta’ oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv kontra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-President tal-BĊE għandu jinforma lill-President tal-kumitat kompetenti tal-Parlament bir-raġunijiet għal din l-oġġezzjoni, f’konformità mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità msemmija f’dan il-Ftehim.

Fil-każ tal-istralċ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, informazzjoni mhux kunfidenzjali relatata ma’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tiġi divulgata ex-post, ladarba tieqaf tapplika kwalunkwe restrizzjoni dwar l-għoti ta’ informazzjoni relevanti li tirriżulta mirrekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

It-tariffi superviżorji u l-ispjegazzjoni dwar kif dawn jiġu kkalkulati għandhom jiġu ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.

Il-BĊE għandu jippubblika fuq il-websajt tiegħu gwida għall-prattiki superviżorji tiegħu.

5.   Ħarsien tal-informazzjoni u tad-dokumenti kklassifikati tal-BĊE

Il-Parlament għandu jimplimenta salvagwardji u miżuri li jikkorrispondu għal-livell ta’ sensittività tal-informazzjoni tal-BĊE jew tad-dokumenti tal-BĊE u għandu jinforma l-BĊE dwar dan. F’kull każ, informazzjoni jew dokumenti divulgati ser jintużaw biss għar-raġuni li għaliha jkunu ngħataw.

Il-Parlament għandu jfittex il-kunsens tal-BĊE għal kwalunkwe divulgazzjoni lil persuni jew istituzzjonijiet addizzjonali u ż-żewġ istituzzjonijiet ser jikkooperaw fi kwalunkwe proċediment ġuridiku, amministrattiv jew proċedimenti oħra li fihom jintalab l-aċċess għal tali informazzjoni jew dokumenti. Il-BĊE jista’ jitlob lill-Parlament, fir-rigward tal-kategoriji kollha ta’ informazzjoni jew dokumenti divulgati jew ta’ uħud minnhom, li huwa jżomm lista ta’ persuni li għandhom aċċess għal din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti.

II.   PROĊEDURI TA’ GĦAŻLA

Il-BĊE għandu jispeċifika u jagħmel pubbliċi l-kriterji għall-għażla tal-President tal-Bord Superviżorju, inkluż il-bilanċ tal-ħiliet, l-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u l-esperjenza fis-superviżjoni finanzjarja u s-sorveljanza makroprudenzjali. Fl-ispeċifikazzjoni tal-kriterji, il-BĊE għandu jimmira għall-ogħla standards professjonali u għandu jqis il-ħtieġa li jiġi mħares l-interess tal-Unjoni fit-totalità tagħha u d-diversità fil-kompożizzjoni tal-Bord Superviżorju.

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jkun informat ġimgħatejn qabel ma l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jippubblika l-avviż ta impjieg bid-dettalji, inkluż il-kriterji tal-għażla u l-profil tal-impjieg speċifiku, tal-“proċedura tal-għażla miftuħa” li bi ħsiebu japplika għall-għażla tal-President.

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jkun infurmat mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE bil-kompożizzjoni tan-numru ta’ applikanti għall-pożizzjoni ta’ President (numru ta’ applikanti, taħlita ta’ ħiliet professjonali, bilanċ ta’ sess u nazzjonalità, eċċ.) kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu n-numru ta’ applikanti jiġi skrinjat sabiex titfassal lista qasira b’tal-inqas żewġ kandidati u eventwalment jiddetermina l-proposta tal-BĊE.

Il-BĊE għandu jipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament b’lista iqsar ta’ kandidati għall-pożizzjoni tal-President tal-Bord Superviżorju. Il-BĊE għandu jipprovdi dik il-lista qasira tal-inqas tliet ġimgħat qabel il-preżentazzjoni tal-proposta tiegħu għall-ħatra tal-President.

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament jista’ jressaq mistoqsijiet lill-BĊE relatati mal-kriterji tal-għażla u l-lista qasira tal-kandidati fi żmien ġimgħa minn meta jkun irċeviha. Il-BĊE għandu jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet bil-miktub fi żmien ġimagħtejn.

Il-proċess ta’ approvazzjoni jinkludi l-passi li ġejjin:

Il-BĊE għandu jgħaddi l-proposti tiegħu lill-President u lill-Viċi President tal-Parlament flimkien ma’ spjegazzjonijiet bil-miktub dwar ir-raġunijiet sottostanti.

Għandu jsir smigħ pubbliku tal-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju proposti fil-kumitat kompetenti tal-Parlament.

Il-Parlament għandu jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tal-kandidat propost mill-BĊE bħala President u bħala Viċi President permezz ta’ votazzjoni fil-kumitat kompetenti u fil-plenarja. Il-Parlament, normalment, filwaqt li jqis il-kalendarju tiegħu, ifittex li jieħu dik id-deċiżjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-proposta.

Jekk il-proposta għall-President ma tiġix approvata, il-BĊE jista’ jiddeċiedi jew li jagħżel mil-lista ta’ kandidati li applikaw għall-pożizzjoni oriġinarjament jew li jerġa’ jinbeda l-proċess ta’ għażla, inkluż l-elaborazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ impjieg ġdid.

Il-BĊE għandu jressaq kwalunkwe proposta biex jitneħħa l-President jew il-Viċi President mill-kariga lill-Parlament u jipprovdi l-ispjegazzjonijiet.

Il-proċess ta’ approvazzjoni jinkludi:

votazzjoni fil-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar abbozz ta’ riżoluzzjoni; u

votazzjoni fil-plenarja, għal approvazzjoni jew oġġezzjoni, dwar dik ir-riżoluzzjoni.

Fejn il-Parlament jew il-Kunsill ikun informa l-BĊE li jqis il-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-President jew tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju bħala sodisfatti għall-finijiet tal-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jipprovdi l-kunsiderazzjonijiet tiegħu bil-miktub fi żmien erba’ ġimgħat.

III.   INVESTIGAZZJONIJIET

Fejn il-Parlament iwaqqaf Kumitat ta’ Inkjesta, skont l-Artikolu 226 tat-TFUE u d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (4), il-BĊE, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, għandu jassisti lill-Kumitat ta’ Inkjesta biex iwettaq il-kompiti tiegħu bi qbil mal-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera.

Kwalunkwe attività ta‘ Kumitat ta’ Inkjesta li fiha jassisti l-BĊE għandha ssir fil-ambitu tad-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA.

Il-BĊE għandu jikkoopera b’mod sinċier ma’ kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament imsemmija fl-Artikolu 20(9) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fi ħdan l-istess qafas li japplika għall-Kumitati ta’ Inkjesta u taħt l-istess protezzjoni tal- kunfidenzjalità kif previst f’dan il-Ftehim għal-laqgħat kunfidenzjali bil-fomm (I.2.).

Dawk kollha li jirċievu l-informazzjoni pprovduta lill-Parlament fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-membri tal-Bord Superviżorju u għall-persunal superviżorju tal-BĊE u tal-Parlament u l-BĊE għandhom jaqblu dwar il-miżuri li jridu jiġu applikati ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ tali informazzjoni.

Fejn il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat rikonoxxut fid-Deċiżjoni 2004/258/KE tirrikjedi li tinżamm il-kunfidenzjalità, il-Parlament jiżgura li din il-protezzjoni tinżamm u m’għandux jiddivulga l-kontenut ta’ kwalunkwe informazzjoni bħal din

Id-drittijiet u l-obbligi tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni kif stipulati fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-BĊE.

Kwalunkwe tibdil fid-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA minn att legali ieħor jew emenda tiegħu għandu jwassal għal negozjar mill-ġdid tal-parti III ta’ dan il-Ftehim. Sakemm ma jinstabx Ftehim ġdid dwar il-partijiet rispettivi, dan il-Ftehim għandu jibqa’ validu inkluża d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA fil-verżjoni tagħha fid-data tal-firma ta’ dan il-ftehim.

IV.   KODIĊI TA’ KONDOTTA

Qabel l-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta msemmi fl-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jinforma lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar l-elementi ewlenin tal-Kodiċi ta’ Kondotta maħsub.

Fuq talba bil-miktub tal-kumitat kompetenti tal-Parlament, il-BĊE għandu jinforma lill-Parlament bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta. Il-BĊE għandu jinforma wkoll lill-Parlament dwar il-bżonn ta’ aġġornamenti fil-Kodiċi ta’ Kondotta.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu jindirizza kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u jiżgura r-rispett tar-regoli dwar is-separazzjoni bejn il-funzjonijiet tal-politika superviżorja u dawk monetarji.

V.   ADOZZJONI TA‘ ATTI MILL-BĊE

Il-BĊE għandu jinforma kif suppost lill-kumitat kompetenti tal-Parlament bil-proċeduri (inkluż iż-żmien) li jkun stabbilixxa għall-adozzjoni tar-regolamenti, id-deċiżjonijiet, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE (‘atti’), li huma suġġetti għal konsultazzjoni pubblika bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

B’mod partikolari, il-BĊE għandu jinforma lill-Parlament bil-prinċipji u t-tipi ta’ indikaturi jew informazzjoni li ġeneralment juża biex jiżviluppa atti u rakkomandazzjonijiet ta’ politika, bil-għan li jiżdiedu t-trasparenza u l-konsistenza mal-politika.

Il-BĊE għandu jibgħat l-abbozz tal-atti lill-kumitat kompetenti tal-Parlament qabel il-bidu tal-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblika. Fejn il-Parlament jibgħat kummenti dwar l-atti, jista’ jkun hemm skambji informali ta’ opinjonijiet mal-BĊE dwar dawn il-kummenti. Skambji ta’ opinjonijiet informali bħal dawn għandhom isiru b’mod parallel mal-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa li l-BĊE jmexxi skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Ladarba l-BĊE jkun adotta att, huwa għandu jibagħtu lill-kumitat kompetenti tal-Parlament. Il-BĊE għandu jinforma wkoll b’mod regolari lill-Parlament bil-miktub dwar il-bżonn li jiġu aġġornati l-atti adottati.

VI.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

1.

L-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi evalwata miż-żewġ istituzzjonijiet kull tliet snin.

2.

Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew fid-data wara l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, skont liema tiġi l-aħħar.

3.

L-obbligi rigward il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni għandhom ikomplu jkunu vinkolanti għaż-żewġ istituzzjonijiet anki wara t-tmiem ta’ dan il-Ftehim.

4.

Dan il-Ftehim jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main u Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Bank Ċentrali Ewropew

Il-President

M. DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Deċiżjoni 2004/258/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2004/3) (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 42).

(3)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta’ April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew, ĠU L 78, 6.4.1995, p. 1.


Fuq