EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32014D0005(01)
2014/434/EU: Decision of the European Central Bank of 31 January 2014 on the close cooperation with the national competent authorities of participating Member States whose currency is not the euro (ECB/2014/5)
2014/434/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta' Jannar 2014 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (BĊE/2014/5)
2014/434/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 31 ta' Jannar 2014 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (BĊE/2014/5)
ĠU L 198, 5.7.2014, p. 7–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Fis-seħħ
5.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 198/7 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-31 ta' Jannar 2014
dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro
(BĊE/2014/5)
(2014/434/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal- 15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro jistgħu jkunu jixtiequ jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Għal dan l-iskop, huma jistgħu jitolbu lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib b'rabta mal-kompiti msemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha stabbiliti f'dak l-Istat Membru. |
(2) |
Il-kooperazzjoni mill-qrib ser tiġi stabbilita b'deċiżjoni tal-BĊE, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. |
(3) |
Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-aspetti proċedurali relatati ma' (a) talbiet minn Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (iktar 'il quddiem “Stati Membri mhux taż-żona tal-euro”) biex jidħlu f'kooperazzjoni mill-qrib, (b) il-valutazzjoni ta' dawn it-talbiet mill-BĊE, u (c) id-deċiżjoni tal-BĊE li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru speċifiku. |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistabbilixxi wkoll il-każijiet li fihom kooperazzjoni mill-qrib tista' tkun sospiża jew mitmuma mill-BĊE. Huwa neċessarju li jiġu speċifikati l-aspetti proċedurali relatati mas-sospensjoni u t-terminazzjoni potenzjali ta' kooperazzjoni mill-qrib, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
TITLU 1
PROĊEDURA GĦALL-ISTABBILIMENT TA' KOOPERAZZJONI MILL-QRIB
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:
1. |
“entità inqas sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni (a) stabbilita fi Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jkun Stat Membru parteċipanti skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u (b) li m'għandhiex l-istatus ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE bbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
2. |
“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
3. |
“awtorità nazzjonali nnominata” tfisser awtorità nazzjonali nnominata kif iddefinita fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
4. |
“Stat Membru mhux parteċipanti” tfisser kull Stat Membru li ma jkunx Stat Membru parteċipanti kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
5. |
“Stat Membru rikjedenti” tfisser Stat Membru mhux parteċipanti li jkun innotifika lill-BĊE skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni bit-talba tiegħu biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
6. |
“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni (a) stabbilita fi Stat Membru mhux taż-żona tal-euro li jkun Stat Membru parteċipanti, u (b) li jkollha l-istatus ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni skont deċiżjoni tal-BĊE li tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(4) jew l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
7. |
“entità taħt superviżjoni” tfisser istituzzjoni ta' kreditu, kumpanija holding finanzjarja, jew kumpanija holding finanzjarja mħallta kif iddefinita fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u stabbilita fl-Istat Membru rikjedenti, kif ukoll fergħa stabbilita fi Stat Membru rikjedenti minn istituzzjoni ta' kreditu li tkun stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti. |
Artikolu 2
Talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib
1. Stat Membru mhux parteċipanti li jkun jixtieq jipparteċipa fl-MSU għandu jitlob lill-BĊE biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib, billi juża l-mudell ipprovdut fl-Anness I.
2. Dik it-talba għandha ssir ta' mill-inqas ħames xhur qabel id-data minn meta l-Istat Membru mhux parteċipanti jkun beħsiebu jipparteċipa fl-MSU.
Artikolu 3
Kontenut tat-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib
1. It-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib għandha tinkludi dan kollu li ġej:
(a) |
impenn mill-Istat Membru rikjedenti biex jiġi żgurat li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu ser jimxu mal-istruzzjonijiet, linji gwida jew talbiet maħruġa mill-BĊE mid-data meta tiġi stabbilita l-kooperazzjoni mill-qrib; |
(b) |
impenn mill-Istat Membru rikjedenti biex tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha dwar l-entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti f'dak l-Istat Membru li l-BĊE jista' jeħtieġ għall-iskop li jwettaq valutazzjoni komprensiva ta' dawk l-entitajiet taħt superviżjoni. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiżgura li l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi vvalutata s-sinifikanza u biex titwettaq valutazzjoni komprensiva skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament l-(UE) Nru 1024/2013 tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti f'dak l-Istat Membru jistgħu jiġu pprovduti lill-BĊE malli t-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib tiġi nnotifikata lill-BĊE; |
(c) |
impenn li kull dejta kunfidenzjali mitluba mill-BĊE għall-iffinalizzar tal-attivitajiet preparatorji tiegħu ser tiġi pprovduta lill-BĊE. |
2. It-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib għandha tkun akkumpanjata minn dawn kollha li ġejjin:
(a) |
impenn mill-Istat Membru rikjedenti li ser jadotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti sabiex jiġi żgurat li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 huma vinkolanti u infurzabbli fl-Istat Membru rikjedenti u li l-awtorità nazzjonali kompetenti tiegħu u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu jkunu obbligati li jadottaw kull miżura mitluba mill-BĊE b'rabta mal-entitajiet taħt superviżjoni, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; |
(b) |
kopja tal-abbozz ta' leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti kif ukoll traduzzjoni tiegħu bl-Ingliż, u talba għal opinjoni tal-BĊE dwar dak l-abbozz ta' leġiżlazzjoni; |
(c) |
impenn biex issir notifika lill-BĊE immedjatament wara d-data meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tkun daħlet fis-seħħ u impenn li tingħata konferma skont l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 permezz tal-mudell ipprovdut fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni. Il-konferma għandha tinkludi opinjoni legali li tkun sodisfaċenti għall-BĊE li tikkonferma li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ser ikunu vinkolanti u infurzabbli fl-Istat Membru rikjedenti u li l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tobbliga lill-awtorità nazzjonali kompetenti u lill-awtorità nazzjonali nnominata biex issegwi l-istruzzjonijiet, il-linji gwida, it-talbiet u l-miżuri speċifiċi tal-BĊE fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti, fil-qafas ta' żmien stabbilit mill-BĊE, meta dan ikun speċifikat. |
3. L-Istat Membru rikjedenti għandu jipprovdi lill-BĊE bid-dokumentazzjoni relevanti kollha li l-BĊE jidhirlu li hija xierqa għall-iskop li jivvaluta t-talba tiegħu. L-Istat Membru rikjedenti għandu jiżgura wkoll li l-BĊE jingħata l-informazzjoni kollha li l-BĊE jidhirlu li hija xierqa bl-iskop li jivvaluta s-sinifikanza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u sabiex iwettaq il-valutazzjoni komprensiva meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
Artikolu 4
Valutazzjoni mill-BĊE tat-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib
1. Il-BĊE għandu jikkonferma bil-miktub li jkun irċieva talba minn Stat Membru biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib.
2. Il-BĊE jista' jitlob l-informazzjoni addizzjonali kollha li jidhirlu li hija xierqa għall-finijiet tal-valutazzjoni tat-talba tal-Istat Membru, inkluża informazzjoni għall-valutazzjoni tas-sinifikanza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u għat-twettiq tal-valutazzjoni komprensiva.
Meta l-Istat Membru rikjedenti jkun diġà għamel valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fil-ġurisdizzjoni tiegħu, huwa għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati. Il-BĊE jista' jiddeċiedi li ebda valutazzjoni ulterjuri ma hija meħtieġa sakemm (a) il-kwalità u l-metodoloġija tal-valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali jkunu jikkorrispondu mal-istandards tal-BĊE, u (b) il-BĊE jikkunsidra li l-valutazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali għadha aġġornata u li ebda bidla materjali fis-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istat Membru rikjedenti ma teħtieġ valutazzjoni ulterjuri.
3. Meta tivvaluta l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti, il-valutazzjoni tal-BĊE għandha tqis ukoll l-implimentazzjoni prattika ta' dik il-leġiżlazzjoni.
4. Sa mhux aktar tard minn 3 xhur wara li l-BĊE jirċievi l-konferma msemmija fl-Artikolu 3(2)(c) jew, fejn applikabbli, tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-BĊE taħt il-paragrafu 2, il-BĊE għandu jinforma lill-Istat Membru rikjedenti dwar il-valutazzjoni preliminari tiegħu. L-Istat Membru rikjedenti għandu jkollu l-opportunità li jagħti l-fehmiet tiegħu fi żmien 20 jum minn meta jirċievi l-valutazzjoni preliminari. Dik il-korrispondenza bejn il-BĊE u l-Istat Membru rikjedenti għandha tkun kunfidenzjali.
Artikolu 5
Deċiżjoni li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib
1. Meta l-BĊE jikkonkludi, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru rikjedenti, li dan tal-aħħar jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 7(2)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib, u ladarba l-valutazzjoni komprensiva tkun konkluża u tingħata l-konferma skont l-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, indirizzata lill-Istat Membru rikjedenti u li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib.
2. Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika l-modalitajiet għat-trasferiment tal-kompiti superviżorji lill-BĊE u d-data tal-bidu tal-kooperazzjoni mill-qrib, li għandha tkun kundizzjonali, jekk applikabbli, fuq il-progress mill-Istat Membru rikjedenti fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa b'rabta mar-riżultati tal-valutazzjoni komprensiva.
3. Meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru rikjedenti, il-BĊE jikkonkludi li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kriterji stipulati fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew meta l-BĊE ma jirċievix l-informazzjoni meħtieġa biex iwettaq il-valutazzjoni tiegħu fi żmien sena min-notifika tat-talba mill-Istat Membru, huwa jista' jadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru rikjedenti li tiċħad it-talba biex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib.
4. Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandhom jinkludu r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati.
5. B'mod konformi mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, kull deċiżjoni li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tapplika mid-data li tiġi 14-il jum wara li dak tal-pubblikazzjoni.
TITLU 2
SOSPENSJONI JEW TERMINAZZJONI TA' KOOPERAZZJONI MILL-QRIB
Artikolu 6
Sospensjoni jew terminazzjoni
1. Meta l-BĊE jiddeċiedi li jissospendi kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7(5) jew 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għal dan, jikkjarifika l-effetti ta' dik id-deċiżjoni ta' sospensjoni u għandu jindika d-data minn meta s-sospensjoni tidħol fis-seħħ kif ukoll il-perijodu li matulu tapplika s-sospensjoni. Dan l-aħħar perijodu m'għandux ikun itwal minn sitt xhur. Il-BĊE jista' jestendi l-perijodu f'ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda darba biss.
2. Meta r-raġunijiet għas-sospensjoni taħt l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ma jkunux irrimedjati jew meta l-BĊE jiddeċiedi li jtemm kooperazzjoni mill-qrib, il-BĊE għandu jtemm il-kooperazzjoni mill-qrib billi jadotta deċiżjoni ġdida għal dan l-iskop.
3. Meta l-BĊE jiddeċiedi li jtemm kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7(5) jew 7(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet għal dan u għandu jikkjarifika l-effetti ta' dik id-deċiżjoni ta' terminazzjoni, waqt li jindika wkoll id-data minn meta dik it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ.
4. Kull deċiżjoni tal-BĊE dwar is-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta' kooperazzjoni mill-qrib tista' tirregola wkoll il-modalitajiet dwar kif għandhom isiru l-ħlasijiet dovuti mill-entitajiet taħt superviżjoni li jkunu jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat.
5. Meta l-Istat Membru li miegħu tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jitlob lill-BĊE biex itemm il-kooperazzjoni mill-qrib soġġett għall-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 7(6) u 7(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tikkjarifika l-effetti ta' dik id-deċiżjoni ta' terminazzjoni, waqt li jindika wkoll id-data minn meta dik it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ.
6. Id-deċiżjonijiet kollha tal-BĊE adottati b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni fl-Istat Membru li miegħu tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib, u li kienu fis-seħħ qabel it-terminazzjoni ta' dik il-kooperazzjoni mill-qrib, għandhom jibqgħu validi minkejja t-terminazzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib.
7. Id-deċiżjonijiet biex tiġi sospiża jew mitmuma kooperazzjoni mill-qrib għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta' Frar 2014.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-31 ta' Jannar 2014.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
ANNESS I
MUDELL TA' TALBA GĦAL DĦUL F'KOOPERAZZJONI MILL-QRIB SKONT L-ARTIKOLU 7 TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2013
Minn
[Stat Membru Rikjedenti]
Notifika lill-BĊE ta' talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013
1. |
L-[Istat Membru rikjedenti] bil-preżenti jitlob biex jidħol f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2014/5 tal-31 ta' Jannar 2014 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. |
2. |
L-[Istat Membru rikjedenti] bil-preżenta jimpenja ruħu:
L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-BĊE għandha tinkludi:
|
Għall-Istat Membru
[Firma]
cc:
(i) |
il-Kummissjoni Ewropea |
(ii) |
l-Awtorità Bankarja Ewropea |
(iii) |
l-Istati Membri l-oħrajn |
ANNESS II
MUDELL TA' STQARRIJA SKONT L-ARTIKOLU 7(2)(c) TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 1024/2013
Minn
[Stat Membru rikjedenti]
Lil
Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
Stqarrija skont l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 relatata mat-talba għal dħul f'kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013
[L-Istat Membru kkonċernat] bil-preżenti — jikkonferma li huwa adotta leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti biex jiżgura li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jkunu vinkolanti u infurzabbli [fl-Istat Membru kkonċernat] u li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu ser ikunu obbligati li jadottaw kwalunkwe miżura b'rabta mal-entitajiet taħt superviżjoni mitluba mill-BĊE, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti daħlet fis-seħħ f'[DAĦĦAL DATA].
Barra minn hekk, qegħdin nehmżu opinjoni legali li tikkonferma li l-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti tiżgura wkoll li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata ser ikunu obbligati jsegwu l-istruzzjonijiet, linji gwida, talbiet u miżuri speċifiċi tal-BĊE b'rabta ma' entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni u l-istruzzjonijiet, linji gwida, talbiet u miżuri ġenerali tal-BĊE b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti.
Għall-Istat Membru
[Firma]
Appendiċi |
: |
Kopja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti adottata mill-Istat Membru rikjedenti biex jiġi żgurat li atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ikunu vinkolanti u infurzabbli [fl-Istat Membru kkonċernat] u li l-awtorità nazzjonali kompetenti u l-awtorità nazzjonali nnominata tiegħu jkunu obbligati jadottaw kwalunkwe miżura mitluba mill-BĊE b'rabta ma' entitajiet taħt superviżjoni. |