EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0008

Deċiżjoni (UE) 2016/702 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' April 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2016/8)

ĠU L 121, 11.5.2016, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 15/02/2020; Impliċitament imħassar minn 32020D0188

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/702/oj

11.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 121/24


DEĊIŻJONI (UE) 2016/702 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-18 ta' April 2016

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2016/8)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (1) stabbilixxiet programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku mis-swieq sekondarji (iktar 'il quddiem il-“PSPP”), li espanda l-programmi ta' xiri ta' assi eżistenti biex jinkludi titoli tas-settur pubbliku. Flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti, il-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi u l-programm li ġej ta' xiri mis-settur korporattiv, il-PSPP huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trasmissjoni tal-politika monetarja, sabiex jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti u jikkontribwixxi sabiex ir-rati tal-inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib għal 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv primarju tal-Bank Ċentrali Ewropew li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(2)

B'mod konformi mal-mandat tal-Kunsill Governattiv biex jiżgura l-istabilità tal-prezzijiet, ċerti karatteristiċi tal-PSPP għandhom jiġu mmodifikati sabiex jiġi żgurat aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni lejn livelli li huma taħt, iżda qrib it-2 %, fuq medda ta' żmien medju. Il-bidliet huma konformi mal-mandat tal-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv u jirriflettu kif suppost kunsiderazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju.

(3)

B'mod aktar speċifiku, sabiex tikseb l-objettivi tal-PSPP, il-likwidità pprovduta lis-suq permezz tax-xiri kkombinat ta' kull xahar taħt l-APP għandha tiżdied għal EUR 80 biljun.

(4)

Barra minn hekk, għandhom jiżdiedu l-limiti ta' ishma għall-emittent u l-ħarġa għal titoli negozjabbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali tal- iżvilupp. Il-limitu minimu ġdid kien iddeterminat sabiex jiġi żgurat li x-xirjiet previsti jkomplu jkunu proporzjonati mal-għanijiet tal-PSPP, ukoll meta jitqies li r-riskju ta' xkiel għal ristrutturar tad-dejn ordnat huwa limitat.

(5)

B'bidu f'April 2016, l-allokazzjoni bejn xirjiet ta' titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp u xirjiet ta' titoli t'a dejn negozjabbli eliġibbli oħrajn taħt il-PSPP għandhom jiġu mmodifikati sabiex jinkisbu l-objettivi tal-PSPP u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu bla xkiel għat-tul kollu tal-PSPP u l-volum ta' xiri miżjud tiegħu.

(6)

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kreditu mill-istituzzjoni esterna ta' valutazzjoni tal-kreditu (ECAI) ta' strumenti ta' dejn negozjabbli, il-klassifikazzjonijiet tal-ħarġiet minn ECAI għandhom jiġu meqjusa meta la l-emittent u lanqas il-garanti ma jkollhom klassifikazzjoni minn ECAI. Madankollu, it-titolu negozjabbli għandhu xorta waħda jkollu l-klassifikazzjoni tal-ħarġa meħtieġa sabiex jikkonforma mal-kriterji ta' eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema. Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandha tqis il-fatt li dawk il-kriterji ta' eliġibbiltà issa jinsabu fil-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (2).

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) hija emendata skont kif ġej:

1.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

“2.   Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta' dejn negozjabbli għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema skont il-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (*), bla ħsara għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-emittent jew il-garanti tat-titoli ta' dejn negozjabbli għandu jkollu valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-inqas tal-Livell 3 ta' Kwalità ta' Kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema espressa fil-forma ta' mill-inqas klassifikazzjoni waħda ta' kreditu pubbliku mogħtija minn istituzzjoni esterna ta' valutazzjoni tal-kreditu (ECAI) aċċettata fi ħdan il-qafas ta' valutazzjoni ta' kreditu tal-Eurosistema;

(b)

jekk ikun hemm disponibbli diversi klassifikazzjonijiet tal-emittent minn ECAI jew klassifikazzjonijiet tal-garanti minn ECAI, għandha tapplika r-regola tal-ewwel l-aħjar, jiġifieri għandha tapplika l-aħjar klassifikazzjoni tal-emittent minn ECAI jew klassifikazzjoni tal-garanti minn ECAI disponibbli. Jekk l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-kwalità ta' kreditu jiġi stabbilit abbażi ta' klassifikazzjoni tal-garanti minn ECAI, il-garanzija għandha tissodisfa l-karatteristiċi ta' garanzija aċċettabbli kif stipulat fl-Artikolu 87 u l-Artikoli 113 sa 115 tal-Linja Gwida (UE) 2015/30 (BĊE/2014/60);

(c)

fin-nuqqas ta' klassifikazzjoni ta' emittent minn ECAI u klassifikazzjoni ta' garanti minn ECAI, titolu ta' dejn negozjabbli għandu jkollu ta' mill-inqas klassifikazzjoni ta' ħruġ waħda minn ECAI ta' mill-inqas tal-Livell 3 ta' Kwalità tal-Kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema;

(d)

jekk il-valutazzjoni ta' kreditu pprovduta minn ECAI aċċettat għall-emittent, il-garanti jew il-ħruġ ma tikkonformax ma' tal-inqas il-Livell 3 ta' Kwalità ta' Kreditu fl-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, it-titoli ta' dejn negozjabbli għandhom ikunu eliġibbli biss jekk jinħarġu jew ikunu ggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta' assistenza finanzjarja u li fir-rigward tiegħu l-applikazzjoni tal-limitu tal-kwalità ta' kreditu tal-Eurosistema jiġi sospiż mill-Kunsill Governattiv bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 (**);

(e)

fil-każ ta' reviżjoni ta' programm ta' assistenza finanzjarja li jkun għaddej, l-eliġibbiltà għal xiri PSPP għandha tiġi sospiża u għandha tkompli biss fil-każ li jkun hemm eżitu pożittiv tar-reviżjoni.

(*)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3)."

(**)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).”;"

2.

L-Artikolu 5 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Limiti tax-xiri

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3, limitu ta' ħruġ ta' ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt il-PSPP għal titoli ta' dejn negozjabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Il-limitu tal-ħruġ ta' ishma għandu jkun skont kif ġej:

(a)

50 % għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali ta' żvilupp;

(b)

33 % għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli oħrajn, bl-eċċezzjoni ta' 25 % għal kull ISIN għal dawk it-titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli li jkun fihom klawsola ta' azzjoni kollettiva (collective action clause — CAC) li tvarja mill-mudell għaż-żona tal-euro CAC elaborat mill-Kumitat Finanzjarju u Ekonomiku u implimentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew, iżda ser jiżdied għal 33 %, soġġett għal verifika fuq il-bażi ta' każ b'każ li parteċipazzjoni ta' 33 % għal kull ISIN mhux ser twassal lill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jilħqu parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw proċeduri ta' ristrutturar ordnat ta' dejn.

2.   Kull titolu ta' dejn negozjabbli eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP u li jkollu l-maturitajiet rimanenti speċifikati fl-Artikolu 3 għandhom ikunui soġġetti għal limitu aggregat, wara l-konsolidazzjoni ta' parteċipazzjonijiet fil-portafolji kollha tal-banek ċentrali tal-EUrosistema, ta':

(a)

50 % tat-titoli pendenti ta' emittent li jkun organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta' żvilupp; jew

(b)

33 % tat-titoli pendenti ta' emittent li ma jkunx organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta' żvilupp.

3.   Fir-rigward tat-titoli ta' dejn imsemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2), japplikaw limiti ta' ishma differenti għall-emittenti u l-ħruġ. Dawn il-limiti għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill Governattiv waqt li jqis kif meħtieġ kunsiderazzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju tal-funzjonament tas-suq.”;

3.

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Mill-valur nominali totali ta' xierjiet ta' titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP, 10 % għandhom jinxtraw f'titoli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali tal-iżvilupp, u 90 % ta' dak il-valur nominali għandhom jinxtraw f'titoli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti jew, fejn applikabbli skont l-Artikolu 3(4) ta' din id-Deċiżjoni, f'titoli maħruġa minn korporazzjonijiet pubbliċi eliġibbli mhux finanzjarji. Din l-allokazzjoni hija suġġetta għal reviżjoni mill-Kunsill Governattiv. Xirjiet ta' titoli ta' dejn maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp u gvernijiet reġjonali u lokali eliġibbli għandhom isiru biss mill-BĊNi.”;

4.

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'li ġej:

“2.   Is-sehem tal-BĊNi tal-valur nominali totali ta' xierjiet ta' titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP għandu jkun ta' 90 %, u l-10 % li jifdal għandhom jinxtraw mill-BĊE. It-tqassim tax-xirjiet bejn il-ġurisdizzjonijiet għandu jkun skont l-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-19 ta' April 2016. Għandha tapplika mid-19 ta' April 2016.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-18 ta' April 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10)(ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).

(2)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).


Fuq