EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0019

Deċiżjoni (UE) 2016/1162 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta' Ġunju 2016 dwar l-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali (BĊE/2016/19)

ĠU L 192, 16.7.2016, p. 73–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1162/oj

16.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/73


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1162 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-30 ta' Ġunju 2016

dwar l-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali fil-kuntest ta' investigazzjonijiet kriminali (BĊE/2016/19)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikoli l-Artikoli 23 u 23a tagħha,

Billi:

(1)

Bl-istabbiliment tal-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU), kemm il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) jistgħu jirċievu talbiet mingħand awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali għall-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali maħluqa jew riċevuta matul it-twettiq tal-kompiti u responsabbiltajiet superviżorji tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2), meta, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (3), il-BĊE jkollu raġuni li jissuspetta li seta' twettaq reat kriminali, huwa għandu jitlob lill-ANK relevanti biex tirreferi l-kwistjoni lill-awtoritajiet xierqa għal investigazzjoni u possibbilment għal prosekuzzjoni kriminali, skont il-liġi nazzjonali.

(3)

Hemm storja ta' kooperazzjoni bejn l-ANK u l-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali fil-mod kif jindirizzaw l-aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali dwar entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(20) u l-Artikolu 2(21), rispettivament, tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), skont il-liġi nazzjonali. Il-kundizzjonijiet għal dik il-kooperazzjoni u għall-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali huma ddeterminati fil-biċċa l-kbira mil-liġi nazzjonali. Madankollu, il-liġi tal-Unjoni għandha ċerti implikazzjonijiet għall-kundizzjonijiet li taħthom l-informazzjoni kunfidenzjali miżmuma minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, fi ħdan l-MSU tista' tiġi żvelata lil awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni nazzjonali fuq talba tagħhom. Dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jistabbilixxu, pereżempju, il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, il-prinċipji ta' kooperazzjoni in bona fede u l-obbligu li tiġi skambjata informazzjoni fi ħdan l-MSU, l-obbligu li tiġi protetta dejta personali u l-obbligu ta' segretezza professjonali.

(4)

Dawk il-kundizzjonijiet, minbarra li japplikaw għall-iżvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, inkluża informazzjoni miżmuma minn ANK meta tassisti lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tal-BĊE taħt dak ir-Regolament, jistgħu japplikaw ukoll fil-prinċipju għall-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-politika monetarja u kompiti oħrajn relatati mas-SEBĊ/Eurosistema.

(5)

Il-BĊE għandu jżomm mad-dmir tiegħu ta' segretezza professjonali u d-dmir tiegħu li jissalvagwardja l-funzjonament u l-indipendenza tiegħu. Barra minn hekk, il-BĊE għandu jkompli jirrispetta l-interess pubbliku u ċerti interessi privati, li jfisser ukoll li m'għandux jiżvela ċerti dokumenti jew informazzjoni meta dak l-iżvelar ikun jippreġudika dawk l-interessi. Madankollu, dawn id-dmirijiet m'għandhomx iwasslu għal projbizzjoni assoluta fuq l-iżvelar mill-BĊE lill-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali ta' informazzjoni kunfidenzjali koperta mill-obbligu ta' segretezza professjonali.

(6)

Il-liġi tal-Unjoni tipprovdi li l-kunfidenzjalità ta' ċerta informazzjoni jew ċerti dokumenti għandha tkun protetta, inkluża dejta personali, u soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, tipprojbixxi l-iżvelar ta' informazzjoni jew dokumenti kunfidenzjali lil terzi. B'mod partikolari, skont ir-regoli dwar is-segretezza professjonali li jinsabu fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), informazzjoni kunfidenzjali riċevuta matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom minn “persuni li jaħdmu jew li kienu jaħdmu ma' awtoritajiet kompetenti, u awdituri jew esperti li jaġixxu f'isem awtoritajiet kompetenti”, tista' tiġi żvelata biss f'forma sommarja jew aggregata, b'mod li istituzzjonijiet ta' kreditu individwali ma jistgħux jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti bil-liġi kriminali.

(7)

Skont l-Artikolu 37.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, persuni li jkollhom aċċess għal dejta koperta bil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi obbligu ta' segretezza għandhom ikunu soġġetti għal dik il-leġiżlazzjoni.

(8)

Fil-liġi tal-Unjoni, għadu ma ġiex stabbilit qafas proċedurali għall-ġestjoni ta' talbiet riċevuti mill-BĊE, ANK jew banek ċentrali nazzjonali (BĊN) mingħand awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali għal informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, inkluża informazzjoni miżmuma minn ANK jew BĊN meta jassistu lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tal-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew relatata mal-politika monetarja u kompiti oħrajn relatati mas-SEBĊ/Eurosistema. Madankollu, l-applikazzjoni ta' regoli proċedurali nazzjonali li japplikaw għal dawk it-talbiet għandha tkun konsistenti mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, u l-prinċipji ta' kooperazzjoni in bona fede u l-obbligu li tiġi skambjata informazzjoni kif ipprovdut fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. F'dan ir-rigward, skont il-liġi tal-Unjoni, il-BĊE jilqa' l-fatt li jkun ikkonsultat fuq jew infurmat, kif ikun xieraq, dwar talbiet għal informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, inkluża informazzjoni miżmuma minn ANK jew BĊN meta jassistu lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tal-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew relatata mal-politika monetarja u kompiti oħrajn relatati mas-SEBĊ/Eurosistema, li tiġi riċevuta minn ANK jew BĊN mingħand awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali.

(9)

Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal talbiet għal aċċess għal informazzjoni li tikkonċerna persuni li jkollhom relazzjoni ta' impjieg mal-BĊE jew relazzjoni kuntrattwali diretta jew indiretta mal-BĊE għat-twettiq ta' xogħlijiet, il-provvista ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi.

(10)

Din id-Deċiżjoni b'hekk għandha tistipula l-kundizzjonijiet applikati mill-BĊE fir-rigward tal-iżvelar minn ANK u BĊN ta' informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew fir-rigward tal-politika monetarja u kompiti oħrajn relatati mas-SEBĊ/Eurosistema lil awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali u l-qafas proċedurali relatat.

(11)

L-Uffiċċju ta' Konformità u Governanza tal-BĊE jaġixxi bħala koordinatur, fi ħdan il-BĊE, ta' talbiet għal aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt l-ambitu ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“informazzjoni kunfidenzjali” tfisser kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali koperta mir-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, bl-obbligu ta' segretezza professjonali, mir-regoli ta' segretezza professjonali li tinsab fid-Direttiva 2013/36/UE jew dokumenti kklassifikati bħala “ECB-CONFIDENTIAL” jew “ECB-SECRET” taħt ir-reġim ta' kunfidenzjalità tal-BĊE, u eskluża kwalunkwe informazzjoni dwar persuni li għandhom relazzjoni ta' impjieg mal-BĊE jew relazzjoni kuntrattwali diretta jew indiretta mal-BĊE għat-twettiq ta' xogħlijiet, il-provvista ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi;

(b)

“awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali” tfisser awtorità nazzjonali b'kompetenza fi kwistjonijiet ta' liġi kriminali nazzjonali;

(c)

“awtorità nazzjonali kompetenti” (ANK) għandha l-istess tifsira ddefinita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; Din it-tifsira hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti taħt il-liġi nazzjonali li jassenjaw ċerti kompiti superviżorji lil BĊN li ma jkunx innominat bħala ANK. Fir-rigward ta' dawn l-arranġamenti, referenza għal ANK f'din id-Deċiżjoni għandha tirreferi wkoll għall-BĊN fir-rigward tal-kompiti superviżorji assenjati lilu bil-liġi nazzjonali.

Artikolu 2

Talbiet riċevuti mill-BĊE mingħand awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali

1.   Wara talba minn awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali, il-BĊE jista' jipprovdi informazzjoni kunfidenzjali li jkollu u relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew kompiti oħrajn relatati mas-SEBĊ/Eurosistema lil ANK jew BĊN għal żvelar lill-awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali inkwistjoni taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-ANK jew il-BĊN inkwistjoni jimpenjaw ruħhom li jaġixxu f'isem il-BĊE li jirrispondu għal dik it-talba; jew (i) ikun hemm obbligu espress li tiġi żvelata dik l-informazzjoni lil awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali taħt il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali; jew (ii) il-qafas legali relevanti jippermetti l-iżvelar ta' dik l-informazzjoni kunfidenzjali.

(b)

u ma jkun hemm ebda raġuni imperattiva biex jiġi rrifjutat l-iżvelar ta' dik l-informazzjoni relatata mal-ħtieġa li jiġu mħarsal-interessi tal-Unjoni jew li tiġi evitata kwalunkwe interferenza mal-funzjonament u l-indipendenza tal-BĊE, b'mod partikolari billi jiġi pperikolat it-twettiq tal-kompiti tiegħu;

(c)

l-ANK jew il-BĊN inkwistjoni jimpenjaw ruħhom li jistaqsu lill-awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali biex jiggarantixxu l-protezzjoni mill-iżvelar pubbliku tal-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta.

2.   Il-paragrafu 1 huwa bla ħsara għal kull dispożizzjoni speċifika skont id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali relatat mal-iżvelar ta' dik l-informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 3

Talbiet riċevuti mill-ANK jew BĊNi mingħand awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali

1.   Il-BĊE għandu jitlob lill-AKN u l-BĊN biex jaqblu li malli jirċievu talba mingħand awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali għall-iżvelar ta' informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew ma' kompiti tal-politika monetarja jew kompiti oħrajn relatati mas-SEBĊ/Eurosistema, huma jikkonsultaw il-BĊE, meta jkun possibbli, dwar kif tingħata risposta għat-talba, irrispettivament minn jekk il-BĊE, jew l-ANK jew BĊN kkonċernati jkollhomx f'idejhom l-informazzjoni inkwistjoni. Il-BĊE jagħti parir dwar jekk l-informazzjoni tistax tiġi żvelata, meta jkun japplika, u jekk hemmx raġunijiet imperattivi, dwar il-bżonn ta' salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni jew biex tiġi evitata kull interferenza mal-funzjonament u l-indipendenza tal BĊE għar-rifju tal-iżvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali kkonċernata. Il-BĊE għandu jagħti pariri lill-ANK jew BĊN, sakemm jiġi kkonsultat b'mod tempestiv qabel mal-ANK jew BĊN jieħdu deċiżjoni finali u jipprovdu risposta finali għat-talba.

2.   Il-BĊE għandu jitlob lill-ANK jftiehmu li jinfurmaw lill-BĊE b'mod tempestiv, u, fi kwalunkwe każ, qabel ma tipprovdi risposta finali, dwar talbiet għal informazzjoni kunfidenzjali li tirċievi mingħand awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali li jkunu jikkonċernaw istituzzjonijiet ta' kreditu inqas sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tal-ANK kkonċernata fit-twettiq tar-responsabbiltajiet superviżorji tagħha taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, meta dik l-ANK tikkunsidra li l-informazzjoni mitluba hija materjali, jew li l-iżvelar tagħha għandu l-potenzjal li jaffettwa ħażin ir-reputazzjoni tal-MSU. Il-BĊE għandu juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jipprovdi r-risposta tiegħu fl-iskadenza ffissata mill-ANK kkonċernata, sakemm l-iskadenza hija raġonevoli, oġġettivament ġustifikabbli u tiskadi qabel mal-ANK tieħu deċiżjoni finali u tipprovdi risposta finali lill-awtorità nazzjonali ta' investigazzjoni kriminali.

3.   Il-BĊE għandu jitlob lill-ANK u lill-BĊN biex jaqblu li jinfurmaw regolarment lill-BĊE dwar it-talbiet kollha mill-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni nazzjonali, fejn il-BĊE ma kienx ikkonsultat skont il-paragrafu 1 jew infurmat skont il-paragrafu 2, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom u, jekk possibbli, dwar kull informazzjoni żvelata minħabba dawk it-talbiet.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tieghu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-30 ta' Ġunju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.

(2)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(4)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).


Fuq