EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32016D0027

Deċiżjoni (UE) 2016/1717 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/27)

ĠU L 258, 24.9.2016, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/27/oj

24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/17


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1717 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta' Settembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/27)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-istrumenti legali indirizzati lill-bank ċentrali nazzjonali (BĊNi) u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK), bħal linji gwida u struzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom jiġu nnotifikati kif suppost lid-destinatarji tagħhom. Illum il-ġurnata, il-prattika aċċettata b'mod komuni għal notifiki bejn il-BĊE, minn naħa waħda, u l-BĊNi u l-ANK, min-naħa l-oħra, hija l-użu ta' mezzi elettroniċi inkluż l-email. Min-naħa l-oħra, it-telex m'għadux jintuża bħala mezz ta' komunikazzjoni minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi.

(2)

Fl-aħħar sentejn, il-BĊE adotta ħafna deċiżjonijiet indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni jew entitajiet li applikaw għal awtorizzazzjoni biex jibdew joperaw bħala istituzzjoni ta' kreditu. Bl-istess mod, il-BĊE adotta deċiżjoni li timponi sanzjonijiet kontra terzi. Għalkemm il-liġi primarja ma tippreskrivix dan, ir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE preżentament jeħtieġu li l-President tal-BĊE jiffirma dawn it-tipi ta' deċiżjonijiet tal-BĊE li jkollhom destinatarji.

(3)

Fil-futur, deċiżjonijiet tal-BĊE indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni jew entitajiet li jkunu applikaw għal awtorizzazzjoni biex joperaw bħala istituzzjoni ta' kreditu u deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet kontra terzi għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv, sabiex tiġi ċċertifikata l-konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv.

(4)

Peress li l-volum ta' deċiżjonijiet superviżorji żdied b'mod sinifikanti, l-emenda għandha tiġi adottata b'urġenza u tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (1) għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 hija emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 17.2 huwa mibdul b'dan li ġej:

“17.2.

Linji ta' Giwda tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u minn hemm 'il quddiem għandhom jiġu nnotifikati, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u ffirmati mill-President f'isem il-Kunsill Governattiv. Dawn għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. In-notifika lill-banek ċentrali nazzjonali tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati fuq karta. Kull Linja Gwida tal-BĊE li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(2)

Il-paragrafu 17.4 huwa mibdul b'dan li ġej:

“17.4.

Id-deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv jew mill-Bord Eżekuttiv fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, u għandhom ikunu ffirmati mill-President. Deċiżjonijiet tal-BĊE li jimponu sanzjonijiet kontra terzi għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv sabiex jiġu ċċertifikati. Id-Deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-BĊE għandhom jiddikjaraw r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Ir-Rakkomandazzjonijiet għal leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni taħt l-Artikolu 41 tal-Istatut għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv.”.

(3)

Il-paragrafu 17.6 huwa mibdul b'dan li ġej:

“17.6.

L-Istruzzjonijiet tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, u ffirmati f'isem il-Bord Eżekuttiv mill-President jew minn kwalunkwe żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv. In-notifika lill-banek ċentrali nazzjonali tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati fuq karta. Kull Struzzjoni tal-BĊE li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(4)

Il-paragrafu 17a.2. huwa mibdul b'dan li ġej:

“17a.2.

Il-linji gwidi tal-BĊE relatati ma' kompiti superviżorji skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati u ffirmati mill-President f'isem il-Kunsill Governattiv. In-notifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati.”;

(5)

Il-paragrafu 17a.3. huwa mibdul b'dan li ġej:

“17a.3.

L-istruzzjonijiet tal-BĊE relatati ma' kompiti superviżorji skont l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 6(5)(a) u l-Artikoli 7(1), 7(4), 9(1) u 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati u ffirmati mill-President f'isem il-Kunsill Governattiv. Dawn għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. In-notifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati.”;

(6)

Il-paragrafu 17a.4. huwa mibdul b'dan li ġej:

“17a.4.

Deċiżjonijiet tal-BĊE fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni u entitajiet li applikaw għal awtorizzazzjoni biex joperaw bħala istituzzjoni ta' kreditu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv u għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv sabiex jiġu ċċertifikati. Wara għandhom jiġu nnotifikati lill-persuni li lilhom huma indirizzati.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta' Settembru 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).


Fuq