EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0033

Deċiżjoni (UE) 2017/2098 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2017 dwar aspetti proċedurali li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi għan-nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2017/33)

ĠU L 299, 16.11.2017, p. 34–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 25/05/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2098/oj

16.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/34


DEĊIŻJONI (UE) 2017/2098 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta' Novembru 2017

dwar aspetti proċedurali li jirrigwardaw l-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi għan-nuqqas ta' konformità mar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2017/33)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew stabbilixxa rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (SIPS) fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

(2)

Bis-saħħa tal-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu miżuri korrettivi għan-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tas-sorveljanza.

(3)

Madankollu, billi r-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) ma jispeċifikax regoli u proċeduri ddettaljati għall-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi, skont l-Artikolu 22(6) tiegħu, tali regoli u proċeduri għandhom jiġu stabbiliti f'din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1.

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif iddefinita fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28);

2.

“operatur tas-SIPS” tfisser operatur tas-SIPS kif iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28);

3.

“miżura korrettiva” tfisser miżura korrettiva kif iddefinita fil-punt (44) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28);

4.

“nuqqas ta' konformità” tfisser kull ksur tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28);

5.

“nuqqas ta' konformità ssuspettat” tfisser bażi raġonevoli għas-suspett li operatur tas-SIPS ma ssodisfax rekwiżit wieħed jew iżjed tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), skont l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni (inkluża awtoevalwazzjoni pprovduta mill-operatur tas-SIPS) disponibbli għall-awtorità kompetenti;

6.

“nuqqas ta' konformità kontinwu” tfisser kull ksur tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (ECB/2014/28) li ġie kkonfermat minn valutazzjoni imma ma ġiex irrettifikat minn operatur tas-SIPS skont pjan ta' azzjoni miftiehem mal-awtorità kompetenti f'terminu speċifikat minn dik l-awtorità;

7.

“abbozz ta' valutazzjoni” ifisser rapport li għadu ma ġiex approvat mill-korp deċiżjonali ta' awtorità kompetenti, li jipprovdi analiżi preliminari tar-regoli, il-proċeduri u l-operazzjonijiet tas-SIPS, u ta' inċidenti, jew kwalunkwe kwistjoni oħra li hija kkunsidrata ta' importanza għall-operat tas-SIPS, u jidentifika suspett ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' sorveljanza stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (ECB/2014/28);

8.

“valutazzjoni” tfisser, meta l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jaġixxi bħala l-awtorità kompetenti, rapport li ġie approvat mill-Kunsill Governattiv, jew, fejn bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jaġixxi bħala awtorità kompetenti, rapport li ġie approvat mill-korp deċiżjonali rilevanti ta' dak il-BĊN, u li jiddikjara l-livell ta' konformità tal-operatur tas-SIPS mar-rekwiżiti ta' sorveljanza stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   Għandhom jiġu imposti miżuri korrettivi fuq operaturi tas-SIPS skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) u l-proċedura stabbilita f'din id-Deċiżjoni.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibdew proċedura għall-impożizzjoni ta' miżura korrettiva fix-xenarji li ġejjin:

(a)

fil-każ ta' nuqqas ta' konformità li ġie kkonfermat permezz ta' valutazzjoni;

(b)

fil-każ ta' nuqqas ta' konformità kontinwu, fejn l-ebda miżura korrettiva ma ġiet imposta qabel fuq operatur tas-SIPS;

(c)

meta abbozz ta' valutazzjoni jagħti raġunijiet għall-awtorità kompetenti biex tissuspetta nuqqas ta' konformità li huwa serju u jeħtieġ azzjoni immedjata.

3.   Il-formulazzjoni ta' miżuri korrettivi għandha tkun biżżejjed speċifika li tippermetti lil operatur tas-SIPS li jwettaq azzjoni mingħajr dewmien bla bżonn jew jevita repetizzjoni għan-nuqqas ta' konformità tiegħu.

Artikolu 3

Avviż lill-operatur tas-SIPS

1.   Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) u skont ir-riżultanzi ta' abbozz ta' valutazzjoni jew valutazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tagħti avviż bil-miktub lill-operatur tas-SIPS li jista' jinkludi talba biex jingħataw informazzjoni jew spjegazzjonijiet ulterjuri.

2.   L-avviż bil-miktub għandu jispeċifika n-natura tan-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' konformità ssuspettat, kif ukoll il-fatti, l-informazzjoni, il-valutazzjonijiet jew il-bażi legali li jappoġġjaw ir-riżultanza tan-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' konformità ssuspettat. Għandu jiddikjara l-miżura jew miżuri korrettivi li l-awtorità kompetenti tikkunsidra li timponi. Għandu jiddikjara wkoll jekk il-każ jitqisx bħala wieħed serju u jekk hijiex meħtieġa azzjoni immedjata taħt l-Artikolu 4(2).

3.   Għal każijiet ta' nuqqas ta' konformità kontinwata, l-avviż bil-miktub għandu jispeċifika wkoll in-nuqqas ta' progress jew l-inadegwatezza tal-progress magħmul mill-operatur tas-SIPS fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni miftiehem mal-awtorità kompetenti.

Artikolu 4

Organizzazzjoni tal-fażi tas-smigħ

1.   Operatur tas-SIPS għandu jingħata l-opportunità li jinstema' billi jikkummenta bil-miktub dwar il-fatti, l-informazzjoni, il-valutazzjoni jew raġunijiet legali li jsostnu r-riżultanza tan-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' konformità ssuspettat, u l-miżura jew miżuri korrettivi li qegħdin jiġu kkunsidrati, kif jidher fl-avviż bil-miktub, f'terminu speċifikat mill-awtorità kompetenti ta' minimu ta' 14-il jum kalendarju wara li jiġi rċevut l-avviż bil-miktub. Operatur tas-SIPS jista' jitlob estensjoni tat-terminu ta' żmien u l-awtorità kompetenti għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tingħatax estensjoni.

2.   Fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità li jitqies li huwa serju biżżejjed li jeħtieġ azzjoni immedjata, skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) operatur tas-SIPS għandu jingħata l-opportunità li jinstema' u jipprovdi spjegazzjonijiet f'terminu ta' żmien speċifikat mill-awtorità kompetenti li tipikament m'għandux jaqbeż tlett ijiem tan-negozju wara li jiġi rċevut l-avviż bil-miktub.

3.   Operatur tas-SIPS jista' jitlob li jiġu pprovduti dokumenti jew tingħata spjegazzjoni mill-awtorità kompetenti dwar in-nuqqas ta' konformità jew in-nuqqas ta' konformità ssuspettat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippruvaw jipprovdu spjegazzjonijiet jew dokumenti rilevanti lill-operaturi tas-SIPS fil-ħin.

4.   Jekk l-awtorità kompetenti jidhrilha li huwa xieraq jew fuq talba tal-operatur tas-SIPS, l-operatur tas-SIPS jista' jingħata l-opportunità li jikkummenta dwar il-fatti, l-informazzjoni, il-valutazzjoni fuq bażi legali li tappoġġa r-riżultanza ta' nuqqas ta' konformità jew nuqqas ta' konformità ssuspettat waqt laqgħa. L-operatur tas-SIPS jista' jiġi appoġġat fil-laqgħa minn terza persuna, inkluż avukat estern.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tħejji minuti bil-miktub ta' kwalunkwe laqgħa ma' operatur tas-SIPS. Wara li jkun ingħata żmien biżżejjed biex jirrevedi l-minuti u jinkludi kwalunkwe rimarki jew bidliet meqjusa bħala meħtieġa, l-operatur tas-SIPS għandu jiffirma l-minuti u l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi kopja tagħhom lill-operatur tas-SIPS.

6.   Operatur tas-SIPS għandu jipprovdi kummenti, dokumentazzjoni, spjegazzjonijiet u kull informazzjoni oħra lill-awtorità kompetenti fil-lingwa tal-Unjoni magħżula mill-operatur tas-SIPS, sakemm ma jkunx hemm ftehim minn qabel mal-awtorità kompetenti fuq lingwa oħra għall-komunikazzjonijiet.

Artikolu 5

Aċċess għall-fajl

1.   L-operaturi tas-SIPS għandhom ikunu intitolati, wara li tinbeda proċedura għall-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi, li jkollhom aċċess għall-fajl tal-awtorità kompetenti, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni ġuridiċi u fiżiċi minbarra l-operaturi tas-SIPS infushom. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl m'għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali.

2.   L-operaturi tas-SIPS għandhom jgħaddu lill-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien żejjed, kwalunkwe talba relatata mal-aċċess għall-fajl.

3.   Il-fajl jikkonsisti fid-dokumenti kollha miksuba, prodotti jew ikkumpilati mill-awtorità kompetenti matul il-proċedura għall-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi.

4.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, informazzjoni kunfidenzjali tista' tinkludi dokumenti interni tal-awtorità kompetenti u korrispondenza bejn l-awtorità kompetenti u kwalunkwe persuna involuta fit-tħejjija tal-valutazzjoni.

Artikolu 6

Impożizzjoni ta' miżuri korrettivi

1.   Skont l-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), l-awtorità kompetenti tista' timponi miżuri korrettivi fuq operatur tas-SIPS, wara li titqies l-informazzjoni li jipprovdi dan tal-aħħar. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe dubju, meta l-proċedura biex tiġi imposta miżura korrettiva tkun inbdiet fuq il-bażi ta' suspett ta' nuqqas ta' konformità, miżura korrettiva għandha tiġi imposta biss wara li l-korp relevanti tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti jkun approva r-rapport li jidentifika n-nuqqas ta' konformità.

2.   Meta l-BĊE jaġixxi bħala awtorità kompetenti, deċiżjoni sabiex jiġu imposti miżuri korrettivi għandha tiġi approvata mill-Kunsill Governattiv. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika t-terminu li fih l-operatur tas-SIPS għandu jimplimenta l-miżuri korrettivi.

3.   Meta l-BĊN jaġixxi bħala awtorità kompetenti, deċiżjoni sabiex jiġu imposti miżuri korrettivi għandha tiġi approvata mill-korp deċiżjonali tal-BĊN. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika t-terminu li fih l-operatur tas-SIPS għandu jimplimenta l-miżuri korrettivi. Il-BĊN għandu jissottometti kopja tad-deċiżjoni lill-Kunsill Governattiv għal informazzjoni mingħajr dewmien bla bżonn.

Artikolu 7

Limiti taż-żmien

Id-dritt ta' awtorità kompetenti li timponi miżuri korrettivi fir-rigward tan-nuqqas ta' konformità li ġie kkonfermat f'valutazzjoni għandu jiskadi sentejn wara l-iffinalizzar ta' din il-valutazzjoni.

Artikolu 8

Notifika tad-deċiżjoni għall-impożizzjoni ta' miżuri korrettivi

L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-operatur tas-SIPS bil-miktub, inkluż b'mezzi elettroniċi, bi kwalunkwe deċiżjoni li timponi miżuri korrettivi, fi żmien sebat ijiem mit-teħid tad-deċiżjoni.

Artikolu 9

Nuqqas ta' implimentazzjoni ta' miżuri korrettivi

Nuqqas minn operatur tas-SIPS li jimplimenta miżuri korrettivi fit-terminu indikat jista' jiġi kkunsidrat bħala raġuni separata għall-impożizzjoni ta' sanzjoni mill-BĊE, sakemm ma tkunx diġà ġiet imposta sanzjoni għall-istess ksur.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta' Novembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16.


Fuq