EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017D0035

Deċiżjoni (UE) 2017/2097 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2017 dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta' sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti tas-sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2017/35)

ĠU L 299, 16.11.2017, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2097/oj

16.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/31


DEĊIŻJONI (UE) 2017/2097 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta' Novembru 2017

dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta' sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti tas-sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2017/35)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari r-raba' inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment ir-raba' inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet, (1) u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 795/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28), (3) u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Eurosistema tippromwovi l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas billi, fost affarijiet oħra, twettaq sorveljanza. B'mod partikolari, is-sorveljanza ta' sistemi ta' ħlasijiet sistemikament importanti (SIPS) issir bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

(2)

L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jagħti s-setgħa lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jimponi sanzjonijiet għal ksur ta' dak ir-Regolament. Sabiex titjieb it-trasparenza tal-prinċipji u l-proċeduri li l-BĊE jsegwi meta jimponi dawn is-sanzjonijiet, dak l-Artikolu jeħtieġ li l-BĊE jadotta deċiżjoni dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet.

(3)

Bl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-BĊE juri l-mod kif huwa ggwidat mill-prinċipju ta' proporzjonalità meta jiddetermina sanzjoni xierqa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

1.

“operatur ta' SIPS” tfisser operatur ta' SIPS kif iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28);

2.

“sena tan-negozju” tfisser perijodu ta' żmien li inkonnessjoni miegħu għandhom jiġu ppreparati kontijiet awditjati jew statutorji tal-operatur ta' SIPS;

3.

“multa” tfisser l-ammont waħdieni tal-flus li operatur ta' SIPS huwa obbligat li jħallas bħala sanzjoni;

4.

“ksur” tfisser kwalunkwe nuqqas minn operatur ta' SIPS li jwettaq kwalunkwe obbligu li jirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28);

5.

“ħlasijiet ta' penali perjodiċi” tfisser ammonti ta' flus li, fil-każ ta' ksur kontinwat, operatur ta' SIPS ikun obbligat li jħallas, jew bħala kastig, jew bil-għan li l-operatur SIPS ikkonċernat jiġi mġiegħel jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28). Dawn l-ammonti għandhom jiġu kkalkulati għal kull jum sħiħ tal-ksur kontinwat wara notifika lill-operatur ta' SIPS ta' deċiżjoni li teħtieġ it-terminazzjoni tal-ksur skont il-proċedura preskritta fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98;

6.

“sanzjoni” tfisser multa jew ħlasijiet perjodiċi ta' penali imposti bħala konsegwenza ta' ksur;

7.

“fatturat” ifisser id-dħul iġġenerat mis-SIPS kkonċernat matul is-sena tan-negozju li tippreċedi dik meta sar il-ksur;

8.

“valur ta' ħlasijiet ipproċessati” tfisser il-valur medju ta' kuljum totali ta' ħlasijiet iddenominati f'euro pproċessati mis-SIPS ikkonċernati matul is-sena tan-negozju ta' qabel dik meta seħħ il-ksur.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-metodoloġija li għandha tiġi segwita mill-BĊE fil-kalkolu tal-ammont ta' sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti mill-BĊE fuq operatur ta' SIPS għal ksur tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

2.   Il-BĊE jista' jimponi jew multa jew ħlasijiet ta' penali perjodiċi bħala sanzjoni għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

3.   Il-BĊE għandu jiddetermina l-ammont tas-sanzjoni li għandu jiġi impost skont proċess f'żewġ stadji, li jibda bil-kalkolu tal-ammont bażi tas-sanzjoni, li mbagħad jista' jiżdied jew jitnaqqas fid-dawl ta' ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti ta' rilevanza għal kull każ speċifiku.

Artikolu 3

Kalkolu tal-ammont bażi ta' sanzjoni

1.   Il-BĊE għandu jikkalkula l-ammont bażi ta' kwalunkwe sanzjoni li għandha tiġi imposta fuq operatur ta' SIPS b'referenza għall-fatturat u l-valur ta' ħlasijiet ipproċessati mis-SIPS ikkonċernati.

2.   L-ammont bażi tas-sanzjoni għandu jirrappreżenta 50 % tas-somma tal-ammonti li ġejjin:

(a)

1 % tal-fatturat; u

(b)

0,0001 % tal-valur tal-ħlasijiet ipproċessati.

3.   Għal ħlasijiet ta' penali perjodiċi, l-ammont bażi għandu jiġi diviż b'180 għall-kalkolu tal-ammont pagabbli għal kull jum sħiħ tal-ksur kontinwat.

Artikolu 4

Ċirkustanzi aggravanti u mitiganti

Meta jiġi kkalkulat l-ammont ta' kwalunkwe sanzjoni, il-BĊE għandu jieħu inkunsiderazzjoni, meta jkun rilevanti, iċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, kif jipprovdi l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98.

Artikolu 5

Limiti

1.   Meta, abbażi tal-kalkolu magħmul bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) u kwalunkwe żieda jew tnaqqis fl-ammont bażi magħmula bis-saħħa tal-Artikolu 4, l-ammont ta' kwalunkwe multa jaqbeż EUR 500 000, l-ammont tal-multa li l-BĊE jista' jimponi għandu jkollu limitu ta' EUR 500 000.

2.   Meta, skont il-kalkolu magħmul bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) u (3) u kull żieda jew tnaqqis fl-ammont bażi magħmul bis-saħħa tal-Artikolu 4, l-ammont tal-ħlasijiet ta' penali perjodiċi jaqbeż EUR 10 000 kull jum tal-ksur, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta' penali li l-BĊE jista' jimponi kuljum ta' ksur għandu jkun limitat għal EUR 10 000. Jistgħu jiġu imposti ħlasijiet ta' penali perjodiċi fir-rigward tal-perijodu massimu ta' sitt xhur wara n-notifika lill-operatur ta' SIPS bid-deċiżjoni li jiġu imposti sanzjonijiet.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ghoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta' Novembru 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)  ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21.

(3)  ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16.


Fuq