EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32017O0019

Linja Gwida (UE) 2017/1404 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2017 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/13 dwar TARGET2-Securities (BĊE/2017/19)

ĠU L 199, 29.7.2017, p. 26–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2017/1404/oj

29.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/26


LINJA GWIDA (UE) 2017/1404 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Ġunju 2017

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2012/13 dwar TARGET2-Securities (BĊE/2017/19)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 3.1, 12.1 u 12.3 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Marzu 2016,il-Kunsill Governattiv approva t-twaqqif ta' “Bord dwar l-Infrastruttura tas-Suq”, korp ta' governanza ġdid responsabbli għall-kompiti ta' ġestjoni teknika u operattiva fil-qasam tal-infrastrutturi u pjattaformi tas-suq.

(2)

Fl-istess data, il-Kunsill Governattiv approva t-twaqqif ta' “Kumitat dwar l-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet” biex jieħu post il-“Kumitat għas-Sistemi ta' Ħlas u Saldu”.

(3)

Twaqqaf “Grupp Konsultattiv dwar Infrastrutturi tas-Suq għal Titoli u Kollateral” (iktar 'il quddiem l-“AMI SeCo”) biex jieħu f'idejh ir-responsabbiltajiet tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S, biex jagħti pariri lill-Eurosistema dwar kwistjonijiet rilevanti għall-ikklerjar u saldu ta' titoli, ġestjoni tal-kollateral u TS2.

(4)

Il-Linja Gwida BĊE/2012/13 (1) għandha b'hekk tiġi emendata biex tirrifletti s-sostituzzjoni tal-Kumitat għas-Sistemi ta' Pagamenti u Saldu bil-Kumitat dwar l-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet, it-twaqqif tal-Bord dwar l-Infrastuttura tas-Suq, u s-sostituzzjoni tal-Grupp Konsultattiv tat-T2S bl-AMI SeCo.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2012/13 hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 2, qegħdin jiżdiedu d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(25)

‘Grupp Konsultattiv dwar Infrastrutturi tas-Suq għal Titoli u Kollateral’ jew l-‘AMI SeCo’ ifisser korp konsultattiv li l-missjoni tiegħu hija li jagħti pariri lill-Eurosistema dwar kwistjonijiet relatati ma' kklerjar u saldu ta' titoli, ġestjoni tal-kollateral u t-T2S, u li l-mandat tiegħu huwa ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE;

(26)

‘Bord ta’ Infrastruttura tas-Suq' jew ‘MIB’ tfisser bord ta' governanza li għandu l-missjoni tiegħu li jappoġġa lill-Kunsill Governattiv billi jiżgura li l-infrastrutturi u l-pjattaformi tas-suq tal-Eurosistema, fl-oqsma tas-saldu tal-flus kontanti, is-saldu ta' titoli u l-ġestjoni tal-kollateral, jinżammu u jiġu żviluppati ulterjorment skont l-għanijiet tat-Trattat tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), il-bżonnijiet tan-negozju tal-SEBĊ, avvanzi teknoloġiċi, kif ukoll rekwiżiti regolatorji u ta' superviżjoni, kif japplika minn żmien għal żmien;

(27)

‘Kumitat dwar l-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasjiet’ jew ‘MIPC’ tfisser il-Kumitat tal-Eurosistema inkarigat mill-assistenza lill-korpi deċiżjonali tal-Eurosistema sabiex jinqeda d-dmir statutorju tas-SEBĊ biex tiġi promossa l-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas, inklużi l-aspetti tal-kontinwità tan-negozju, jew is-suċċessur tagħha.”;

2.

fl-Artikolu 2, il-punt (18) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(18)

‘Bord T2S’ ifisser il-korp ta' governanza stabbilit skont id-Deċiżjoni BĊE/2012/6, li għandu l-kompitu li jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u li jeżegwixxi kompiti ta' natura purament teknika fir-rigward tat-T2S, u li jopera bħala wieħed mill-formati dedikati tal-MIB;”;

3.

fl-Artikolu 7, fil-paragrafi 1, sa 3 ir-referenzi kollha għall-“Grupp Konsultattiv tat-T2S” huma mibdula b'“AMI SeCo”;

4.

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa mibdul b'li ġej:

“1.   Sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess bejn il-provvista ta' servizzi tat-T2S mill-Eurosistema u l-funzjonijiet superviżorji tal-Eurosistema, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li:

(a)

il-membri tal-Bord tat-T2S, m'għandhomx ikunu involuti direttament fis-superviżjoni tat-T2S jew tas-CSDs li jikkummissjonaw operazzjonijiet ta' saldu lit-T2S, sa fejn dak l-involviment jista' jagħti lok għal kunflitti attwali u potenzjali mal-funzjonijiet tagħhom bħala Membri tal-Bord tat-T2S. Għandhom jiġu implimentati miżuri xierqa għall-identifikazzjoni u l-evitar ta' kunflitti bħal dawn.

(b)

Il-membri tal-Bord tat-T2S m'għandhomx ikunu parti mill-Kumitat ta' Awdituri Interni (IAC), u lanqas m'għandhom ikunu involuti f'Attivitajiet tal-Livell 3 fuq bażi ta' kuljum;

(c)

L-attivitajiet ta' superviżjoni tat-T2S għandhom ikunu separati mill-attivitajiet operattivi tat-T2S.”;

5.

fl-Artikolu 9, fil-paragrafi 3 u 4 ir-referenzi kollha għall-“Kumitat ta' Sistemi ta' Ħlas u Saldu (PSSC — Payment and Settlement Systems Commtitee)” jinbidlu bi l- “Kumitat dwar l-Infrastruttura tas-Suq u Ħlasijiet (MIPC).”;

6.

L-Anness jinbidel bl-Anness ta' din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 3

Indirizzati

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-23 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2012/13 tat-18 ta' Lulju 2012 dwar TARGET2-Securities (ĠU L 215, 11.8.2012, p. 19).


ANNESS

ANNESS

GRUPP TA' UTENTI NAZZJONALI

MANDAT

1.   Għanijiet

1.1.

Il-Gruppi ta' Utenti Nazzjonali (NUGs — National Users Group) jiġbru flimkien fornituri u utenti ta' servizzi ta' saldu ta' titoli fi ħdan is-swieq nazzjonali tagħhom biex jiġu appoġġati l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tat-TARGET2-Securities (T2S). Huma joħolqu fora għall-involviment ta' parteċipanti fis-suq nazjonali fix-xogħol tal-Grupp Konsultattivi dwar Infrastrutturi tas-Suq għat-Titoli u l-Kollateral (iktar 'il quddiem l-‘AMI SeCo’) u jistabbilixxu n-ness formali bejn l-AMI SeCo u s-swieq nazzjonali. Huma jaġixxu kemm bħala mezz biex jinstemgħu l-fehmiet għall-Uffiċċju tal-Programm T2S kif ukoll bħala fornituri ta' kontribut lill-AMI SeCo fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha kkunsidrati mill-AMI SeCo. Bħala tali, huma jistgħu jissuġġerixxu wkoll kwistjonijiet għall-kunsiderazzjoni tal-AMI SeCo.

1.2.

In-NUGs jistgħu jkunu involuti fil-proċess tal-ġestjoni tal-bidla u tar-rilaxx u jistgħu jkollhom rwol importanti fil-valutazzjoni ta' talbiet bħal dawn fil-kuntest tal-operazzjoni tas-swieq nazzjonali. In-NUGs għandhom jadottaw il-prinċipju tat-T2S li jipprova jiġi evitat li jiġu inkorporati karatteristiċi specifiċi nazzjonali fit-T2S, u għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni b'mod attiv.

2.   Responsabbiltajiet u Kompiti

2.1.

In-NUGs fis-swieq li jipparteċipaw fit-T2S huma responsabbli għal:

(a)

valutazzjoni tal-impatt tal-funzjonalità tat-T2S, u partikolarment kull bidla fir-rekwiżiti tal-utent tat-T2S, fis-suq nazzjonali tagħhom. F'dan il-kuntest, għandha tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta għall-kunċett ta' ‘T2S effiċjenti’ li għandu l-għan li jevita karatteristiċi specifiċi nazzjonali u jippromwovi l-armonizzazzjoni;

(b)

jikkontribwixxu għall-kompiti ta' monitoraġġ u implimentazzjoni assoċjati mal-attivitajiet ta' armonizazzjoni tat-T2S appoġġati mill-AMI SeCo;

(c)

iġibu t-tħassib materjali tas-suq nazzjonali għall-attenzjoni tal-AMI SeCo;

(d)

ikabbru l-konsapevolezza tat-T2S fis-setturi kollha tal-komunità tat-titoli nazzjonali;

(e)

jappoggaw lill-membri tal-AMI SeCo li jirrappreżentaw il-komunità nazzjonali.

2.2.

Waqt illi jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom, in-NUGs igħandhom issegwu l-istandards għoljin ta' trasparenza illi huma element ewlieni tat-T2S.

2.3.

Għalkemm il-punt fokali ta' dan il-mandat huwa fuq is-swieq li jipparteċipaw fit-T2S, is-swieq li għadhom mhux qed jipparteċipaw fit-T2S huma milqugħin jistabbilixxu NUGs. Kwalunkwe suq bħal dan li jiddeċiedi li jistabbilixxi NUG, għandu jsegwi mandat simili sabiex iħejji s-suq tiegħu għall-parteċipazzjoni fit-T2S.

3.   Kompożizzjoni u Mandat

3.1.

In-NUGs jikkonsistu mill-President, is-Segretarju u l-membri.

3.2.

Il-President ta' NUG għandu preferibbilment ikun membru sħiħ jew osservatur tal-AMI SeCo. Dan ir-rwol tipikament jitwettaq minn uffiċjal anzjan tal-bank ċentrali nazzjonali rilevanti (BĊN). F'każ fejn il-BĊN rilevanti ma jipprovdix jew ma jinnominax lill-president tan-NUG, il-president għandu jiġi nnominat mill-President tal-AMI SeCo li għandu jfittex il-kunsens fost il-parteċipanti ewlenin fis-suq rilevanti. Jekk il-President tal-NUG ma jkunx membru tal-AMI SeCo, membru tal-AMI SeCo għandu jikkoordina bejn l-AMI SeCo u l-President tal-NUG biex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn l-AMI SeCo u n-NUG. Jekk l-ebda membru ta' NUG ma jkun irrappreżentat fl-AMI SeCo, in-NUG għandu jfittex kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarju tal-AMI SeCo sabiex ikun informat dwar l-iżvilippi tat-T2S.

3.3.

Is-segretarju ta' AMI SeCo jigi pprovdut mill-BĊN relevanti fil-pajjiżi taż-żona tal-euro; f'pajjiżi oħrajn is-Segretarju tan-NUG jinħatar mill-President tan-NUG u idealment għandu jkun ipprovdut mill-BĊN rispettiv. Is-segretarju huwa mistenni li jattendi laqgħat ta' informazzjoni regolari organizzati għal segretarji tan-NUG mill-Uffiċċju tal-Programm T2S permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG. Is-segretarji tan-NUG ta' swieq li ma jipparteċipawx fit-T2S jistgħu jipparteċipaw bħala mistednin fin-netwerk tal-esperti tan-NUG.

3.4.

Il-membri ta' NUG jinkludu l-membri u l-osservaturi tal-AMI SeCo relevanti (jew ir-rapprezentanti anzjani nnominat tagħhom, aċċettabbli għall-President tan-NUG) u persuni addizzjonali bil-kompetenza u r-reputazzjoni meħtieġa biex jirrappreżentaw fil-wisa' l-kategoriji kollha ta' utenti u fornituri fis-suq nazzjonali, inkluż esperti fuq kwistjonijiet ta' flus kontanti. Membri tan-NUG jistgħu għalhekk jinkludu depożitorji ċentrali ta' titoli (CSDs), sensara, banek, banek ta' investiment, kustodji, emittenti u/jew l-aġenti tagħhom, kontropartijiet ċentrali, uffiċċji tal-kambji u faċilitajiet għan-negozju multilaterali, il-BĊN relevanti, awtoritajiet regolatorji u l-assoċjazzjonijiet bankarji relevanti.

3.5.

Il-mandat tan-NUGs jiskadi fl-istess żmien bħall-mandat tal-AMI SeCo, jiġifieri bis-sostituzzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita b'kuntratt ġdid u/jew bit-terminazzjoni tal-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita mas-CSDs u banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro firmatarji kollha.

4.   Proceduri tax-Xogħol

4.1.

In-NUGs jittrattaw biss kwistjonijiet relevanti għat-T2S. Huma jiġu mistiedna biex attivament ifittxu li jiġu infurmati mill-Uffiċċju tal-Programm T2S fir-rigward ta' kwistjonijiet attwali, u jipprovdu fehmiet nazzjonali fil-ħin fuq kwistjonijiet mitlubin mis-Segretarju tal-AMI SeCo jew kif imqajmin min-NUG. L-Uffiċċju tal-Programm T2S jipprovdi regolarment informazzjoni lin-NUGs dwar is-swieq li jipparteċipaw fit-T2S u jorganizza laqghat ma' dawn is-segretarji tan-NUGs permezz tan-netwerk tal-esperti tan-NUG biex irawwem l-interazzjoni bejn in-NUGs u l-Uffiċċju tal-Programm T2S.

4.2.

In-NUGs għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex ikollhom laqgħat regolari allinjati mal-iskeda tal-laqghat tal-AMI SeCo, sabiex ikunu jistgħu joffru parir lill-membri nazzjonali tal-AMI SeCo. Madankollu, l-ebda membru tal-AMI SeCo ma huwa marbut b'dan il-parir. In-NUGs jistgħu jagħmlu wkoll sottomissjonijiet bil-miktub lill-AMI SeCo permezz tas-Segretarju tal-AMI SeCo u jistiednu membru tal-AMI SeCo biex jippreżenta l-fehma tiegħu.

4.3.

Is-Segretarju tan-NUG jimmira li jiċċirkola aġenda u d-dokumenti relevanti għad-diskussjoni f'laqgħa tan-NUG tal-anqas ħamest ijiem tan-negozju qabel il-laqgħa. Sommarji ta' laqgħa tan-NUG jiġu ppubblikati fuq il-websajt tat-T2S u, jekk jitqies xieraq, fuq il-websajt tal-BĊN rispettiv. Idealment il-pubblikazzjoni għandha ssir bl-Ingliż u, jekk meħtieġ, fil-lingwa nazzjonali relevanti fi żmien tliet ġimgħat minn kull laqgħa tan-NUG.

4.4.

Il-membri tan-NUGs għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tat-T2S. In-NUGs jippubblikaw wkoll indirizz tal-email għall-kuntatt man-NUG fuq il-websajt tat-T2S, sabiex il-parteċipanti fis-swieq nazzjonali jkunu jafu lil min għandhom jikkuntattjaw biex jesprimu l-fehmiet tagħhom.


Fuq