EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32018O0008

Linja Gwida (UE) 2018/323 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Frar 2018 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/7 dwar statistika fuq investimenti f'titoli (BĊE/2018/8)

ĠU L 62, 5.3.2018, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2018/323/oj

5.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 62/38


LINJA GWIDA (UE) 2018/323 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta' Frar 2018

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2013/7 dwar statistika fuq investimenti f'titoli (BĊE/2018/8)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 5.1, 12.1 u 14.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f'titoli (BĊE/2012/24) (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) ġie emendat biex: (i) jiċċara l-ambitu tal-aġenti li jirrapportaw dejta ta' grupp li jistgħu jiġu identitikati bħala parti mill-popolazzjoni attwali ta' rapportar mill-Kunsill Governattiv għall-finijiet ta' dak ir-Regolament, u (ii) biex jinkorpora l-possibilità illi dejta ta' grupp skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) tista' tiġi rrapportata direttament lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Linja Gwida BĊE/2013/7, tal-Bank Ċentrali Ewropew (3) teħtieġ li tiġi emendata biex tieħu kont ta' dawn il-bidliet peress illi tistabbilixxi l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) meta jirrapportaw lill-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24).

(2)

B'mod partikolari, l-Anness II li fih l-ittra tan-notifika tal-klassifikazzjoni bħala aġent li jirrapporta dejta ta' grupp bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) teħtieġ li tirrifletti l-ispeċifikazzjoni ulterjuri tal-kriterji użati mill-Kunsill Governattiv biex jikklassifika l-aġenti li jirrapportaw dejta ta' grupp.

(3)

Għalhekk, il-Linja Gwida BĊE/2013/7 għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida BĊE/2013/7 hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 3a, huwa miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Minkejja r-rekwiżit ta' rapportar speċifikat fil-paragrafu 1, BĊN jista' jiddeċiedi illi l-aġenti li jirrapportaw dejta ta' grupp.skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) għandhom jirrapportaw l-informazzjoni statistika speċifikata fil-Kapitolu 2 ta' Anness I ta' dak ir-Regolament lill-BĊE. F'dak il-każ, il-BĊN għandu jinforma lill-BĊE u lill-aġenti li jirrapportaw skont il-każ, u l-BĊE għandu jiddefinixxi u jimplimenta l-arranġamenti tar-rapportar li jridu jiġu segwiti mill-aġenti li jirrapportaw u jieħu f'idejh il-kompitu li jiġbor id-dejta meħtieġa direttament mill-aġenti li jirrapportaw.”;

2.

fl-Artikolu 4b, huwa miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Minkejja r-rekwiżit ta' rapportar speċifikat fil-paragrafu 1, BĊN jista' jiddeċiedi illi l-aġenti li jirrapportaw dejta ta' grupp.skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) għandhom jirrapportaw l-informazzjoni statistika speċifikata fil-Kapitolu 2 ta' Anness I ta' dak ir-Regolament lill-BĊE. F'dak il-każ, il-BĊN għandu jinforma lill-BĊE u lill-aġenti li jirrapportaw skont il-każ, u l-BĊE għandu jiddefinixxi u jimplimenta l-arranġamenti tar-rapportar li jridu jiġu segwiti mill-aġenti li jirrapportaw u jieħu f'idejh il-kompitu li jiġbor id-dejta meħtieġa direttament mill-aġenti li jirrapportaw.”;

3.

L-Anness II huwa sostitwit bl-Anness ta' din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

Din il-Linja Gwida għandha ssir effettiva fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-22 ta' Frar 2018.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6.

(3)  Linja Gwida BĊE/2013/7 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Marzu 2013 dwar statistika fuq investimenti f'titoli (ĠU L 125, 7.5.2013, p. 17).


ANNESS

L-Anness II għal-Linja Gwida BĊE/2013/7 huwa sostitwit minn dan li ġej:

ANNESS II

ITTRA TA' NOTIFIKA LILL-AĠENTI LI JIRRAPPORTAW DEJTA TA' GRUPP

Notifika tal-klassifikazzjoni bħala aġent li jirrapporta dejta ta' grupp skont ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24).

[Għażiż/a Sinjur/Sinjura]

Permezz tal-preżenti qegħdin ninnotifikawk, f'isem il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li [isem legali tal-aġenti li jirrapportaw tad-dejta] ġie kklassifikat mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE bħala aġent li jirrapporta dejta ta' grupp għall-finijiet ta' statistika, skont l-Artikoli 2(1)(b) u 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24).

L-obbligi tar-rapportar ta' [isem legali tal-aġent li jirrapporta tad-dejta tal-grupp] bħala l-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp huma stabbiliti fl-Artikolu 3a tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24).

Raġunijiet għall-klassifikazzjoni bħala “aġenti li jirrapporta dejta ta' grupp”

Il-Kunsill Governattiv iddetermina li [isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] jikkwalifika bħala l-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp skont il-kriterji li ġejjin, taħt ir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24):

(a)

[isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] huwa kap ta' grupp bankarju, kif iddefinit fl-Artikolu 1(10), u msemmi fl-Artikolu 2(1)(b)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) jew huwa istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti li ma hijiex parti minn grupp bankarju (iktar 'il quddiem “entità”), skont l-Artikolu 2(1)(b)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24);

(b)

[isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] jilhaq il-kriterji li ġejjin [daħħal il-kriterji rilevanti li l-kap tal-grupp bankarju jew entità notifikati jissodisfaw biex jikkwalifikaw bħala aġent li jirrapoorta dejta ta' grupp, kif deċiż mill-Kunsill Governattiv]:

(i)

il-valur tal-assi totali tal-karta tal-bilanċ tal-grupp bankarju ta' [l-isem legali tal-aġent tar-rapportar ta' dejta ta' grupp]; jew l-assi totali tal-karta tal-bilanċ ta' [l-isem legali tal-aġent tar-rapportar ta' dejta ta' grupp] huma aktar minn 0,5 % tal-assi totali tal-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-gruppi bankarji tal-Unjoni Ewropea, skont id-dejta l-iktar riċenti disponibbli għall-BĊE, jiġifieri (a) dejta b'referenza għall-aħħar ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tippreċedi meta ntbagħtet din l-ittra ta' notifika; jew (b) jekk id-dejta taħt (a) mhijiex disponibbli, dejta b'referenza għall-aħħar ta' Diċembru tas-sena preċedenti];

(ii)

[il-grupp bankarju jew entità huwa importanti għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fiż-żona tal-euro għar-raġuni li ġejja: [żid hawnhekk il-ġustifikazzjoni li tagħmel il-grupp bankarju jew entità importanti għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fiż-żona tal-euro, eż.:

il-grupp bankarju jew entità huma interkonnessi mill-qrib u b'mod estensiv ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra fiż-żona tal-euro;

il-grupp bankarju jew entità għandhom attività transkonfinali qawwija u estensiva;

l-attività tal-grupp bankarju jew entità hija fil-parti l-kbira tagħha kkonċentrata fuq settur wieħed tan-negozju bankarju taż-żona tal-euro, li għalih tirrappreżenta parteċipant ewlieni;

il-grupp bankarju jew entità għandhom struttura korporattiva kumplessa li tmur lil hinn mit-territorju domestiku;

il-grupp bankarju jew entità huwa superviżjonat direttament mill-BĊE;]

(iii)

[il-grupp bankarju jew entità huma importanti għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fi [Stati Membri relevanti fiż-żona tal-euro] għar-raġuni li ġejja: [żid hawnhekk il-ġustifikazzjoni li tagħmel lill-grupp bankarju jew lill-entità importanti għall-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri relevanti taż-żona tal-euro, eż:

il-grupp bankarju jew entità huma interkonnessi mill-qrib u b'mod estensiv ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħra fit-territorju domestiku;

l-attività tal-grupp bankarju jew entità hija fil-parti l-kbira kkonċentrata fi [speċifika s-settur tan-negozju bankarju], li fih huma parteċipanti ewlenin domestiċi;

il-grupp bankarju jew entità huma superviżjonati direttament mill-BĊE.]

Sors ta' informazzjoni li jappoġġja l-klassifikazzjoni bħala “aġent li jirrapporta dejta ta' grupp”

Il-BĊE jjikkalkula l-assi totali tal-karta tal-bilanċ tal-entitajiet jew gruppi bankarji tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi ta' informazzjoni miġbura mill-banek ċentrali nazzjonali fuq il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-gruppi bankarji fl-Istat Membru rilevanti, ikkalkulat skont l-Artikoli 18(1), 18(4), 18(8), 19(1), 19(3) u l-Artikolu 23 of Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

[Fejn meħtieġ, għandhom jiġu inklużi hawnhekk iktar spjegazzjonijiet tal-metodoloġija applikata għal kwalunkwe kriterji ta' inklużjoni addizzjonali miftiehma mill-Kunsill Governattiv.]

Oġġezzjonijiet u Rieżami mill-Kunsill Governattiv

Kwalunkwe talba għal rieżami mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-klassifikazzjoni ta' [isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] bħala aġent li jirrapporta dejta ta' grupp bħala riżultat tal-ġustifikazzjonijiet msemmijin iktar 'il fuq għandha tiġi indirizzata lil [daħħal l-isem u l-indirizz tal-BĊN] fi żmien 15-il jum tax-xogħol tal-BĊE minn meta tiġi rċevuta din l-ittra. [Isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] għandu jinkludi r-raġunijiet għal din it-talba u kull informazzjoni ta' sostenn.

Data tal-bidu tal-obbligi ta' rapportar

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe oġġezzjoni, [isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] għandu jirrapporta informazzjoni statistika skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) sa [daħħal id-data tal-bidu tar-rapportar, jiġifieri mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tintbagħat l-ittra].

Tibdil fl-istatus tal-entità nnotifikata

Inti mitlub tinforma lil [isem il-BĊN li qed jinnotifika] bi kwalunkwe bidla fl-isem jew forma legali, fużjoni, ristrutturar u kwalunkwe avvemiment jew ċirkustanza oħra f' [isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] li jistgħu jaffettwaw l-obbligi ta' rapportar ta' [isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp], fi żmien 10 ijiem tax-xogħol tal-BĊE minn dak l-avveniment.

Minkejja li jkun seħħ dak l-avveniment, [isem legali tal-aġent li jirrapporta dejta ta' grupp] jibqa' suġġett għall-obbligi ta' rapportar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) sakemm ninnotifikawk mod ieħor f'isem il-BĊE.

Dejjem tiegħek

[firma]


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Fuq