EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32019D0025(01)

Deċiżjoni (UE) 2019/1349 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Lulju 2019 dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju minn awtorità kompetenti ta' ċerti setgħat fir-rigward ta' sorveljanza ta' sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2019/25)

ĠU L 214, 16.8.2019, p. 16–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 25/05/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1349/oj

16.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/16


DEĊIŻJONI (UE) 2019/1349 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta' Lulju 2019

dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju minn awtorità kompetenti ta' ċerti setgħat fir-rigward ta' sorveljanza ta' sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2019/25)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 3.1, l-Artikolu 22 u l-ewwel inċiż tal-Artiklu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 795/2014 tat-3 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-raba' inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat u r-raba' inċiż tal-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jagħti s-setgħa lill-Eurosistema sabiex tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas.

(2)

L-Eurosistema tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta' ħlas, inter alia, billi twettaq sorveljanza.

(3)

F'April 2012, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Ħlas u Saldu (CPSS) tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali u l-Kumitat Tekniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) flimkien ippubblikaw il-Prinċipji għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju (minn hawn 'il quddiem “il-prinċipji tas-CPSS-IOSCO”) (2). Il-Kumitat dwar il-Ħlasijiet u l-Infrastrutturi tas-Suq, is-suċċessur tas-CPSS, u l-IOSCO sussegwentement ippubblikaw flimkien gwida fuq dawn il-prinċipji.

(4)

Skont il-prinċipji tas-CPSS-IOSCO, sistema ta' ħlas sistemikament importanti (SIPS) għandha tkun soġġetta għal sorveljanza effettiva fuq bażi ta' kriterji definiti b'mod ċar u divulgati pubblikament minħabba l-potenzjal tagħha li tqanqal riskji sistemiċi jekk tiġi protetta b'mod insuffiċjenti kontra r-riskji li għalihom jiġu esposti. Barra minn hekk, il-prinċipji tas-CPSS-IOSCO jistabbilixxu aspettattivi ta' sorveljanza speċifiċi għal fornituri ta' servizzi kritiċi li fuqhom jiddependi l-funzjonament kontinwu u adegwat tal-infrastruttura tas-suq. Barra minn dan, il-prinċipji tas-CPSS-IOSCO jiddikjaraw li l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom biżżejjed setgħat u riżorsi biex iwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom, inkluż is-setgħa li jieħdu azzjoni korrettiva.

(5)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) implimenta l-prinċipji CPSS-IOSCO u gwida sussegwenti sa fejn dawn jirrelataw ma' SIPS skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

(6)

Biex jiżgura l-applikazzjoni tal-ogħla standards ta' sorveljanza, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), il-Kunsill Governattiv irreveda dak ir-Regolament biex jivvaluta jekk kienx jeħtieġ li jiġi emendat u sussegwentement adotta r-Regolament (UE) 2017/2094 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/32) (3), li kkumplimenta s-setgħa ta' awtorità kompetenti li tikseb informazzjoni u dokumenti minn operatur ta' SIPS skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) b'għodod addizzjonali.

(7)

Għaldaqstant, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jagħti s-setgħa lill-awtorità kompetenti biex tikseb informazzjoni u dokumenti minn operatur ta' SIPS, tirrikjedi operatur ta' SIPS li jaħtar espert indipendenti biex iwettaq investigazzjoni jew rieżami indipendenti dwar l-operat tas-SIPS u jagħmel spezzjonijiet fil-post jew jiddelega t-twettiq tiegħu.

(8)

Barra minn hekk, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jeħtieġ li l-BĊE jadotta deċiżjoni dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 21(1).

(9)

Biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' partijiet terzi jiġu rispettati, awtorità kompetenti għandha teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) skont, u soġġett għal, il-prinċipji ġenerali ta' proporzjonalità, trattament ugwali, effettività, effiċjenza, trasparenza u proċess ġust proċedurali. Barra minn dan, sabiex ikun hemm konformità ma' dawn il-prinċipji, deċiżjoni biex jiġu eżerċitati s-setgħat ta' sorveljanza stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) għandu jkollha kontenut minimu predefinit u tiġi nnotifikata lill-operatur ta' SIPS qabel ma tiġi eżerċitata kwalunkwe setgħa ta' sorveljanza.

(10)

Deċiżjoni formali mhijiex meħtieġa biex tiġi eżerċitata s-setgħa li tinkiseb informazzjoni jew dokumenti, li tista' tiġi eżerċitata mill-awtorità kompetenti skont il-ħtiġijiet tagħha ta' sorveljanza, jiġifieri li tiġi vverifikata l-konformità mar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) u li tiffaċilita l-għan usa' tal-promozzjoni tal-operat bla xkiel ta' sistemi ta' pagament f'livell sistemiku.

(11)

Għall-finijiet ta' sorveljanza effettiva, huwa importanti li l-awtorità kompetenti tkun tista' timponi rekwiżiti li jikkonċernaw it-tip ta' espert indipendenti li għandu jinħatar, il-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport li għandu jiġi prodott, it-trattament tar-rapport, inklużi l-iżvelar u l-pubblikazzjoni, u l-għażla tal-ħin għall-produzzjoni tar-rapport.

(12)

Il-ħatra ta' espert indipendenti biex jagħmel investigazzjoni jew rieżami indipendenti tas-SIPS għandha tevita kwalunkwe kunflitt ta' interess u tirrispetta ċerti rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-espert indipendenti jkollu l-kwalifiki, il-kapaċità u l-għarfien meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

(13)

L-operatur ta' SIPS jista' jesternalizza funzjonijiet ewlenin relatati mal-ikklirjar u s-saldu ta' tranżazzjonijiet lil fornituri ta' servizzi kritiċi. Meta dawn il-funzjonijiet ma jitwettqux mill-operatur ta' SIPS innifsu iżda minn fornitur ta' servizzi kritiċi, huwa importanti li l-awtorità kompetenti tkun tista' teżerċita s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) bl-istess mod u sal-istess punt bħal fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi kritiċi bħall-operatur ta' SIPS. Sabiex dan ikun jista' jsir, huwa essenzjali li l-operatur ta' SIPS jinkludi klawżoli fl-arranġamenti kuntrattwali tiegħu mal-fornituri ta' servizzi kritiċi tiegħu li jippermettu l-kondiviżjoni ta' informazzjoni, dokumenti u spjegazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm bejn ir-rappreżentanti jew il-membri tal-persunal tal-fornitur ta' servizzi kritiċi u l-awtorità kompetenti, l-espert indipendenti u t-tim ta' spezzjoni fuq il-post, skont il-każ, u għat-twettiq ta' spezzjonijiet fuq il-post fil-post fejn jinsab il-fornitur ta' servizzi kritiċi.

(14)

Sabiex jiġu ttrattati b'mod effiċjenti sitwazzjonijiet ta' emerġenza, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-possibbiltà li jneħħu ċerti rekwiżiti relatati mal-eżerċitar tas-setgħat tagħhom fuq bażi ta' każ b'każ fil-każijiet limitati u soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

It-termini użati f'din id-Deċiżjoni għandhom l-istess tifsira bħal dawk iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) u d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“espert indipendenti” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li ma għandha l-ebda relazzjoni li tqajjem kunflitt ta' interess rigward is-SIPS jew l-operatur ta' SIPS jew l-azzjonisti li jikkontrollawha u għandha għarfien espert speċifiku fit-tmexxija ta' investigazzjonijiet u reviżjonijiet tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji b'enfasi fuq ir-regolamentazzjoni finanzjarja, sistemi ta' informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, il-ġestjoni tar-riskju, ir-rappurtar finanzjarju jew l-awditjar;

(2)

“rieżami indipendenti” tfisser evalwazzjoni tal-operazzjoni ta' SIPS li l-għan tagħha huwa li tipprovdi: għarfien dwar kwalunkwe riskju u vulnerabbilità; assigurazzjoni dwar il-progress li sar minn operatur ta' SIPS li jnaqqas kwalunkwe riskju u vulnerabbiltà; u l-validazzjoni tal-effettività tal-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli ta' operatur ta' SIPS li jnaqqsu kwalunkwe riskju u vulnerabbiltà;

(3)

“investigazzjoni” tfisser eżami u analiżi ta' fatti, dokumenti, informazzjoni u avvenimenti, u interpretazzjoni tas-sejbiet tagħhom, bl-użu ta' metodi investigattivi magħrufa u użati normalment;

(4)

“spezzjoni fuq il-post” tfisser eżami li jsir fil-post tal-operatur ta' SIPS jew f'post relevanti relatat mal-attivitajiet ta' operatur ta' SIPS, inkluż fil-post ta' fornitur ta' servizzi kritiċi sakemm l-arranġamenti kuntrattwali bejn l-operatur ta' SIPS u dak il-fornitur ta' servizzi kritiċi jippermettu tali spezzjoni, li l-għan tiegħu huwa li jipprovdi analiżi fil-fond ta', fost affarijiet oħra, mudelli ta' negozju jew governanza, riskji differenti u sistemi ta' kontroll intern;

(5)

“tim ta' spezzjoni fuq il-post” tfisser grupp ta' esperti mill-awtorità kompetenti jew id-delegat tagħha jew, skont il-każ, bank ċentrali ieħor tal-Eurosistema, immexxi minn kap ta' tim, li l-għan tiegħu huwa li jwettaq spezzjoni fuq il-post;

(6)

“fornitur ta' servizzi kritiċi” tfisser fornitur ta' servizz li jkollu arranġament kuntrattwali dirett ma' operatur ta' SIPS biex jipprovdi, fuq bażi kontinwa, servizzi lil dak l-operatur ta' SIPS, u potenzjalment lill-parteċipanti fis-SIPS, li huma essenzjali għall-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-integrità u d-disponibbiltà tas-servizz, kif ukoll il-funzjonament bla xkiel tal-operazzjonijiet ewlenin tas-SIPS;

(7)

“awtorità oħra” tfisser awtorità responsabbli għas-sorveljanza ta' SIPS, minbarra l-awtorità kompetenti jew il-banek ċentrali li jissorveljaw jew jissorveljaw il-fornituri ta' servizzi kritiċi ta' SIPS, li lilhom tista' tiġi ddelegata s-setgħa li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-proċedura li awtorità kompetenti għandha ssegwi u l-kondizzjonijiet li għandha tikkonforma magħhom fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

2.   Meta teżerċita s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), awtorità kompetenti għandha:

(a)

tikkunsidra l-għanijiet tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) u l-applikabbiltà tagħhom għaċ-ċirkostanzi tal-każ u jeżerċitaw biss tali setgħat li huma proporzjonali għal dawk l-għanijiet u ċ-ċirkostanza tal-każ sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż mhux meħtieġ fuq operatur ta' SIPS;

(b)

jew tapplika l-istess rekwiżiti b'mod konsistenti għal operaturi ta' SIPS simili jew tiġġustifika it-trattament differenti ta' operaturi tas-SIPS.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil operatur ta' SIPS bil-miktub dwar id-deċiżjoni tagħha li teżerċita waħda mis-setgħat stabbiliti fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

4.   Id-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tistabbilixxi dan li ġej:

(a)

il-bażi legali tagħha u dikjarazzjoni tar-raġunijiet;

(b)

is-setgħa li tiġi eżerċitata;

(c)

kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stipulat fl-Artikoli 4 sa 7 skont is-setgħa li għandha tiġi eżerċitata;

(d)

jekk is-setgħa li għandha tiġi eżerċitata hija s-setgħa li tagħmel spezzjonijiet fuq il-post u n-notifika bil-miktub lill-operatur ta' SIPS ikkonċernat titħalla barra skont l-Artikolu 11, ir-raġunijiet biex wieħed jipproċedi mingħajr ma l-operatur ta' SIPS ikun infurmat minn qabel;

(e)

ir-raġunijiet li għalihom l-operatur ta' SIPS jista' jikkontesta d-deċiżjoni.

5.   L-espert indipendenti jew it-tim ta' spezzjoni fuq il-post, kif applikabbli, għandu jkollhom is-setgħat li ġejjin:

(a)

id-dritt li jitolbu l-preżentazzjoni ta' informazzjoni u dokumenti skont l-Artikolu 3;

(b)

id-dritt li jeżaminaw il-kotba u r-reġistri tal-operatur ta' SIPS u jieħdu kopji jew estratti minn tali kotba u reġistri, inkluż dawk relatati ma' servizzi mwettqa minn fornituri ta' servizzi kritiċi tas-SIPS sakemm jippermettu l-arranġamenti kuntrattwali rispettivi bejn l-operatur ta' SIPS u fornitur ta' servizzi kritiċi;

(c)

id-dritt li jinkisbu spjegazzjonijiet bil-miktub jew bil-fomm minn kull rappreżentant jew membru tal-persunal tal-operatur ta' SIPS jew il-fornituri ta' servizzi kritiċi tiegħu (f'dan l-aħħar każ biss sa fejn l-arranġamenti kuntrattwali rispettivi bejn l-operatur ta' SIPS u fornitur ta' servizzi kritiku jippermettu u fir-rigward tas-servizzi pprovduti minn dak il-fornitur ta' servizzi kritiċi lis-SIPS);

(d)

jintervista kull persuna oħra li hija legalment jew kuntrattwalment obbligata li tipprovdi informazzjoni għall-fini ta' ġbir ta' informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni, rieżami indipendenti jew spezzjoni fuq il-post.

6.   Mal-konklużjoni ta' investigazzjoni jew reviżjoni indipendenti, l-espert indipendenti għandu jipprovdi l-abbozz tar-rapport tiegħu lill-operatur tas-SIPS u l-awtorità kompetenti u sussegwentement ir-rapport finali tiegħu lill-awtorità kompetenti fil-format u l-istruttura speċifikati minn dan tal-aħħar. L-espert indipendenti għandu jiżgura li s-sejbiet kollha fir-rapport huma bbażati fuq l-evidenza u, sa fejn jaf u jemmen hu, huma preċiżi.

7.   Mal-konklużjoni ta' spezzjoni fuq il-post, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-abbozz ta' rapport tagħha lill-operatur tas-SIPS.

8.   L-operatur ta' SIPS għandu jkollu l-opportunità li jikkummenta bil-miktub dwar abbozz ta' rapport ipprovdut minn espert indipendenti jew l-awtorità kompetenti. Il-bord ta' ġestjoni tal-operatur ta' SIPS għandu japprova u jiffirma r-rapport finali qabel ma jissottomettih jew jirritornah lill-awtorità kompetenti jew lill-espert indipendenti, kif applikabbli.

9.   L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha fir-rigward tax-xogħol tagħhom b'rabta mal-investigazzjonijiet, ir-rieżamijiet indipendenti jew l-ispezzjonijiet fuq il-post. L-informazzjoni kollha skambjata skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali, ħlief meta l-iżvelar tagħha jkun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali.

10.   Is-sejbiet li jirriżultaw mill-investigazzjonijiet, ir-rieżamijiet indipendenti jew l-ispezzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) jistgħu jiġu ppubblikati mill-awtorità kompetenti jew f'livell ta' dettall li ma jidentifikax sistema individwali jew operatur, jew inkella, bil-kunsens tal-operatur tas-SIPS.

Artikolu 3

Eżerċizzju tas-setgħa ta' awtorità kompetenti biex tikseb informazzjoni u dokumenti

1.   L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li operatur ta' SIPS jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa għat-twettiq effiċjenti u effettiv tal-funzjonijiet ta' sorveljanza mogħtija lilha mir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), inkluż informazzjoni u dokumenti li għandhom jiġu pprovduti f'intervalli rikorrenti u f'formati speċifikati għal skopijiet ta' sorveljanza.

2.   Meta operatur ta' SIPS jintalab jipprovdi informazzjoni u dokumenti skont il-punt (a) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni jew id-dokument li għandu jiġi pprovdut;

(b)

il-format ta', u l-proċess għall-għoti ta', l-informazzjoni jew id-dokument;

(c)

il-limitu ta' żmien għall-forniment tal-informazzjoni jew tad-dokument u, jekk applikabbli, l-intervalli li fihom għandu jiġi pprovdut, mingħajr preġudizzju għall-obbligu ġenerali ta' operatur ta' SIPS li jwieġeb mingħajr dewmien żejjed.

3.   L-operatur ta' SIPS għandu jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokument sal-iskadenza u, jekk applikabbli, fl-intervalli mitluba sakemm ma jkunx jista' jipprovdi evidenza lill-awtorità kompetenti li tapplika waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni jew id-dokument ma jkunux disponibbli minnufih;

(b)

l-informazzjoni jew id-dokument ma jkunux biss proprjetà tal-operatur ta' SIPS, jew ma jirrigwardawx biss l-attività tiegħu, u għalhekk għandu jinkiseb il-kunsens minn parti terza għall-għoti ta' dik l-informazzjoni jew dak id-dokument lill-awtorità kompetenti.

Jekk l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta bl-evidenza li tapplika waħda miċ-ċirkostanzi, tista' tagħti lill-operatur ta' SIPS żmien addizzjonali biex jipprovdi l-informazzjoni jew id-dokument rilevanti.

4.   L-operatur ta' SIPS u l-persunal tiegħu ma għandhomx ikunu eżentati milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni li jipprovdu informazzjoni jew dokumenti għal raġunijiet ta' segretezza professjonali.

5.   L-operatur ta' SIPS għandu jinkludi klawżoli fl-arranġamenti kuntrattwali tiegħu ma' partijiet terzi, inkluż ma' fornituri ta' servizzi kritiċi, li jippermettu l-kondiviżjoni ta' informazzjoni u dokumenti mal-awtorità kompetenti, mal-espert indipendenti u mat-tim ta' spezzjoni fuq il-post fir-rigward tas-servizz ipprovdut minn dawn il-partijiet terzi lis-SIPS.

Artikolu 4

Eżerċitar tas-setgħa ta' awtorità kompetenti li teħtieġ il-ħatra ta' espert indipendenti

1.   L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li l-operatur ta' SIPS jaħtar espert indipendenti biex iwettaq jew investigazzjoni skont l-Artikolu 5 jew reviżjoni indipendenti skont l-Artikolu 6. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil operatur ta' SIPS bid-deċiżjoni tagħha li l-operatur ta' SIPS għandu jaħtar espert indipendenti skont l-Artikolu 2(4). L-operatur ta' SIPS għandu jħallas l-ispejjeż kollha relatati mal-ħatra ta' espert indipendenti.

2.   Meta jinħatar espert indipendenti, l-operatur ta' SIPS għandu jikkonsulta mal-fornitur ta' servizzi kritiku tiegħu fejn rilevanti.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li d-deċiżjoni li biha titlob lill-operatur tas-SIPS li jaħtar espert indipendenti għandha tinkludi tal-anqas ir-rekwiżiti u l-informazzjoni li ġejjin:

(a)

li l-espert indipendenti li għandu jinħatar mill-operatur ta' SIPS ma kienx involut direttament jew indirettament fl-aħħar sentejn fl-operat jew fis-sorveljanza tas-SIPS rilevanti, u għandu l-għarfien espert speċifiku meħtieġ għall-finijiet tal-investigazzjonijiet u r-reviżjonijiet indipendenti, inkluż, pereżempju, kompetenza fl-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, ir-regolamentazzjoni finanzjarja, is-sistemi ta' informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, il-ġestjoni tar-riskju, ir-rappurtar finanzjarju jew l-awditjar;

(b)

dettalji dwar ir-rwol, id-dmirijiet, is-setgħat u l-qasam meħtieġ ta' kompetenza, ħila u għarfien tal-espert indipendenti;

(c)

li l-operatur ta' SIPS jiżgura li l-espert indipendenti jkollu l-kwalifiki, il-kapaċità u l-għarfien meħtieġa u jwettaq il-funzjonijiet tiegħu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta' interess u f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5 sa 7 ta' dan l-Artikolu;

(d)

l-iskadenza sa meta għandu jinħatar l-espert indipendenti;

(e)

li l-operatur ta' SIPS jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kif ir-rekwiżiti imposti mill-awtorità kompetenti ġew issodisfati u jipprovdi kwalunkwe gwida rilevanti f'dan ir-rigward;

(f)

li l-operatur ta' SIPS jipprovdi d-dettalji ta' kuntatt tal-espert indipendenti għall-finijiet tal-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu.

4.   Id-Deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti teħtieġ lill-operatur ta' SIPS li jaħtar espert indipendenti jista' jkun fiha rekwiżiti flimkien ma' dawk stabbiliti fil-paragrafu 3 hawn fuq. L-operatur ta' SIPS għandu jehmeż id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti teħtieġ li taħtar espert indipendenti għall-arranġament kuntrattwali tagħha mal-espert indipendenti.

5.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, espert indipendenti għandu jkollu s-setgħat kollha msemmija fl-Artikolu 6(3).

6.   L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li l-espert indipendenti maħtur biex iwettaq investigazzjoni jew rieżami indipendenti jkollu l-kwalifiki minimi li ġejjin:

(a)

grad universitarju komplut jew livell ekwivalenti ta' kwalifika; jew

(b)

ċertifikat jew diploma mogħtija jew rikonoxxuti minn Stat Membru ta' kompetenza professjonali tal-UE f'wieħed mill-oqsma fejn l-espert indipendenti huwa meħtieġ li jkollu għarfien espert għall-finijiet tal-investigazzjoni jew rieżami indipendenti.

7.   Fejn meħtieġ biex tiġi żgurata esperjenza prattika flimkien mal-kwalifiki meħtieġa skont il-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti tista' teħtieġ ukoll li l-operatur ta' SIPS jiżgura li l-espert indipendenti jkollu esperjenza (preferibbilment ta' 3 snin jew aktar) fit-twettiq ta' investigazzjonijiet simili jew ta' reviżjonijiet indipendenti jew eżamijiet ekwivalenti għal ditti fi ħdan is-settur finanzjarju. Madankollu, qabel ma timponi kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għal esperjenza prattika, l-awtorità kompetenti għandha tqis in-novità potenzjali tal-investigazzjoni jew tar-reviżjoni indipendenti u tar-restrizzjonijiet għal esperti futuri potenzjali li dawk ir-rekwiżiti addizzjonali jistgħu jimponu. L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li l-espert indipendenti jkun suġġett għal prinċipji ta' etika professjonali, li jkopru mill-inqas il-funzjoni ta' interess pubbliku, l-integrità u l-oġġettività tiegħu u l-kompetenza professjonali u l-attenzjoni meħtieġa tiegħu.

8.   Meta jiġi rreklutat l-espert indipendenti, l-operatur ta' SIPS għandu jeħtieġ prova suffiċjenti tal-kwalifiki u l-esperjenza msemmija fil-paragrafi 6 u 7. Huwa għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bl-identità tal-espert indipendenti magħżul u, jekk l-awtorità kompetenti titlob dan, dwar kif il-ħatra tal-espert indipendenti tkun konformi mar-rekwiżiti fil-paragrafi 6 u 7. L-awtorità kompetenti għandha żżomm id-dritt li tirrikjedi li l-operatur ta' SIPS jaħtar espert indipendenti differenti, jekk tqis li r-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni jew fid-deċiżjoni li teħtieġ il-ħatra ta' espert indipendenti ma jiġux issodisfati mill-espert indipendenti magħżul mill-operatur tas-SIPS.

9.   Sakemm ma jkunx speċifikat mill-awtorità kompetenti, l-operatur ta' SIPS jista' jiftiehem mal-espert indipendenti dwar il-ħin eżatt għall-bidu u t-tul tal-investigazzjoni jew rieżami indipendenti, skont l-ambitu pprovdut mill-awtorità kompetenti, inkluż f'dawk il-każijiet fejn l-awtorità kompetenti titlob li perjodikament isir rieżami indipendenti.

10.   L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li l-espert indipendenti jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tar-reviżjoni indipendenti skont l-Artikoli 5 u 6 matul il-perjodu kollu tal-investigazzjoni jew rieżami indipendenti. Fir-rigward tal-punt (c) tal-Artikolu 2(5), l-operatur ta' SIPS għandu jinkludi klawżoli fl-arranġamenti kuntrattwali tiegħu mal-fornituri ta' servizzi kritiċi tiegħu li jippermettu li l-espert indipendenti jkollu aċċess għall-ispjegazzjonijiet tar-rappreżentanti jew membri tal-persunal tal-fornituri ta' servizzi kritiċi u għat-trażmissjoni ta' informazzjoni lill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja l-fornitur ta' servizzi kritiċi skont l-Artikolu 9(4).

11.   L-operatur ta' SIPS għandu jippermetti lill-espert indipendenti jwettaq investigazzjonijiet jew rieżamijiet indipendenti fil-bini tal-operatur ta' SIPS, kull meta l-awtorità kompetenti tivvaluta li dan se jikseb it-tmexxija effiċjenti u effettiva tal-investigazzjonijiet jew rieżamijiet indipendenti.

12.   L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li l-arranġamenti kuntrattwali għall-forniment tas-servizzi tal-espert indipendenti fir-rigward tat-twettiq ta' investigazzjonijiet jew rieżamijiet indipendenti jipprovdu għall-obbligu tal-espert indipendenti biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti dwar is-sejbiet wara d-data tat-tmiem biex jitwettqu r-rieżami indipendenti jew li l-investigazzjoni tkun skadiet.

13.   L-awtorità kompetenti tista' tikkomunika mal-espert indipendenti direttament billi tagħti avviż bil-quddiem lill-operatur tas-SIPS.

Artikolu 5

Eżerċitar tas-setgħa ta' awtorità kompetenti li teħtieġ it-twettiq ta' investigazzjoni

L-awtorità kompetenti tista' titlob lill-operatur tas-SIPS biex jaħtar espert indipendenti skont l-Artikolu 4 sabiex iwettaq investigazzjoni, jekk tqis li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

Artikolu 6

Eżerċitar tas-setgħa ta' awtorità kompetenti li teħtieġ li jsir rieżami indipendenti

1.   L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li l-operatur ta' SIPS jaħtar espert indipendenti skont l-Artikolu 4 biex iwettaq rieżami indipendenti, jekk tqis li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

2.   L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ li jsir rieżami indipendenti fuq bażi ta' darba waħda biss jew, f'każijiet eċċezzjonali, f'intervalli perjodiċi f'ambitu predefinit, b'rabta ma' raġunijiet operazzjonali, ta' sigurtà, ta' ġestjoni tar-riskju, ta' negozju jew legali. Jekk l-awtorità kompetenti teħtieġ rieżami indipendenti f'intervalli perjodiċi, hija għandha tispeċifika u tiġġustifika l-frekwenza ta' dawk l-intervalli u l-ambitu ta' tali rieżami indipendenti kif ukoll id-data tat-tmiem tiegħu.

3.   L-ambitu tar-rieżami indipendenti jista' jkopri kwistjoni waħda jew aktar, magħżula mill-awtorità kompetenti abbażi ta' ġustifikazzjoni xierqa. L-espert indipendenti għandu jkollu s-setgħa li jiġbor kwalunkwe informazzjoni mis-SIPS li jqis li hija meħtieġa biex jipprovdi fehim komprensiv tal-kwistjoni jew kwistjonijiet fl-ambitu tar-rieżami indipendenti.

Artikolu 7

Eżerċitar tas-setgħa ta' awtorità kompetenti biex twettaq spezzjonijiet fuq il-post

1.   L-awtorità kompetenti tista' twettaq spezzjoni fuq il-post, jew tiddelega t-twettiq ta' spezzjonijiet fuq il-post lil awtorità oħra skont l-Artikolu 8, jekk tqis li dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28).

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4) ta' din id-Deċiżjoni, meta l-awtorità kompetenti teżerċita s-setgħa li twettaq spezzjonijiet fuq il-post, id-deċiżjoni ta' spezzjoni għandha mill-inqas tispeċifika:

(a)

is-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni fuq il-post; u

(b)

il-fatt li kull xkiel għall-investigazzjoni fuq il-post mill-persuna ġuridika li suġġetta għaliha għandu jikkostitwixxi ksur tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28), mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-persuna ġuridika li tkun suġġetta għal spezzjoni fuq il-post bid-deċiżjoni, bl-identità tal-membri tat-tim ta' spezzjoni fuq il-post, ta' mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tal-ispezzjoni fuq il-post.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-ispezzjoni fuq il-post titwettaq f'ambitu predefinit u f'perjodu ta' żmien li hija tiddetermina f'kooperazzjoni mal-entità soġġetta għal spezzjoni fuq il-post. Madankollu, jekk tqis li jkun meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista' testendi l-ambitu u l-iskeda ta' żmien tal-ispezzjoni fuq il-post matul l-ispezzjoni permezz ta' deċiżjoni riveduta, li għandha tiġi nnotifikata lill-entità soġġetta għal spezzjoni fuq il-post.

5.   L-operatur ta' SIPS għandu jinkludi klawżoli fl-arranġamenti kuntrattwali tiegħu ma' fornituri ta' servizzi kritiċi, li jippermettu li l-ispezzjoni fuq il-post issir ukoll fil-post tal-fornitur ta' servizzi kritiċi. Tali klawżoli għandhom jippermettu lill-awtorità kompetenti biex tinvolvi lill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja lill-fornitur ta' servizzi kritiċi fil-proċess ta' spezzjoni fuq il-post, inkluż għall-iskambju ta' informazzjoni rilevanti. L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li dawk l-arranġamenti kuntrattwali jippermettu wkoll li l-awtorità kompetenti jkollha aċċess għal spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali ta' rappreżentanti jew membri tal-persunal tal-fornituri ta' servizzi kritiċi fir-rigward tas-servizz li dawn jipprovdu lis-SIPS. L-operatur ta' SIPS għandu jinkludi wkoll klawżoli fl-arranġamenti kuntrattwali mal-fornituri ta' servizzi kritiċi tiegħu li jagħtu lill-awtorità kompetenti aċċess għal informazzjoni u sejbiet minn spezzjonijiet fuq il-post preċedenti tal-fornitur ta' servizzi kritiċi tal-istess ambitu u natura li jkunu diġà twettqu mill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja l-fornitur ta' servizzi kritiċi.

Artikolu 8

Delega tas-setgħa li jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post

1.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali applikabbli rilevanti u r-regoli proċedurali interni tal-awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti tista' tiddelega s-setgħa li jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post lil awtorità oħra sakemm dik l-awtorità u t-tim ta' spezzjoni tagħha jżommu l-informazzjoni u d-dokumenti miksuba mingħand l-operatur tas-SIPS kunfidenzjali u jirrispettaw il-prinċipji rilevanti tal-Artikolu 7 kif ukoll regoli organizzazzjonali interni ulterjuri għal spezzjoni fuq il-post, u li l-awtorità kompetenti li tiddelega għandha żżomm il-poter sħiħ fuq l-ispezzjoni u r-responsabbiltà fir-rigward tagħha.

2.   L-awtorità kompetenti, awtorità oħra u l-operatur ta' SIPS għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti ta' spezzjoni fuq il-post.

Artikolu 9

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet

1.   L-awtorità kompetenti għal SIPS għandha teżerċita s-setgħat imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 795/2014 (BĊE/2014/28) fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda minnha. Jekk l-awtorità kompetenti tkun bank ċentrali nazzjonali, hija għandha tinforma lill-Eurosistema b'dik id-deċiżjoni malli tiġi adottata.

2.   Jekk il-persunal ta' operatur ta' SIPS jostakolaw spezzjoni fuq il-post meħtieġa minn awtorità kompetenti skont din id-Deċiżjoni, il-bank ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandu jagħti l-assistenza meħtieġa lill-membri tat-tim ta' spezzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali. Safejn ikun meħtieġ għall-ispezzjoni fuq il-post, din l-assistenza għandha tinkludi l-issiġillar ta' kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew reġistri. Meta s-setgħa ma tkunx disponibbli għall-awtorità nazzjonali kompetenti kkonċernata, hija għandha tuża s-setgħat tagħha biex titlob l-assistenza meħtieġa minn awtoritajiet nazzjonali oħrajn.

3.   Jekk spezzjoni fuq il-post jew l-assistenza li għandha tingħata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali applikabbli, allura l-awtorità li twettaq l-ispezzjoni fuq il-post għandha tapplika għal dik l-awtorizzazzjoni.

4.   Meta, bħala parti mill-investigazzjoni jew reviżjoni indipendenti tal-operatur ta' SIPS, l-espert indipendenti jkun meħtieġ jeżerċita d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(5) fir-rigward tal-fornituri ta' servizzi kritiċi ta' SIPS, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja lill-fornitur ta' servizzi kritiku dwar l-intenzjoni li jeżerċita dawk id-drittijiet u tista' tinforma lil dak il-bank ċentrali bis-sejbiet tal-investigazzjoni jew ir-rieżami indipendenti wara li dan jitwettaq.

5.   Meta spezzjoni fuq il-post titqies meħtieġa biex issir ukoll fil-post ta' fornitur ta' servizzi kritiċi ta' SIPS, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja l-fornitur ta' servizzi kritiku tal-ispezzjoni fuq il-post maħsuba qabel ma tinnotifika lill-operatur ta' SIPS.

6.   Sakemm l-ispezzjoni fuq il-post tal-istess ambitu u natura tkun kienet diġà twettqet mill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja lill-fornitur ta' servizzi kritiċi ta' SIPS, l-awtorità kompetenti għas-SIPS tista' tagħżel li tibbaża fuq is-sejbiet ta' dik l-ispezzjoni fuq il-post jew twettaq spezzjoni fuq il-post tagħha stess. F'dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti tista' titlob lill-fornitur ta' servizzi kritiċi biex jagħti aċċess għall-informazzjoni rispettiva u s-sejbiet li huma disponibbli għalih jew biex jagħti l-kunsens lill-awtorità kompetenti li għandha aċċess għal dawn is-sejbiet fil-bank ċentrali. Jekk tkun għadha ma saret l-ebda spezzjoni fuq il-post jew ma tkunx saret waħda tal-istess ambitu u natura, l-awtorità kompetenti tas-SIPS tista', fid-diskrezzjoni tagħha, twettaq ukoll l-ispezzjoni fil-post tal-fornitur ta' servizzi kritiċi. B'dan il-mod, l-awtorità kompetenti, wara li tikkunsidra s-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-banek ċentrali, tista' tinvolvi lill-bank ċentrali li jimmonitorja jew jissorvelja lill-fornitur ta' servizzi kritiċi fil-proċess tal-ispezzjoni fuq il-post u tista' tinforma lil dak il-bank ċentrali bis-sejbiet tal-ispezzjoni fuq il-post wara li tkun twettqet.

7.   Jekk jitqies li huwa meħtieġ li l-ispezzjoni fuq il-post issir ukoll fil-post ta' fornitur ta' servizzi kritiċi ta' SIPS, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll lill-fornitur ta' servizzi kritiċi dwar l-ispezzjoni fl-istess ħin bħall-operatur ta' SIPS skont l-Artikolu 2(4).

Artikolu 10

Id-dritt li wieħed jinstema' u jaċċessa l-informazzjoni

1.   L-espert indipendenti jew it-tim ta' spezzjoni fuq il-post, skont kif ikun il-każ, għandu jqis il-kummenti ppreżentati mill-operatur ta' SIPS matul rieżami indipendenti, investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post u għandu jibbaża s-sejbiet tagħhom fuq fatti li l-operatur ta' SIPS ikkonċernat kellu l-opportunità li jikkummenta dwarhom.

2.   Meta jippreżentaw ir-rapport dwar is-sejbiet lill-awtorità kompetenti, l-espert indipendenti jew it-tim ta' spezzjoni fuq il-post għandu jinnotifika lill-operatur ta' SIPS. L-operatur ta' SIPS għandu jkun intitolat li jkollu aċċess għar-rapport, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni u entitajiet legali oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta' aċċess għar-rapport m'għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil terzi persuni.

Artikolu 11

Spezzjonijiet fuq il-post mhux imħabbra

Minkejja l-Artikolu 7(3), awtorità kompetenti mhijiex obbligata li tinforma lil entità soġġetta għal spezzjoni fuq il-post b'dik l-ispezzjoni minn qabel jekk ikun hemm indikazzjonijiet li jeżistu fatti ta' natura serja li jheddu l-funzjonament bla xkiel tas-SIPS jew jekk billi tinforma lil dik l-entità dwar il-ħtieġa li tipproċedi bi spezzjoni fuq il-post jistgħu jiġu ppreġudikati r-riżultati tagħha. F'dan il-każ, id-deċiżjoni li wieħed jipproċedi bi spezzjoni fuq il-post għandha tindika r-raġunijiet għalfejn trid tipproċedi mingħajr ma tinforma lil dik l-entità bil-quddiem u għandha tingħata lil dik l-entità biss wara li tkun bdiet l-ispezzjoni.

Artikolu 12

Reġim lingwistiku bejn l-awtorità kompetenti u l-operatur tas-SIPS

1.   Kwalunkwe dokument li operatur ta' SIPS soġġett għal sorveljanza skont ir-Regolament (UE) Nru 795/2014 (ECB/2014/28) jibgħat lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 3 ta' din id-Deċiżjoni jista' jiġi abbozzat bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni, magħżula mill-operatur tas-SIPS.

2.   L-operatur ta' SIPS soġġett għal sorveljanza jista' jaqbel li juża esklużivament lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni fil-komunikazzjoni bil-miktub mal-awtorità kompetenti. L-operatur ta' SIPS jista' jirrevoka tali ftehim dwar l-użu ta' lingwa waħda jew jista' jagħżel li jirrinunzja dan id-dritt kultant u għal ċerti komunikazzjonijiet bil-miktub sabiex jitħaffef il-proċess, mingħajr ebda effett fuq proċeduri futuri. Ir-revoka għandha taffettwa biss l-aspetti tal-proċedura ta' sorveljanza li jkunu għadhom ma twettqux.

3.   L-operatur ta' SIPS jista' jitlob l-investigazzjoni, ir-reviżjoni indipendenti jew l-ispezzjoni fuq il-post li għandhom jitwettqu f'lingwa uffiċjali tal-Unjoni li mhijiex il-lingwa miftiehma għall-proċess ta' sorveljanza. Jekk ikun biħsiebu jagħmel hekk, l-operatur ta' SIPS għandu javża biżżejjed minn qabel dwar din l-intenzjoni lill-awtorità kompetenti jew espert indipendenti qabel il-bidu tal-investigazzjoni, rieżami indipendenti jew spezzjoni fuq il-post sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti meħtieġa.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet finali

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta' Lulju 2019.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 217, 23.7.2014, p. 16.

(2)  Disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2094 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 795/2014 dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti (BĊE/2017/32) (ĠU L 299, 16.11.2017, p. 11).


Fuq