EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32019D0039

Deċiżjoni (UE) 2019/2195 Tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2019/39)

ĠU L 330, 20.12.2019, p. 91–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/2195/oj

20.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/91


DEĊIŻJONI (UE) 2019/2195 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ Diċembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2019/39)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dan id-dritt jinkludi l-kompetenza li jieħu miżuri biex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas. Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 (1) tistabbilixxi regoli u proċeduri komuni dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, huma meħtieġa numru ta’ emendi tekniċi u xi kjarifiki ulterjuri u titjib ta’ ċerti regoli, proċeduri u definizzjonijiet. B’mod partikolari, huma meħtieġa struzzjonijiet u definizzjonijiet aktar ċari fir-rigward tad-data li għandha tiġi rrapportata dwar in-numru ta’ karti ta’ flus tal-euro pproċessati, issortjati bħala mhux f’kundizzjoni tajba u rriċirkulati.

(2)

Attwalment il-karti tal-flus tal-kategorija 3 iridu jingħataw lill-banek ċentrali nazzjonali minnufih, jew mhux iktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara li jkunu ġew iddepożitati f’magna li timmaniġġja l-karti tal-flus. Peress li xi drabi l-karti tal-flus tal-kategorija 3 jitħalltu mal-karti tal-flus tal-kategorija 4a u 4b, dan iwassal għal numru akbar ta’ karti tal-flus awtentiċi li jintbagħtu bla bżonn għal analiżi ulterjuri. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi pprovdut għall-ipproċessar mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-kategorija 3 biex ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-karti tal-flus tal-kategorija 4a u 4b.

(3)

L-Anness IV għad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jistabbilixxi d-dettalji tad-data li għandha tinġabar mingħand il-cash handlers. Fl-interessi taċ-ċarezza, id-dettalji tad-data li għandha tiġi rrapportata għandhom ikunu speċifikati iktar biex ikun żgurat li tinftiehem u tkun eżatta kemm jista’ jkun.

(4)

Id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 (2) introduċiet regoli ġodda biex tipprovdi għal serjejiet futuri ta’ karti tal-flus tal-euro u biex tiċċara u ttejjeb ċerti proċeduri rigward ir-riproduzzjoni, l-iskambju u l-irtirar ta’ karti tal-flus tal-euro. Minħabba dan, huma meħtieġa wkoll ċerti emendi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.

(5)

Għalhekk, id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 2(13) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(13)   “karti tal-flus tal-euro” tfisser dawk il-karti tal-flus li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni BĊE/2013/10 (*1) jew kwalunkwe att legali ieħor li jissostitwixxi jew jikkumplimenta din id-Deċiżjoni u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Kunsill Governattiv.

(*1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 tad-19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 16)."

2.

L-Anness I huwa ssostitwit bl-Anness I għal din id-Deċiżjoni;

3.

L-Anness IIa huwa ssostitwit bl-Anness II għal din id-Deċiżjoni;

4.

L-Anness IV huwa ssostitwit bl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-cash handlers fi Stati Membru li jadotta l-euro wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw din id-Deċiżjoni mid-data li fiha l-Istat Membru li jinsabu fih jadotta l-euro.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 267, 9.10.2010, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2013/10 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 37).


ANNESS I

“ANNESS I

MAGNI LI JIMMANIĠĠJAW IL-KARTI TAL-FLUS

1.   Rekwiżiti tekniċi ġenerali

1.1.

Biex tikkwalifika bħala magna li timmaniġġja l-karti tal-flus, magna trid tkun kapaċi tipproċessa karti tal-flus tal-euro, billi tikklassifika l-karti tal-flus tal-euro individwali u tissepara l-karti tal-flus tal-euro skont il-klassifikazzjoni tagħhom mingħajr l-intervent ta’ min iħaddem il-magna, bla ħsara għall-Anness IIa u IIb. Bl-eċċezzjoni tal-magni li jqassmu l-muniti (CDMs), il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandu jkollhom in-numru meħtieġ ta’ output stackers iddedikati u/jew mezzi oħra biex tiġi żgurata s-separazzjoni affidabbli tal-karti tal-flus tal-euro pproċessati.

1.2.

Magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandhom ikunu adattabbli biex jiġi żgurat li huma kapaċi jidentifikaw karti tal-flus foloz ġodda b’mod affidabbli. Barra minn dan, għandhom ikunu adattabbli biex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti standards anqas restrittivi għall-issortjar skont il-kundizzjoni, jekk dan ikun il-każ.

2.   Kategoriji ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus

Il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus huma jew magni mħaddmin mill-klijent jew magni mħaddmin mill-persunal:

Tabella 1

Magni mħaddmin mill-klijent

A.

Magni mħaddmin mill-klijent fejn il-flus kontanti jkunu ddepożitati bir-rintraċċar tal-klijent

1.

Magni cash-in (CIMs)

Il-CIMs jippermettu lill-klijenti, bl-użu ta’ kard tal-bank jew mezzi oħrajn, li jiddepożitaw karti tal-flus tal-euro fil-kontijiet bankarji tagħhom, imma ma jkollhomx funzjoni li jqassmu l-flus kontanti. Il-CIMs jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u jippermettu li d-detentur tal-kont jiġi rintraċċat; il-verifiki tal-kundizzjoni huma fakultattivi.

2.

Magni li jirriċiklaw il-flus (CRMs)

Il-CRMs jippermettu lill-klijenti biex, permezz ta’ kard bankarja jew mezzi oħrajn, jiddepożitaw karti tal-flus tal-euro fil-kontijiet bankarji tagħhom, u jiġbdu karti tal-flus tal-euro mill-kontijiet bankarji tagħhom. Is-CRMs jivverifikaw karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni u jippermettu li d-detentur tal-kont jiġi rintraċċat. Għall-iżbank, il-CRMs jistgħu jużaw karti tal-flus tal-euro ġenwini f’kundizzjoni tajba li ġew iddepożitati minn klijenti oħrajn fi transazzjonijiet preċedenti.

3.

Magni cash-in ikkombinati (CCMs)

Is-CCMs jippermettu lil klijenti, bl-użu ta’ kard tal-bank jew mezzi oħrajn, biex jiddepożitaw karti tal-flus tal-euro fil-kontijiet bankarji tagħhom u biex jiżbankaw karti tal-flus tal-euro mill-kontijiet bankarji tagħhom. Is-CCMs jivverifikaw karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni u jippermettu li d-detentur tal-kont jiġi rintraċċat; il-verifiki għall-kundizzjoni huma fakultattivi. Għall-iżbank, is-CCMs ma jużawx karti tal-flus tal-euro li ġew iddepożitati minn klijenti oħrajn fi tranżazzjonijiet preċedenti imma karti tal-flus tal-euro li jitpoġġew fihom separatament biss.

B.

Magni cash-out (COMs)

4.

Magni cash-out (COMs)

Is-COMs huma magni li jqassmu l-flus kontanti li jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni qabel ma jqassmuhom lill-klijenti. Is-COMs jużaw karti tal-flus tal-euro mpoġġija fihom mill-cash handlers jew minn sistemi awtomatizzati oħrajn (eż. magni tal-bejgħ).

C.

Magni li Jqassmu l-Muniti

5.

Magni li Jqassmu l-Muniti (CDMs)

Is-CDMs jippermettu lill-klijenti jiksbu muniti billi jdaħħlu karti tal-flus tal-euro. Qabel ma jqassmu l-muniti, il-karti tal-flus tal-euro jiġu awtentikati mis-CDMs. Dawn il-karti tal-flus tal-euro ma jiġux riċirkulati.

CRM tista’ tintuża bħala CIM jew CCM jekk is-sistemi ta’ detezzjoni, is-softwer u komponenti oħrajn għat-twettiq tal-funzjonalitajiet ewlenin tagħha jkunu l-istess bħat-tip ta’ CRM elenkat fis-sit web tal-BĊE (*1).

CCM tista’ tintuża bħala CIM jekk is-sistemi ta’ detezzjoni, is-softwer u komponenti oħrajn għat-twettiq tal-funzjonalitajiet ewlenin tagħha jkunu l-istess bħat-tip ta’ CCM elenkat fis-sit elettroniku tal-BĊE.

Tabella 2

Magni mħaddmin mill-persunal

1.

Magni li jipproċessaw il-karti tal-flus (BPMs)

Il-BPMs jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni.

2.

Magni li jawtentikaw il-karti tal-flus (BAMs)

Il-BAMs jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità.

3.

Magni għar-riċiklaġġ li jassistu lill-kaxxier (TARMs)

It-TARMs huma magni li jirriċiklaw il-karti tal-flus imħaddmin mill-cash handlers li jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni. Għall-iżbank, it-TARMs jistgħu jużaw karti tal-flus tal-euro ġenwini u f’kundizzjoni tajba li jkunu ġew iddepożitati minn klijenti oħrajn fi tranżazzjonijiet preċedenti. Barra minn dan, iżommu l-karti tal-flus tal-euro f’post sigur u jippermettu lill-cash handlers jikkreditaw jew jiddebitaw il-kontijiet bankarji tal-klijenti.

4.

Magni li jassistu lill-kaxxier (TAMs)

It-TAMs huma magni mħaddmin mill-cash handlers li jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità. Barra minn dan, iżommu l-karti tal-flus tal-euro f’post sigur u jippermettu lill-cash handlers jikkreditaw jew jiddebitaw il-kontijiet bankarji tal-klijenti.

Il-magni mħaddmin mill-persunal għandhom jipproċessaw il-karti tal-flus tal-euro f’pakketti.

Magna li tkun ġiet ittestjata u hija elenkata fis-sit web tal-BĊE bħala CRM jew CIM/CCM tista’ tintuża bħala TARM jew TAM, rispettivament. F’dan il-każ, il-magna għandha titħaddem biss minn persunal tal-cash handlers.

3.   Tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus

L-Eurosistema tittestja tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. It-tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus jistgħu jintgħarfu minn xulxin mis-sistemi speċifiċi ta’ detezzjoni tagħhom, is-softwer u komponenti oħrajn għat-twettiq tal-funzjonalitajiet ewlenin tagħhom. Dawn huma: (a) l-awtentikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini; (b) l-identifikazzjoni u s-separazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro ssuspettati li huma foloz; (c) l-identifikazzjoni u s-separazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba minn karti tal-flus tal-euro li huma f’kundizzjoni tajba, jekk dan ikun applikabbli; u (d) ir-rintraċċar ta’ oġġetti identifikati bħala karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz u ta’ karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar, jekk dan ikun applikabbli.


(*1)  www.ecb.europa.eu.”


ANNESS II

‘ANNESS IIa

KLASSIFIKAZZJONI U TRATTAMENT TA’ KARTI TAL-FLUS TAL-EURO MINN MAGNI MĦADDMIN MILL-KLIJENT

Il-karti tal-flus tal-euro huma kklassifikati f’waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin u huma sseparati skont il-kategorija. Magni li ma jivverifikawx il-karti tal-flus tal-euro għall-kundizzjoni m’għandhomx għalfejn jiddistingwu bejn il-karti tal-flus tal-euro tal-kategoriji 4a u 4b.

Tabella 1

Klassifikazzjoni u trattament ta’ karti tal-flus tal-euro minn magni mħaddmin mill-klijent li fihom jiġu ddepożitati l-flus kontanti bir-rintraċċar tal-klijent

Kategorija

Karatteristiċi

Trattament

1.

Oġġetti li mhumiex rikonoxxuti bħala karti tal-flus tal-euro

Mhux rikonoxxuti bħala karti tal-flus tal-euro minħabba xi waħda minn dawn:

karti tal-flus tal-euro li mhumiex aċċettati mill-magna

karti tal-flus li mhumiex euro

oġġetti bħall-karti tal-flus tal-euro

xbieha jew format ħżiena

kantuniera/i kbira/kbar mitwija/in jew parti(jiet) nieqsa

żball fil-mili jew fit-trasport tal-magna

Għoti lura mill-magna lill-klijent

2.

Karti tal-flus tal-euro ssuspettati li huma foloz

Xbieha u format rikonoxxuti, imma karatteristika waħda jew iżjed ta’ awtentiċità vverifikati mill-magna ma jiġux identifikati jew huma b’mod ċar barra t-tolleranza

Irtira miċ-ċirkulazzjoni

Għandhom jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-awtentikazzjoni, flimkien ma’ informazzjoni dwar id-detentur tal-kont, minnufih, sa mhux iktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-depożitu fil-magna. Tikkreditax il-kont tad-detentur.

3.

Karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar

Xbieha u format rikonoxxuti, imma mhux il-karatteristiċi kollha ta’ awtentiċità vverifikati mill-magna huma rikonoxxuti minħabba devjazzjonijiet fil-kwalità u/jew tolleranza Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba

Irtira miċ-ċirkulazzjoni

Il-karti tal-flus tal-euro jingħataw lill-BĊN għall-awtentikazzjoni minnufih, sa mhux iktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-depożitu fil-magna.

Informazzjoni fuq id-detentur tal-kont tinħażen għal tmien ġimgħat wara li l-karti tal-flus tal-euro jkunu ġew identifikati mill-magna. Din l-informazzjoni tingħata fuq talba lill-BĊN. Alternattivament, bi ftehim mal-BĊN, informazzjoni li tippermetti r-rintraċċar tad-detentur tal-kont tista’ tingħata lil dak il-BĊN flimkien mal-karti tal-flus tal-euro.

Jistgħu jiġu kkreditati lid-detentur tal-kont

4a.

Karti tal-flus tal-euro li huma identifikati bħala ġenwini u f’kundizzjoni tajba

Il-verifiki kollha tal-awtentiċità u l-kundizzjoni magħmulin mill-magna jagħtu riżultati pożittivi

Jistgħu jintużaw għar-riċirkulazzjoni

Ikkreditati lid-detentur tal-kont

4b.

Karti tal-flus tal-euro li huma identifikati bħala ġenwini u li mhumiex f’kundizzjoni tajba

Il-verifiki kollha tal-awtentiċità magħmulin mill-magna jagħtu riżultati pożittivi. Tal-inqas kriterju wieħed ta’ kundizzjoni vverifikat jagħti riżultat negattiv

Ma jistgħux jintużaw għar-riċirkulazzjoni u jingħataw lura lill-BĊN

Ikkreditati lid-detentur tal-kont

Regoli speċifiċi fir-rigward tat-Tabella 1:

1.

Il-karti tal-flus tal-euro ta’ kategoriji 2 u 3 ma jingħatawx lura lill-klijent minn magna li timmaniġġja l-flus jekk dik il-magna tippermetti l-kanċellazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ depożitu. Biex wieħed iżomm dawn il-karti tal-flus tal-euro meta tiġi mħassra tranżazzjoni dawn jistgħu jinħażnu f’żona ta’ ħażna temporanja fil-magna.

2.

Il-karti tal-flus tal-euro ta’ kategorija 3 m’għandhomx għalfejn jiġu sseparati mill-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a jew 4b. Jekk ma ssir l-ebda separazzjoni fiżika, il-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-karti tal-flus tal-euro tal-kategoriji mħallta 3, 4a u 4b lill-BĊN u r-rekwiżiti rigward ir-rintraċċar tal-klijenti tal-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 3 japplikaw xorta waħda.

3.

Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 3, anki meta jkunu mħallta mal-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a jew 4b, jistgħu jiġu pproċessati mill-ġdid fuq kwalunkwe tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess. Dawn il-karti tal-flus imbagħad jiġu ttrattati bħala li ġew ikklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus, u għalhekk jenħtieġ li tinżamm it-traċċabilità tal-karti tal-flus oriġinali tal-kategorija 3 għad-detentur oriġinali tal-kont f’każ li dawn il-karti tal-flus jiġu rrifjutati mit-tieni magna bħala karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar.

Tabella 2

Klassifikazzjoni u trattament tal-karti tal-flus tal-euro minn magni cash-out (COMs)

Kategorija

Karatteristiċi

Trattament

1.

Oġġetti li mhumiex rikonoxxuti bħala karti tal-flus tal-euro

Mhux rikonoxxuti bħala karti tal-flus tal-euro minħabba xi waħda minn dawn:

karti tal-flus tal-euro li mhumiex aċċettati mill-magna

karti tal-flus li mhumiex tal-euro

oġġetti bħall-karti tal-flus tal-euro

xbieha jew format ħżiena

kantuniera/i kbira/kbar mitwija/in jew parti(jiet) nieqsa

żball fil-mili jew fit-trasport tal-magna

Ma jistgħux jitqassmu lill-klijenti

2.

Karti tal-flus tal-euro ssuspettati li huma foloz

Xbieha u format rikonoxxuti, imma karatteristika waħda jew iżjed ta’ awtentiċità vverifikata mill-magna ma jiġux identifikati jew huma b’mod ċar barra t-tolleranza

Ma jistgħux jitqassmu lill-klijenti

Għandhom jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-awtentikazzjoni minnufih, sa mhux iktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara l-identifikazzjoni mill-magna flimkien ma’ informazzjoni li tirrigwarda d-detentur tal-kont jekk disponibbli

3.

Karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar

Xbieha u format rikonoxxuti, imma mhux il-karatteristiċi kollha ta’ awtentikazzjoni vverifikati mill-magna huma rikonoxxuti minħabba devjazzjonijiet fil-kwalità u/jew tolleranza. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba

Ma jistgħux jitqassmu lill-klijenti

Il-karti tal-flus tal-euro jingħataw lill-BĊN għall-awtentikazzjoni minnufih, sa mhux iktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-depożitu fil-magna.

4a.

Karti tal-flus tal-euro li huma identifikati bħala ġenwini u f’kundizzjoni tajba

Il-verifiki kollha tal-awtentiċità u l-kundizzjoni magħmulin mill-magna jagħtu riżultati pożittivi

Jistgħu jitqassmu lill-klijenti

4b.

Karti tal-flus tal-euro li huma identifikati bħala ġenwini u li mhumiex f’kundizzjoni tajba

Il-verifiki kollha tal-awtentiċità magħmulin mill-magna jagħtu riżultati pożittivi.

Tal-inqas kriterju wieħed ta’ kundizzjoni vverifikat jagħti riżultat negattiv

Ma jistgħux jitqassmu lill-klijenti u jingħataw lura lill-BĊN.

Regoli speċifiċi rigward it-Tabella 2:

1.

Il-karti tal-flus tal-euro ta’ kategoriji 1, 2 u 3 ma għandhomx għalfejn jiġu sseparati fiżikament. Meta jiġu mħallta flimkien, it-tliet kategoriji kollha għandhom jiġu ttrattati bħala karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 2. Jekk il-karti tal-flus tal-euro tal-kategoriji 1, 2 u 3 jistgħu jiġu sseparati permezz ta’ magna oħra li timmaniġġja l-karti tal-flus jew, jekk bi qbil mal-BĊN, minn membri tal-persunal imħarrġin, huma għandhom jiġu ttrattati skont it-Tabella 2.

2.

Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 3 m’għandhomx għalfejn jiġu sseparati mill-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a u 4b. Jekk ma ssir l-ebda separazzjoni fiżika, l-iskadenza għall-għoti tal-karti tal-flus tal-euro tal-kategoriji mħallta 3, 4a u 4b lill-BĊN kif speċifikat għall-kategorija 3 japplika xorta waħda.

3.

Il-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 3, anki meta jkunu mħallta mal-karti tal-flus tal-euro tal-kategorija 4a jew 4b, jistgħu jiġu pproċessati mill-ġdid fuq kwalunkwe tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess. Dawn il-karti tal-flus imbagħad jiġu ttrattati bħala li ġew ikklassifikati mit-tieni magna li timmaniġġja l-karti tal-flus.

Tabella 3

Klassifikazzjoni u trattament tal-karti tal-flus tal-euro minn magni li jqassmu l-muniti (CDMs)

Is-CDMs għandhom jivverifikaw l-awtentiċità tal-karti tal-flus li jirċievu u jżommu dawk issuspettati li huma foloz, iżda m’għandhomx għalfejn jisseparawhom fiżikament skont il-kategorija.

Il-karti tal-flus issuspettati li huma foloz għandhom jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-awtentikazzjoni minnufih, sa mhux iktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara l-identifikazzjoni mill-magna flimkien ma’ informazzjoni li tirrigwarda d-detentur tal-kont, jekk disponibbli.

Inkella, il-karti tal-flus riċevuti minn CDM jistgħu jiġu pproċessati mill-ġdid fuq kwalunkwe magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess u mbagħad ittrattati bħala klassifikati minn din il-magna. L-informazzjoni li tirrigwarda d-detentur tal-kont ta’ dawk il-biċċiet li ġew ikklassifikati bħala Kategorija 2 or Kategorija 3 waqt l-ipproċessar mill-ġdid għandha tinżamm, jekk disponibbli..


ANNESS III

“ANNESS IV

ĠBIR TA’ DATA MILL-CASH HANDLERS

1.   Għanijiet

L-għanijiet tal-ġbir tad-data huma li l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikunu jistgħu jimmonitorjaw l-attivitajiet rilevanti tal-cash handlers u biex jissorveljaw l-iżviluppi fiċ-ċiklu tal-flus kontanti.

2.   Prinċipji ġenerali

2.1.

Id-data dwar il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandha tiġi rrapportata meta l-magni jintużaw skont din id-Deċiżjoni. Il-magni li jqassmu l-muniti (CDMs) huma eżentati mill-obbligi ta’ rapportar.

2.2.

Il-cash handlers għandhom jipprovdu regolarment lill-BĊN tal-Istat Membru tagħhom b’dan li ġej:

informazzjoni fuq stabbilimenti fejn il-flus kontanti jiġu mmaniġġjati, bħal uffiċċji tal-friegħi; u

informazzjoni fuq il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u l-magni li jqassmu l-flus kontanti.

2.3.

Barra minn dan, il-cash handlers li jirriċirkulaw karti tal-flus tal-euro permezz ta’ magni li jimmanniġjaw il-karti tal-flus u magni li jqassmu l-flus kontanti għandhom jipprovdu regolarment lill-BĊN tal-Istat Membru tagħhom b’dawn it-tnejn li ġejjin:

informazzjoni fuq il-volum ta’ operazzjonijiet ta’ flus kontanti (numru ta’ karti tal-flus tal-euro pproċessati) li jinvolvi magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u magni li jqassmu l-flus kontanti;

informazzjoni dwar friegħi mbiegħda ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu b’livell baxx ta’ operazzjonijiet ta’ flus kontanti fejn il-verifiki tal-kundizzjoni jsiru manwalment.

3.   Tip ta’ data u rekwiżiti ta’ rapportar

3.1.

Skont in-natura tagħha, id-data miġbura għandha tinqasam f’data ewlenija u data operattiva.

Data ewlenija

3.2.

Id-data ewlenija tkopri informazzjoni dwar: (a) il-cash handlers individwali u l-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u l-magni li jqassmu l-flus kontanti operattivi; u (b) il-friegħi mbiegħda ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

3.3.

Id-data ewlenija għandha tiġi pprovduta lill-BĊN fid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u kull sitt xhur wara dan. Id-data speċifikata fil-mudell stabbilit fl-Appendiċi I għandha tiġi pprovduta, għalkemm il-BĊN jista’ jeħtieġ li din tiġi pprovduta f’format differenti.

3.4.

BĊN jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ monitoraġġ, li jiġbor id-data fil-livell lokali, bħal pereżempju fl-uffiċċji tal-friegħi.

3.5.

BĊN jista’ jeżiġi li l-cash handlers jindikaw il-magni li jirriċiklaw il-flus kontanti (CRMs) li jintużaw bħala magni cash-in ikkombinati (CCMs) jew magni cash-in (CIMs) rispettivament, u s-CCMs li jintużaw bħala CIMs.

3.6.

Id-data dwar il-friegħi mbiegħda speċifikata fil-mudell stabbilit fl-Appendiċi 3 għandha tiġi pprovduta, għalkemm il-BĊN jista’ jeħtieġ li din tiġi pprovduta f’format differenti.

Data operattiva

3.7.

Id-data li toriġina mill-ipproċessar u r-riċirkulazzjoni ta‘ karti tal-flus tal-euro mill-cash handlers għandha tiġi kklassifikata bħala data operattiva.

3.8.

BĊN jista’ jiddeċiedi li jeskludi aġenti ekonomiċi oħrajn, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 (1), mill-obbligu li jirrapportaw data operattiva jekk in-numru ta’ karti tal-flus tal-euro li jirriċirkulaw permezz ta’ magni li jqassmu l-flus kontanti huwa inqas minn limitu ddeterminat mill-BĊN.

3.9.

Id-data għandha tiġi pprovduta kull sitt xhur. Id-data għandha tiġi rrapportata lill-BĊN mhux iktar tard minn xahrejn wara l-perjodu ta’ rapportar rilevanti, jiġifieri fl-aħħar ta’ Frar u fl-aħħar ta’ Awwissu. Id-data tista’ tiġi pprovduta permezz tal-mudell stabbilit fl-Appendiċi 2. Il-BĊNi jistgħu jitolbu għal rapportar kull xahar jew għal rapportar kull erba’ xhur għal perjodu tranżitorju, jekk din kienet il-prattika tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.10.

Id-data għandha tiġi pprovduta mill-cash handlers li fiżikament jimmaniġġjaw il-karti tal-flus tal-euro. Jekk cash handler ikun esternalizza l-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni lil cash handler ieħor, id-data għandha tiġi pprovduta mill-cash handler indikat skont l-Artikolu 3(2).

3.11.

Id-data għandha tiġi rrapportata mill-cash handlers f’termini ta’ biċċiet (volum), aggregati fil-livell nazzjonali u maqsuma skont id-denominazzjoni tal-karta tal-flus tal-euro. Tqassim skont is-serje tal-karti tal-flus mhuwiex meħtieġ. Għal friegħi mbiegħda ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, id-data operattiva għandha tiġi rrapportata separatament.

3.12.

BĊN jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ monitoraġġ, li jiġbor d-data fil-livell lokali, bħal pereżempju fl-uffiċċji tal-friegħi.

3.13.

Cash handlers li jkunu esternalizzaw il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni lil cash handlers oħrajn jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni dettaljata lill-BĊN fuq dawn tal-aħħar, inklużi l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni.

3.14.

Għandha tiġi pprovduta d-data dwar il-friegħi mbiegħda speċifikati fil-mudell stabbilit fl-Appendiċi 3, għalkemm il-BĊN jista’ jeħtieġ li din tiġi pprovduta f’format differenti u jista’ jaqbel mal-cash handlers biex jiġbru data iktar estensiva.

4.   Kunfidenzjalità u pubblikazzjoni tad-data

4.1.

Kemm id-data ewlenija kif ukoll id-data operattiva għandhom jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali.

4.2.

Il-BĊNi u l-BĊE jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw rapporti jew statistika bl-użu ta’ data miksuba taħt dan l-Anness. Kull pubblikazzjoni bħal din għandha tiġi aggregata b’tali mod li l-ebda data ma tkun tista’ tiġi attribwita lil entitajiet ta’ rapportar individwali.

Appendiċi 1

MUDELL TAR-RAPPORTAR

Data ewlenija

Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lil:

[Isem tal-BĊN; dettalji ta’ kuntatt għal mistoqsijiet; indirizz]

1.   Informazzjoni dwar il-cash handler

Isem il-cash handler:

Indirizz tal-uffiċċju prinċipali:

Kodiċi zip/postali:

Belt:

Triq:

Tip ta’ kumpanija:

Istituzzjoni ta’ kreditu

Bureau de change

Kumpanija responsabbli għat-transitu ta’ flus kontanti li mhijiex istituzzjoni ta’ ħlas

Kummerċjant (bejjiegħ bl-imnut)

Każinò

Oħrajn, inklużi istituzzjonijiet ta’ ħlas fejn ma ġewx ikkategorizzati bħala waħda minn dawn ta’ hawn fuq (speċifika)

Il-persuni ta’ kuntatt:

Ismijiet:

Nri tat-telefon:

Numri tal-faks:

Indirizzi elettroniċi:

Sieħeb fl-esternalizzazzjoni (jekk rilevanti)

Isem:

Indirizz:

Kodiċi zip/postali:

Belt:

2.   Magni mħaddmin mill-klijent

Kategorija tal-magna

Numru ta’ identifikazzjoni (2)

Manifattur (2)

Isem tal-magna (2)

Identifikazzjoni (2)

(sistema ta’ detezzjoni/verżjonijiet tas-softwer)

Numru totali ta’ dawk operattivi

CIMs

 

 

 

 

 

CRMs

 

 

 

 

 

CCMs

 

 

 

 

 

COMs

 

 

 

 

 

3.   Magni mħaddmin mill-persunal

Kategorija tal-magna

Numru ta’ identifikazzjoni (3)

Manifattur (3)

Isem tal-magna (3)

Identifikazzjoni (3)

(sistema ta’ detezzjoni/verżjonijiet tas-softwer)

Numru totali ta’ dawk operattivi

BPMs

 

 

 

 

 

BAMs

 

 

 

 

 

TARMs

 

 

 

 

 

TAMs

 

 

 

 

 

4.   Magni li jqassmu l-flus kontanti mhux inklużi fit-tabella ta’ hawn fuq dwar il-magni mħaddma mill-klijenti

 

Numru totali ta’ dawk operattivi

ATMs

 

SCoTs

 

Oħrajn

 

Appendiċi 2

MUDELL TAR-RAPPORTAR

Data operattiva

1.   Informazzjoni dwar il-cash handler

Isem il-cash handler

 

Perjodu ta’ rapportar

 

2.   Data

L-entrati tad-data li ġejjin iridu jiġu aggregati fil-livell nazzjonali jew reġjonali, kif deċiż mill-BĊN, bl-esklużjoni tal-friegħi mbiegħda.

 

Numru totali ta’ karti tal-flus tal-euro pproċessati

Karti tal-flus tal-euro ssortjati bħala mhux f’kundizzjoni tajba

Karti tal-flus tal-euro rriċirkulati

EUR 5

 

 

 

EUR 10

 

 

 

EUR 20

 

 

 

EUR 50

 

 

 

EUR 100

 

 

 

EUR 200

 

 

 

EUR 500

 

 

 

Fit-tabella ta’ hawn fuq, il-kolonna bl-intestatura “Numru totali ta’ karti tal-flus tal-euro pproċessati” trid tinkludi n-numru totali ta’ karti tal-flus tal-euro li l-awtentiċità u l-kundizzjoni tagħhom ġew ivverifikati minn magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, jiġifieri magni li jirriċiklaw il-flus (CRMs), magni cash-out (COMs), magni għar-riċiklaġġ li jassistu lill-kaxxier (TARMs) u magni li jipproċessaw il-karti tal-flus (BPMs), u magni cash-in u cash-out ikkombinati (CCMs) bil-verifika fakultattiva tal-kundizzjoni. Dawn il-karti tal-flus li ġejjin m’għandhomx ikunu inklużi f’din id-data: (a) karti tal-flus li l-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni tagħhom issir manwalment, pereżempju, operazzjonijiet barra l-Borża jew operazzjonijiet tal-back office; (b) karti tal-flus li ġew ivverifikati għall-awtentiċità iżda mhux għall-kundizzjoni fuq magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, pereżempju, karti tal-flus awtentikati fuq magni cash-in (CIMs), CCMs (mingħajr verifika fakultattiva tal-kundizzjoni), magni li jassistu lill-kaxxier (TAMs) u magni li jawtentikaw il-karti tal-flus (BAMs).

Il-kolonna bl-intestatura “Karti tal-flus tal-euro ssortjati bħala mhux f’kundizzjoni tajba” hija subsett tan-numru totali ta’ karti tal-flus tal-euro pproċessati u trid tinkludi n-numru ta’ karti tal-flus li ġew ikklassifikati mill-magni bħala ġenwini u mhux f’kundizzjoni tajba (jiġifieri kategorija 4b). Din l-entrata tad-data hija relatata mal-CRMs, is-COMs, it-TARMs u l-BPMs, u mas-CCMs bil-verifika fakultattiva tal-kundizzjoni.

Il-kolonna bl-intestatura “Karti tal-flus tal-euro riċirkulati” hija subsett tan-numru totali ta’ karti tal-flus tal-euro pproċessati u:

(a)

għas-CRMs, is-COMs u t-TARMs, għandha tinkludi n-numru ta’ karti tal-flus li ġew ikklassifikati mill-magni bħala ġenwini u f’kundizzjoni tajba (jiġifieri, kategorija 4a) u mqassma lill-klijenti kif ipprovdut mill-istatistika tal-magni;

(b)

għall-BPMs u s-CCMs bil-verifika fakultattiva tal-kundizzjoni, trid tinkludi n-numru tal-karti tal-flus li ġew ikklassifikati mill-magni bħala ġenwini u f’kundizzjoni tajba (jiġifieri, kategorija 4a) u li ma ġewx irritornati lill-BĊN, iżda nżammu bl-intenzjoni li l-karti tal-flus jiġu rriċirkulati lura fiċ-ċiklu tal-flus kontanti.

Numru ta’ karti tal-flus tal-euro mqassmin permezz ta’ magni mħaddmin mill-klijenti u magni li jqassmu l-flus kontanti

 

Jekk BĊN japplika l-eċċezzjoni għall-friegħi mbiegħda stabbilita fl-Artikolu 7, din id-data hija obbligatorja għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ dak l-Istat Membru. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jikkonsultaw lill-BĊNi tagħhom sabiex jaċċertaw ruħhom dwar jekk din id-data għandhiex tiġi rrapportata.

Appendiċi 3

FRIEGĦI MBIEGĦDA TA’ ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU

Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta biss minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom friegħi mbiegħda kif imsemmi fl-Artikolu 7(1).

1.

Informazzjoni dwar l-istituzzjoni ta’ kreditu

Isem l-istituzzjoni ta’ kreditu

 

Perjodu ta’ rapportar

 


2.

Data

Isem il-fergħa mbiegħda

Indirizz

Numru ta’ karti tal-flus tal-euro mqassmin permezz ta’ magni mħaddmin mill-klijenti u magni li jqassmu l-flus kontanti

 

 

 


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro ( ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).

(2)  Dawn id-dettalji għandhom jimtlew skont id-dettalji korrispondenti fis-sit web tal-BĊE.

(3)  Dawn id-dettalji għandhom jimtlew skont id-dettalji korrispondenti fis-sit web tal-BĊE.


Fuq