EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32020D0440

Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17)

ĠU L 91, 25.3.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 19/02/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/440/oj

25.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/1


DEĊIŻJONI (UE) 2020/440 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-24 ta’ Marzu 2020

dwar programm temporanju ta' xiri ta' emerġenza fil-każ ta’ pandemija (BĊE/2020/17)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, fost affarijiet oħra, jixtru u jbiegħu strumenti negozjabbli b’mod definittiv, sabiex jilħqu l-għanijiet tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

(2)

Il-programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (PSPP), flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti, il-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi, u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, jikkostitwixxu l-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP) tal-BĊE. L-għan tal-APP huwa li jtejjeb it-trażmissjoni tal-politika monetarja, jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti, u jappoġġa l-konverġenza sostnuta tar-rati tal-inflazzjoni għal livelli li huma taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-għan ewlieni tal-BĊE li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(3)

Wara li kkunsidra ċ-ċirkustanzi ekonomiċi u finanzjarji eċċezzjonali assoċjati mat-tixrid tal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19), fit-18 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi programm temporanju ġdid ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (pandemic emergency purchase programme, minn hawn ’il quddiem il-“PEPP”) li jinkludi kull kategorija ta’ assi eliġibbli taħt l-APP. Ix-xiri taħt il-PEPP se jkun separat mix-xiri, u apparti x-xiri, li jsir taħt l-APP, b'pakkett addizzjonali ġenerali ta' EUR 750 biljun sal-aħħar tal-2020. Il-PEPP huwa stabbilit b’reazzjoni għal kriżi ekonomika speċifika, straordinarja u akuta, li tista' tipperikola l-għan tal-istabbiltà tal-prezzijiet u l-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu ta' trażmissjoni tal-politika monetarja. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, inċerti u li qegħdin jiżviluppaw b’rata mgħaġġla, il-PEPP jeħtieġ grad għoli ta’ flessibbiltà fid-disinn u l-implimentazzjoni tiegħu meta mqabbel mal-APP u l-għanijiet tal-politika monetarja tiegħu mhumiex l-istess bħal dak tal-APP.

(4)

Il-COVID-19 ġiet ikkaratterizzata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala pandemija u hija l-kawża ta’ emerġenza kollettiva għas-saħħa pubblika mingħajr preċedent fl-istorja riċenti. Hija pproduċiet xokk ekonomiku estrem li jeħtieġ reazzjoni ambizzjuża, ikkoordinata u urġenti minn kull aspett ta’ politika biex jiġu appoġġjati n-negozji u l-ħaddiema f’riskju. Bħala konsegwenza tal-pandemija, l-attività ekonomika fiż-żona tal-euro qiegħda tonqos u inevitabbilment ser tbati minn reċessjoni konsiderevoli, speċjalment minħabba li aktar pajjiżi qed jiffaċċjaw il-ħtieġa li jintensifikaw il-miżuri ta’ trażżin. Dawn il-miżuri jpoġġu piż kbir fuq il-flussi tal-flus tan-negozji u tal-ħaddiema u jpoġġu s-sopravivenza tan-negozji u tal-impjiegi f’riskju. Huwa ċar ukoll li din is-sitwazzjoni tfixkel it-trażmissjoni tal-impulsi tal-politika monetarja u żżid riskji ta’ tnaqqis qawwi fil-prospetti ta’ inflazzjoni rilevanti. F'dan l-isfond, il-PEPP hija miżura li hija proporzjonata biex tilqa' kontra r-riskji serji għall-istabbiltà tal-prezzijiet, għall-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u għall-prospetti ekonomiċi fiż-żona tal-euro, li huma kkawżati mill-feġġa u t-tixrid dejjem akbar tal-COVID-19. Il-Kunsill Governattiv se jtemm ix-xiri nett tal-assi tal-PEPP ladarba jqis li l-fażi tal-kriżi tal-COVID-19 tkun intemmet, iżda fi kwalunkwe każ mhux qabel tmiem l-2020.

(5)

Għal xiri taħt il-PEPP ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali u aġenziji rikonoxxuti, l-allokazzjoni ta’ referenza fost il-ġurisdizzjonijiet taż-żona tal-euro se tkun iggwidata mill-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ. Approċċ flessibbli għall-kompożizzjoni tax-xiri taħt il-PEPP huwa madankollu essenzjali biex jiġi evitat li l-ispostamenti attwali fil-kurva tar-rendiment sovrana aggregata taż-żona tal-euro jissarrfu f’aktar distorsjonijiet fil-kurva mingħajr riskju fiż-żona tal-euro, filwaqt li jiżgura wkoll li l-orjentazzjoni ġenerali tal-programm tkopri l-ġurisdizzjonijiet kollha taż-żona tal-euro. Sabiex tissaħħaħ aktar il-flessibbiltà tal-PEPP, it-titoli ta’ dejn negozjabbli fis-settur pubbliku b’maturitajiet iqsar minn dawk mixtrija taħt il-PSPP ukoll se jinxtraw taħt il-PEPP.

(6)

Fit-18 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li sa fejn xi limiti awtoimposti jistgħu jfixklu l-azzjoni li l-Eurosistema hija meħtieġa li tieħu sabiex twettaq il-mandat tagħha, il-Kunsill Governattiv se jikkunsidra li jirrevedihom sal-punt meħtieġ biex l-azzjoni tiegħu tkun proporzjonata għar-riskji ffaċċjati. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' din id-deċiżjoni, il-parteċipazzjonijiet konsolidati skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/9) (1) ma għandhiex tapplika għal parteċipazzjonijiet tal-PEPP. L-Eurosistema ma hija se tittollera l-ebda riskju għat-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tagħha fil-ġurisdizzjonijiet kollha taż-żona tal-euro.

(7)

Fir-rigward tal-eliġibbiltà, għall-finijiet tal-PEPP, ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġin mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika, il-Kunsill Governattiv ivvaluta: (a) il-ħtieġa li jittaffew il-pressjonijiet li jirriżultaw mill-feġġa tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa u li affettwaw severament is-swieq finanzjarji Griegi; (b) l-impenji meħuda mir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tas-Sorveljanza Msaħħa u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni; (c) il-fatt li l-miżuri ta' dejn fuq perjodu medju ta' żmien għar-Repubblika Ellenika mwassla permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jiddependu fuq l-implimentazzjoni kontinwa ta' dawn l-impenji; (d) l-aċċess dirett għall-informazzjoni mill-BĊE dwar is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tar-Repubblika Ellenika bħala riżultat tal-involviment tal-BĊE fil-qafas ta' Sorveljanza Msaħħa; u (e) il-fatt li r-Repubblika Ellenika kienet akkwistat mill-ġdid aċċess għas-suq. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika se jkunu eliġibbli għal xiri taħt il-PEPP.

(8)

Il-PEPP jikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont it-Trattati, inkluża l-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju, u ma jfixkilx l-operazzjonijiet tal-Eurosistema skont il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħa b’kompetizzjoni ħielsa.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-PEPP, l-Eurosistema b’dan qiegħda tiċċara li hija taċċetta l-istess trattament (pari passu) bħal investituri privati fir-rigward tat-titoli ta’ dejn negozjabbli tas-settur pubbliku li l-Eurosistema tista’ tixtri taħt il-PEPP, skont it-termini ta’ dawn l-istrumenti.

(10)

L-operazzjonijiet tal-PEPP għandhom jiġu implimentati b’mod deċentralizzat skont id-deċiżjonijiet rilevanti tal-BĊE, biex b’hekk tiġi salvagwardjata l-uniċità tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Ix-xiri taħt il-PEPP se jsir skont l-oqfsa eżistenti stabbiliti għall-APP, ħlief kif stipulat speċifikament f’din id-Deċiżjoni.

(11)

Fit-18 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jespandi l-firxa ta’ assi eliġibbli taħt il-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv għal dokumenti kummerċjali mhux finanzjarji, biex b'hekk id-dokumenti kummerċjali kollha ta’ kwalità ta’ kreditu suffiċjenti isiru wkoll eliġibbli għal xiri taħt il-PEPP.

(12)

Sabiex ikun hemm reazzjoni fil-pront għas-sitwazzjoni pandemika attwali, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni tal-PEPP

1.   L-Eurosistema b’dan qiegħda tistabbilixxi l-programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza fil-każ ta’ pandemija (il-‘PEPP’) bħala programm ta’ xiri separat b’pakkett totali ta’ EUR 750 biljun.

2.   Taħt il-PEPP, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom, ħlief kif ipprovdut espliċitament mod ieħor f’din id-Deċiżjoni, jixtru:

(a)

Titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli fit-tifsira ta', u skont, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2020/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/9);

(b)

bonds korporattivi eliġibbli u strumenti ta’ dejn negozjabbli oħra fit-tifsira ta', u skont, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/16) (2);

(c)

bonds koperti eliġibbli fit-tifsira ta’, u skont, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2020/187 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2020/8) (3);

(d)

titoli ggarantiti minn assi eliġibbli (ABS) fis-sens ta', u skont, id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/45) (4)

Artikolu 2

Maturità ta’ titoli ta’ dejn pubbliku negozjabbli

Sabiex ikunu eliġibbli għax-xiri skont il-PEPP, it-titoli ta’ dejn negozjabbli, fit-tifsira tal-Artikolu 1(2)(a), għandu jkollhom maturità rimanenti minima ta’ 70 jum u maturità rimanenti massima ta’ 30 sena fiż-żmien tax-xiri tagħhom mill-bank ċentrali rilevanti tal-Eurosistema. Sabiex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni bla xkiel, l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli b’maturità rimanenti ta’ 30 sena u 364 jum għandhom ikunu eliġibbli taħt il-PEPP.

Artikolu 3

Rinunzja għal titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġin mir-Repubblika Ellenika

Minkejja r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/188 (BĊE/2020/9), titoli ta' dejn negozjabbli denominati f'euro maħruġin mill-gvern ċentrali tar-Repubblika Ellenika għandhom ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PEPP, sakemm ikunu konformi mal-kriterji tax-xiri kif stabbilit fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni (UE) 2020/188 (BĊE/2020/9).

Artikolu 4

Ammont ta’ xiri

Ix-xiri għandu jsir taħt il-PEPP sa fejn ikun meqjus meħtieġ u b’mod proporzjonat sabiex jiġi miġġieled it-theddid maħluq mill-kundizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq straordinarji għall-kapaċità tal-Eurosistema li tissodisfa l-mandat tagħha. Sabiex tiġi ffaċilitata l-effettività ta' din id-deċiżjoni eċċezzjonali, il-konsolidazzjoni ta' parteċipazzjonijiet skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/188 (BĊE/2020/9) ma għandhiex tapplika għal parteċipazzjonijiet tal-PEPP.

Artikolu 5

Allokazzjoni ta’ portafolli

1.   L-allokazzjoni ta’ xiri nett kumulattiv ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti fost ġurisdizzjonijiet eliġibbli taż-żona tal-euro għandhom ikomplu jiġu ggwidati, fuq bażi ta’ stokk, mis-sottoskrizzjoni tal-BĊNi rispettivi lill-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ.

2.   Ix-xiri taħt il-PEPP għandu jsir b'mod flessibbli li jippermetti varjazzjonijiet fid-distribuzzjoni tal-flussi tax-xiri matul iż-żmien, fost il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet.

3.   Il-Kunsill Governattiv jiddelega lill-Bord Eżekuttiv is-setgħa li jistabbilixxi l-pass u l-kompożizzjoni xierqa tax-xiri ta’ kull xahar tal-PEPP fi ħdan il-pakkett totali ta’ EUR 750 biljun. B’mod partikolari, l-allokazzjoni tax-xiri tista’ tiġi aġġustata taħt il-PEPP biex tippermetti varjazzjonijiet fid-distribuzzjoni tal-flussi tax-xiri, matul iż-żmien, fost il-klassijiet tal-assi u fost il-ġurisdizzjonijiet.

Artikolu 6

Trasparenza

1.   L-Eurosistema għandha tippubblika, fuq bażi ta’ kull ġimgħa, il-valur kontabbli aggregat tat-titoli miżmuma taħt il-PEPP fil-kummentarju tar-rendikont finanzjarju kkonsolidat tagħha ta’ kull ġimgħa.

2.   L-Eurosistema għandha tippubblika, fuq bażi ta’ kull xahar, ix-xiri nett ta’ kull xahar u x-xiri nett kumulattiv.

3.   Il-valur kontabbli ta’ titoli miżmuma taħt il-PEPP għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fit-taqsima dwar l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ fuq bażi ta’ kull ġimgħa.

Artikolu 7

Self ta’ titoli

L-Eurosistema għandha tagħmel it-titoli mixtrijin taħt il-PEPP, inklużi riakkwisti, disponibbli għas-self sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-PEPP.

Artikolu 8

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ Marzu 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Frar 2020 dwar programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (BĊE/2020/9) (ĠU L 39, 12.2.2020, p. 12).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16) (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 28).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2020/187 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Frar 2020 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (BĊE/2020/8),(ĠU L 39, 12.2.2020, p. 6).

(4)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).


Fuq