EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52014AB0036

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar proposta għal regolament dwar il-fondi tas-suq monetarju (CON/2014/36)

ĠU C 255, 6.8.2014, p. 3–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta’ Mejju 2014

dwar proposta għal regolament dwar il-fondi tas-suq monetarju

(CON/2014/36)

2014/C 255/04

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-13 ta’ Novembru 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi tas-suq monetarju (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni dwar ir-regolament propost hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet li jeffettwaw il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Ir-regolament propost huwa parti minn sforz internazzjonali usa’ aktar riċenti bi8ex jiġi żviluppat qafas regolatorju għal entitajiet tas-sistema bankarja “parallela”. Kif hemm emfasizzat fit-tweġiba tal-Eurosistema għall-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sistema bankarja “parallela” (minn hawn ‘il quddiem it-“tweġiba tal-Eurosistema”), il-BĊE huwa interessat ħafna fi żviluppi li jikkonċernaw is-sistema bankarja “parallela” minħabba l-importanza li jista’ jkollha għall-istabbiltà finanzjarja (2).

2.

Speċifikament fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-fondi tas-suq monetarju (MMFs), L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (International Organization of Securities Commissions – IOSCO) ħarġet rakkomandazzjonijiet f’Ottubru tal-2012 (3), li sussegwentement ġew approvati mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB), filwaqt li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) adotta rakkomandazzjonijet ta’ politika indirizzati lill-Kummissjoni f’Diċembru 2012 (4). Il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (Committee of European Securities Regulators- CESR), il-predeċessur tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA – European Securities and Markets Authority), fl-2010 adotta linji gwida dwar definizzjoni komuni ta’ fondi tas-suq monetarju Ewropew (minn hawn ‘il quddiem il-Linji Gwida CESR’) (5), li l-BĊE segwa, bl-aġġustament tad-definizzjoni ta’ MMFs għal finijiet ta’ statistika (6).

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Kumplimentarità bejn ir-regolament propost u l-oqfsa legali għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u għall-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMs)

Ir-reġim għall-MMFs introdott mir-regolament propost huwa maħsub biex jissupplimenta r-regoli eżistenti relatati mal-operat tal-fondi ta’ investiment (7) kif diġà stabbiliti fid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (minn hawn ‘il quddiem id-“Direttiva UCITS”) u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (minn hawn ‘il quddiem, id-“Direttiva AIFM”). Ir-regoli introdotti minn dawn iż-żewġ Direttivi jorbtu lill-parteċipanti fis-suq wara t-trasposizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali biss (10). Għalhekk il-BĊE jirrakkomanda illi r-regolament propost għandu jikkjarifika l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi UCITS u AIFM u d-dispożizzjonijiet tar-regolament propost li huma applikabbli direttament, u għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi bejn ġurisdizzjonijiet differenti safejn hu l-aktar possibblu. B’mod partikolari, għandu jkun żgurat li l-MMFs jingħataw awtorizzazzjoni biss meta jikkonformaw mal-ġabra sħiħa ta’ kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva dwar il-UCITS jew dik dwar l-AIFM (11).

2.   Kunsiderazzjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja

2.1

Ir-regolament propost huwa konsistenti ma’ standards ta’ politika internazzjonali promossi għall-MMFs (12). Kif iddikjarat fir-risposta tal-Eurosistema, il-kriżi finanzjarja ħarġet biċ-ċar it-tħassib speċifiku relatat mal-istabilità finanzjarja u r-riskju sistemiku li jirriżulta mis-settur MMF, li jeħtieġ konsiderazzjoni b'attenzjoni.

2.2

B’mod simili għal banek li jieħdu depożiti fil-konfront tad-depożitanti tagħhom, l-MMFs jimpenjaw ruħhom fir-rigward tal-azzjonisti tagħhom li jipprovdu likwidità imemdjata fuq talba, biex b’hekk potenzjalment tiċċajpar id-distinzjoni bejnhom u banek. Peress li l-MMFs huma involuti wkoll fit-trasformazzjoni tal-maturità (13), fidi f’daqqa u kbir mill-azzjonisti jista’ jwassal biex l-MMFs ikunu mġiegħla li jnaqqsu l-kwantità tal-attivitajiet tagħhom ta’ investiment fi strumenti tas-suq monetarju. Peress li l-MMFs, b’differenza mill-banek, ma għandhomx aċċess għal xbieki ta’ sigurtà pubbliċi, bħal finanzjament mill-bank ċentrali u assigurazzjoni tad-depożiti, ix-xenarju fl-agħar każ jikkonsisti f’telf ta’ kunfidenza mill-azzjonisti ta’ MMF li jkunu qegħdin ifittxu l-vantaġġ ta' dak li jieħu l-ewwel pass. Dan eventwalment jista’ jwassal għal assalt fuq l-MMFs, bil-konsegwenza li l-assi miżmuma jkollhom jinbiegħu bi skont. Dan ir-riskju huwa partikolarment akut fil-każ ta’ MMFs b’valur nett tal-assi kostanti (CNAV MMFs) sal-punt li, minħabba l-mudell tan-negozju tagħhom, eventwalment jistgħu jitqiesu li jkunu naqsu milli jifdu l-unitajiet jew ishma tagħhom b’valur ugwali.

2.3

Mill-perspettiva ta’ stabilità finanzjarja, assalt tal-investituri fuq MMFs jagħmel ħsara lill-funzjonament tas-swieq monetarji, u jikkontribwixxi għat-tixrid u l-amplifikazzjoni ta’ riskji finanzjarji fis-sistema kollha, u jkollu impatt prinċipali fuq dawk l-intermedjarji finanzjarji, bħal banek, li jiddependu b’mod sinifikanti fuq MMFs bħala sors ta’ finanzjament għal żmien qasir.

2.4

Barra minn hekk, għadd ta’ banek Ewropej kbar qegħdin jisponsorjaw l-MMFs. Din iċ-ċirkustanza toħloq riskji kemm finanzjarji kif ukoll għar-reputazzjoni għall-istituzzjonijiet sponsorizzanti li jistgħu konsegwentement ikolhom bżonn jappoġġaw, u eventwalment isalvaw, lil dawn l-MMFs. Din il-forma ta’ interkonnessjoni ta’ MMFs ma’ intermedjarji finanzjarji oħrajn tipprovdi wkoll ir-razzjonal biex jiġi rriformat il-qafas regolatorju tal-MMF.

3.   MMFs b’Valur Nett tal-Assi Kostanti

3.1

Kontra dan l-isfond, hemm kunsens internazzjonali dwar l-importanza li jiġu indirizzati riskji li jirriżultaw minn CNAV MMFs (14). L-FSB approva l-ħidma tal-IOSCO (15), u ppropona żewġ għażliet alternattivi sabiex jiġu indirizzati r-riskji msemmija hawn fuq: (a) jitneħħew il-karatteristiċi tal-MMFs li jżidu s-suxxettibbiltà tagħhom għal assalti mill-investituri billi tkun meħtieġa l-konverżjoni tal-mudell CNAV; jew (b) li l-MMFs jitħallew jużaw il-mudell CNAV, kemm-il darba dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti li huma funzjonalment ekwivalenti għar-regolament dwar servizzi bankarji prudenti.

3.2.

B’mod ġenerali, waqt li l-miżuri konkreti ta’ politika mwettqa jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq, huwa importanti li tinkiseb konverġenza sostanzjali fuq livell internazzjonali sabiex jiġi evitat li differenzi fir-regolamenti bejn ġurisdizzjonijiet prinċipali, b’mod partikolari bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti (fejn jinsab stabbilit porzjon kbir ħafna tal-industrija dinjija tal-MMF), jagħtu lok għal arbitrage regolatorju. Fl-Istati Uniti, l-awtoritajiet responsabbli għadhom qegħdin jivvalutaw approċċi alternattivi, li jvarjaw minn konverżjoni mandatorja ta’ fondi CNAV għall-introduzzjoni ta’ tariffi ta’ likwidità u kontrolli fuq il-fidi (16).

3.3

F’dan il-kuntest, ir-regolament propost jintroduċi bafer tal-valur nett tal-assi (bafer NAV) għal CNAV MMFs sabieex jindirizza riskji għall-istabilità finanzjarja, sabiex b'hekk tiġi evitata konverżjoni għal valutazzjoni varjabbli tal-assi netti. Il-BĊE jinnota li l-bafer NAV meħtieġ mir-regolament propost (17) huwa maħsub biex itejjeb ir-reżiljenza ta’ CNAV MMFs u l-kapaċità tagħhom li jħallsu lura lill-investituri li jitolbu ġbid ta’ fondi b’avviż qasir. Il-BĊE jfakkar li l-BERS aktar kmieni kien irrakkomanda konverżjoni obbligatorja ta’ CNAV MMFs (18) u elimina l-alternattiva li jiġu applikati rekwiżiti kapitali peress li dawn tal-aħħar aktarx li jirriżultaw f’konsolidazzjoni ulterjuri ta’ industrija li diġà hija kkonċentrata b’mod sinifikanti, u b’hekk f’konċentrazzjoni ta’ riskju akbar minn perspettiva makro-prudenzjali (19). Il-BĊE jinnota li l-għażla ta’ bafer tal-NAV hija mmotivata mill-Kummissjoni mill-ħtieġa li jiġi evitat li l-kwotazzjoni ġenerali tal-NAV tas-CNAV MMF’s kollha tikkawża tfixkil potenzjali għall-finanzjament tal-ekonomija reali (u b'mod partikolari għal entitajiet li jdidependu fuq il-ħruġ ta' dejn għal żmien qasir miżmum minn MMFs) (20). Il-BĊE jikkunsidra din il-proposta bħala pass biex jiġu indirizzati r-riskji li jirriżultaw minn CNAV MMFs, li huwa konsistenti ma’ rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO approvati mill-FSB, u jinnota li r-reviżjoni prevista mill-Kummissjoni tal-adegwatezza tar-regoli proposti tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (21) tipprovdi opportunità biex din il-kwistjoni tiġi kkunsidrata mil-ġdid u biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-BERS.

3.4

Madankollu, hemm xi aspetti tal-bafer li jistgħu jeħtieġu valutazzjoni ulterjuri.

(a)

Fir-rigward tal-kalkolu tal-bafer, ir-regolament propost jiddikjara li l-bafer għas-CNAV MMFs għandu jammonta għal ta’ mill-inqas 3 % tal-valur totali tal-assi, jiġifieri huwa bafer mhux ibbażat fuq ir-riskju. Il-fatt li din ir-regola ma tqisx il-profil tar-riskju tal-MMF’s waqt li tiffaċilita l-applikazjoni tagħha jista’ jkollu konsegwenzi mhux mixtieqa fuq il-politiki ta’ investiment ta’ CNAV MMFs. Il-pressjoni tas-suq biex il-bafer jinbena jew jiġi rrikostitwit malajr tista’ tkun ta' inċentiv għal CNAV MMFs bi profil ta’ riskju baxx fuq iżidu l-objettivi tagħhom ta’ profitabbiltà.

(b)

Fir-rigward tal-perjodu mogħti biex il-bafer tan-NAV jiġi rrikostitwit għal-livell minimu meħtieġ, idealment dan għandu jiddependi fuq il-grad ta' eżawriment tal-bafer tan-NAV kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet ġenerali tas-suq li jfixklu r-rikostituzzjoni. Fid-dawl tal-perjodu ta' żmien qasir ipprovdut fir-regolament propost (22) il-BĊE jissuġġerixxi li jitqiesu mezzi aktar flessibbli għall-manutenzjoni tal-bafer tan-NAV, inkluża estensjoni tal-perjodu ta’ rikostituzzjoni.

4.   Appoġġ estern

4.1

Il-BĊE jilqa’ l-fatt li r-regolament propost jirrestrinġi l-għoti ta’ appoġġ estern għal CNAV MMFs għall-bafer tan-NAV (23). Il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li MMFs minbarra CNAV MMFs jistgħu jirċievu biss appoġġ estern sabiex tiġi ggarantita l-likwidità tagħhom f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali bil-ftehim tal-awtorità kompetenti tal-MMF ikkonċernat u, fil-każ fejn il-fornitur ta’ servizz ikun soġġett għal regolament prudenzjali, il-ftehim min-naħa tal-awtorità prudenzjali ta’ din tal-aħħar (24).

F’dan il-kuntest, għandu jiġi żgurat li s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ kumpaniji parent jirċievu informazzjoni kif suppost u regolari mill-maniġers tal-MMFs tal-grupp tagħhom, u li kull informazzjoni dwar problema ta' likwidità relevanti li tkun tista' tiskatta l-ħtieġa ta' appoġġ tiġi żvelata fil-pront lill-awtoritajiet prudenzjali kompetenti.

Il-BĊE jikkunsidra li dak l-appoġġ estern għandu jkun strettament eċċezzjonali. Sabiex jiġu evitati effetti ta’ kontaġju, id-diffikultajiet ma’ MMFs fil-fidi ta’ unitajiet jew ishma għandhom jiġu indirizzati primarjament permezz ta’ mezzi oħrajn, bħas-sospensjoni temporanja ta’ talbietgħal fidi kif ipprovdut fid-Direttiva UCITS (25), jew permezz tal-hekk imsejħa kontrolli tal-fidi (26).

4.2

Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jkollhom evalwazzjoni differenti ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li taħtha l-MMFs minbarra CNAV MMFs jistgħu jitħallew jirċievu appoġġ estern (27), speċifikament meta r-riskju jkollhu ambitu sovranazzjonali jew wiesa’. Għall-awtorità kompetenti tal-MMF, konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-istabilità tal-MMF jistgħu jipprevalu fuq dawk relatati mal-istabilità tal-bank li jkun l-isponsor. Sabiex tiġi żgurata konsistenza fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-Istati Membri kollha, tista’ tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta’ element ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

5.   Ġestjoni tar-riskju tal-MMFs

Il-BĊE ġeneralment jilqa' l-objettiv tar-regolament propost li jiddaħħlu prattiċi sodi għall-ġestjoni tar-riskju għall-MMFs, bħal ma huma: regoli tal-portafoll preċiżi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-Linji Gwida tas-CESR; (b) ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti politiki ta’ “kun af lill-klijent tiegħek”; u (c) it-twettiq ta’ testijiet tal-istress regolari. Filwaqt illi r-regoli tal-portafoll ser jillimitaw kemm ir-riskji potenzjali tal-likwidità kif ukoll ir-riskji potenzjali tal-konċentrazzjoni li jirriżultaw min-naħa tal-assi tal-MMFs, l-introduzzjoni ta’ politiki ta’ diliġenza dovuta ser ittejjeb l-abbiltà tal-maniġment ta’ MMF li jidentifika riskji potenzjali, inklużi “run risks”, li joriġinaw min-naħa tal-obbligazzjoniijet tal-MMFs. Barra minn dan, xenarji ta’ stressippjanati sew jistgħu jkunu għodda importanti biex jiġi evalwat l-impatt ta’ avvenimenti ta’ kriżi speċifiċi, filwaqt illi l-eżitu ta’ testijiet tal-istress jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għall-maniġment biex l-MMF tiġi mħarsa kontra dawn l-avvenimenti negattivi.

6.   Ir-rwol tal-MMFs fl-intermedjazzjoni

6.1

Il-BĊE jinnota l-eżenzjonijiet fil-kriterji tal-eliġibbiltà għal strumenti bi kwalità ta’ kreditu għolja li jinħarġu jew jiġu ggarantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta’ Stat Membru, il-BĊE, l-Unjoni, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment (28). Dawn l-eżenzjonijiet huma wkoll allinjati ma’ oħrajn simili li saru għal entitajiet relatati mal-gvern imħeġġa mill-proposti riċenti tal-FSB dwar l-istandards minimi tat-tnaqqis impost li jridu jiġu applikati lit-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament ta' titoli (29). Il-BĊE jinnota illi dawn l-eżenzjonijiet iridu jkunu ġew trasposti b’mod konsistenti fil-proċeduri interni tal-maniġers għall-valutazzjoni tal-kreditu (30).

6.2

Filwaqt illi jilqa’ r-regolament propost minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja, il-BĊE madankollu jirrileva l-ħtieġa għal evalwazzjoni tal-impatt ikkombinat tal-miżuri proposti fuq ir-rwol ta’ intermedjazzjoni tal-MMFs fis-sistema finanzjarja tal-Unjoni. B’mod partikolari, jista’ jiġi maħsub illi l-kapaċità ta’ intermedjazzjoni tal-MMFs potenzjalment titnaqqas, peress illi l-MMFs ser jintalbu jżommu parti sinifikanti tal-assi tagħhom (30 %) f’assi li jimmaturaw ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa (31), filwaqt illi preżentement ma jeżistu ebda limitazzjonijiet bħal dawn. Barra minn dan, il-Proporzjon tal-Kopertura tal-Liquidità (Liquidity Coverage Ratio) (32), li jittratta l-finanzjament minn impriżi b’mod aktar favorevoli mill-finanzjament iġġenerat permezz tal-maniġers tal-assi, jista’ jżid l-inċentivi għall-banek biex jiġġeneraw il-finanzjament direttament mill-impriżi. Regoli futuri dwar il-finanzjament stabbli nett jista’ jeffettwa wkoll il-konnessjoni bejn il-banek u l-MMFs. F’dan il-kuntest, il-BĊE jissuġġerixxi evalwazzjoni ulterjuri tal-impatt tar-regolament propost fuq ix-xejriet tal-intermedjazzjoni bankarja u l-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu matul it-tranżizzjoni minn reġim ta' intermedjazzjoni għal ieħor. B’mod partikolari, għandu jiġi evalwat jekk ir-riallokazzjoni ta’ fondi minn MMFs għas-sistema bankarja hijiex sostanzjali u jekk dan fil-fatt ikollux impatt fuq is-swieq monetarji għal żmien qasir (33).

6.3

Barra minn dan, l-MMFs għandhom rwol importanti bħala wieħed mill-investituri ewlenin fis-suq tal-assi titolizzati ta’ terminu qasir, bħal ma huma l-Karti Kummerċjali Garantiti b'Assi (Asset Backed Commercial Papers, ABCPs). Is-suq tal-ABCP huwa importanti għall-intermedjazzjoni ta’ kreditu ta’ terminu qasir lill-ekonomija reali, eż. il-kreditu tan-negozju. Ir-regolament propost jistipula r-rekwiżiti għall-eliġibbiltà ta’ assi titolizzati għall-investiment minn MMFs, inkluż ir-rekwiżiti għall-pul sottostanti ta’ assi fir-rigward tat-tip, ir-riskju tal-kreditu u tal-likwidità, u l-limitu tal-maturità (34). Filwaqt illi l-BĊE jirrikonoxxi illi dawn ir-rekwiżiti ser iżidu t-trasparenza tal-portafolji ta’ investiment tal-MMFs u jtejbu l-ġestjoni tar-riskju tal-kreditu u tal-likwidità, huwa jissuġġerixxi l-valutazzjoni tal-benefiċċji tar-restrizzjonijiet għall-investiment fl-ABZPs ikkontemplati fil-konfront tal-impatt tagħhom fuq il-funzjonament u l-profondità tas-swieq tat-titolizzazzjoni.

6.4

Il-Kummissjoni diġà nnotat illi l-kost tal-implimentazzjoni tar-riforma tista’ twassal biex numru ta’ fondi eżistenti joħorġu mis-suq (35), li jista’ jwassal għal aktar konċentrazzjoni f’suq li huwa diġà kkonċentrat (36). Jekk din is-sitwazzjoni sseħħ, l-MMFs rimanenti jistgħu jsiru aktar sistemikament importanti, partikolarment fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja, minħabba l-involviment tal-MMFs fil-finanzjament tal-banek għal żmien qasir. Dawn l-aspetti jeħtieġu wkoll evalwazzjoni ulterjuri.

7.   Sistemi ta’ klassifikazzjoni interni

Ir-regolament propost jeħtieġ li l-maniġers tal-MMFs iżommu sistema interna ta’ klassifikazzjoni (37) u jipprojbixxi lill-MMFs u lill-maniġer tagħhom milli jitolbu lil aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu biex tagħti klassifikazzjoni għall-MMF (38). Il-BĊE jappoġġja l-objettiv li titnaqqas id-dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet esterni (39). Fl-istess waqt, il-BĊE jinnota illi l-mudelli interni ta’ klassifikazzjoni jistgħu jirrendu valutazzjonijiet tal-kreditu simili għal dawk ta’ aġenziji tal-kreditu, li jfisser illi n-numru ta’ emittenti bi klassifikazzjoni għolja ser jibqa' limitat. Għalhekk, ir-riskju tal-bejgħ forzat tal-assi f’każ ta’ reċessjonijiet ekonomiċi ma huwiex neċessarjament imnaqqas. Ġeneralment, il-kwistjonijiet etiċi għandhom jiġu indirizzati wkoll sabiex jiġi żgurat illi r-riżultati tal-klassifikazzjonijiet interni ma jiġux influwenzati minn interessi vestiti.

8.   Rekwiżiti tar-rapportar għall-MMFs

8.1

Bid-dħul fis-seħħ tar-regolament propost, jistgħu jiġu stabbiliti, innegozjati jew ġestiti fl-Unjoni bħala MMFs biss dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv awtorizzati skont ir-reġim ipprovdut fih (40). Id-definizzjoni preżenti ta’ MMFs għall-finijiet tal-ġbir ta’ statistika ta’ istituzzjonijiet finanzjarji monetarji hija allijata mal-Linji Gwida CESR, li jiżgura t-trattament konsistenti ta’ MMFs għal finijiet statistiċi u superviżorji. Għaldaqstant, wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament propost (41) u sakemm ikun hemm emendi ulterjuri għall-qafas statistiku tal-BĊE, jista’ potenzjalment ikun hemm perijodu li matulu japplikaw definizzjonijiet differenti għal finijiet superviżorji u statistiċi tal-BĊE. F’dan ir-rigward, ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) fih kriterji għall-identifikazzjoni ta’ MMFs li huma obbligatorji għal finijiet statistiċi, irrispettivament minn jekk humiex applikati għal finijiet superviżorji fil-livell nazzjonali.

8.2

Ir-regolament propost jitlob li l-maniġers ta’ MMF jirrapportaw informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi trimestrali. Din l-informazzjoni għandha mbagħad tkun disponibbli lill-ESMA għall-finijiet li tinħoloq bażi ta’ dejta ċentrali tal-MMFs kollha stabbiliti, ġestiti jew kummerċjalizzati fl-Unjoni. Il-BĊE għandu jkollu aċċess għal din il-bażi ta’ dejta għal finijiet statistiċi biss (42). Filwaqt li l-BĊE jappoġġja din ir-referenza espressa, jista’ jkun meħtieġ aċċess usa’ għal dejta oħra tal-MMF sabiex jiġi żgurat il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali lil (i) it-tmexxija mingħajr xkiel ta’ politiki relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u (ii) l-appoġġ analitiku u statistiku tal-BĊE lill-BERS (43).

9.   Dispożizzjonijiet oħrajn

Minbarra l-osservazzjonijiet speċifiċi aktar ‘il fuq, il-BĊE jissuġġerixxi numru ta’ emendi tekniċi għar-regolament propost. Dawn jirrelataw, b’mod partikolari, li l-involviment xieraq tal-ESMA jiġi żgurat fl-oqsma kollha relevanti (44), iżda wkoll biex jiġi żgurat li d-definizzjonijiet huma konsistenti fil-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji fl-Unjoni (45), u li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (46).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, għal dan il-għan qed jiġu stipulati fl-Anness proposti speċifiċi tal-abbozzar flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, fil-21 ta’ Mejju 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2013) 615 final.

(2)  Ara t-tweġiba tal-Eurosistema għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-sistema bankarja “parallela”, 5 ta’ Lulju 2012, disponibbli fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(3)  Ara r-rakkommandazzjonijiet ta’ politika għall-fondi tas-suq monetarju, Rapport Finali, FR07/12, 9 ta’ Ottubru 2012 (minn hawn ‘il quddiem ir-“rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO”) disponibbli fuq il-websajt tal-IOSCO fuq www.iosco.org.

(4)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-fondi tas-suq monetarju (ĠU C 146, 25.5.2013, p.1) (minn hawn ‘il quddiem ir-“rakkomandazzjoni tal-BERS”).

(5)  Ara l-Linji Gwida dwar definizzjoni komuni ta’ fondi tas-suq monetarju Ewropew, 19 ta’ Mejju 2010, disponibbli fuq il-websajt tal-ESMA fuq www.esma.europa.eu.

(6)  Ara r-Regolament (UE) nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2013 dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1).

(7)  L-Artikolu 6 tar-regolament propost.

(8)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(9)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p.1).

(10)  Dawn ir-regoli huma speċifikati aktar f’numru ta’ linji gwida mhux vinkolanti adottati mill-ESMA. Ara pereżempju l-Linji Gwidadwar il-kunċetti ewlenin tal-AIFMD tal-24 ta’ Mejju 2013 (ESMA/2013/600) u l-Linji Gwida tas-CESR dwar l-assi eliġibbli għall-investiment minn UCITS tad-19 ta’ Marzu 2007 (CESR/07-044), it-tnejn disponibbli fuq il-websajt tal-ESMA fuq www.esma.europa.eu.

(11)  Ara l-emenda 2.

(12)  Ir-regolament propost ġie milqugħ ukoll fl-Abbozz ta’ Rapport iddatat 15 ta’ Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi tas-Suq Monetarju (COM(2013)0615 – C7-0263/2013 – 2013/0306(COD)), disponibbli fuq il-websajt tal-Parlament Ewropew fuq: www.europarl.europa.eu.

(13)  L-MMFs għandhom rwol fit-trasformazzjoni tal-maturità billi jinvestu l-flus kontanti għal żmien qasir li jirċievu mill-entitajiet korporattivi, pereżempju, f'karta kummerċjali (tipikament b'maturità ta' xahar jew itwal) maħruġa mill-banek.

(14)  Ara r-rakkomandazzjoni 10 tar-rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO u r-rakkomandazzjoni A tar-rakkomandazzjoni tal-BERS.

(15)  Ara d-Dokument ta’ Konsultazzjoni “Strengthening Oversight and Regulation of Shadow Banking An Integrated Overview of Policy Recommendations”, 18 ta’ Novembru 2012, disponibbli fuq il-websajt tal-FSB fuq www.financialstabilityboard.org.

(16)  Ġie propost rekwiżit ta’ NAV buffer ibbażat fuq ir-riskju, bħala alternattiva ta’ politika waħda, mill-Financial Stability Oversight Council (FSOC) tal-Istati Uniti fir-rakkomandazzjonijiet proposti tiegħu għal riforma tal-fondi reċiproki tas-suq monetarju (Ara l-Proposed Recommendations Regarding Money Market Mutual Fund Reform maħruġa fit-13 ta’ Novembru 2012, disponibbli fuq il-websajt tal-United States Treasury fuq www.treasury.gov). Dan l-aħħar, is-Securities and Exchange Commission (SEC) tal-Istati Uniti ħarġet avviż ta’ regola proposta li tipprovdi għażliet differenti: (a) konverżjoni obbligatorja għal MMFs b’valur nett varjabbli tal-assi (Vaariable Net Asset Value – VNAV) b’eżenzjoni għal CNAV MMFs bi profil ta’ riskju baxx (l-hekk imsejħa MMFs tal-gvern u MMFs bl-imnut); (b) l-introduzzjoni ta’ tariffi ta' likwidità u kontrolli fuq il-fidi, soġġett għall-approvazzjoni tal-bord tal-fond, li dwarhom għandek tara r-regola(i) proposta(i) għall-emendar ta’ regoli dwar fondi reċiproki tas-suq monetarju (jew “Fondi tas-suq monetarju”) taħt l-Investment Company Act tal-1940, SEC Release Nru 33-9408 (5 ta’ Ġunju 2013), Federal Register Vol. 78, Nru 118, p. 36834 (19 ta’ Ġunju 2013), disponibbli fuq il-websajt tas-SEC fuq www.sec.gov).

(17)  L-Artikolu 30 tar-regolament propost.

(18)  Ara r-rakkomandazzjoni A tar-rakkomandazzjoni BERS.

(19)  See page 30 of the Annex to the ESRB Recommendation.

(20)  Ara l-paġna 47 tar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar fondi tas-suq monetarju (iktar ’il quddiem il-“Valutazzjoni tal-Impatt”) (SWD(2013) 315 finali), 4.9.2013.

(21)  Artikolu 45 tar-regolament propost.

(22)  Artikolu 33(2) tar-regolament propost.

(23)  Artikolu 29(2)(g) tar-regolament propost.

(24)  Artikolu 36 tar-regolament propost.

(25)  Ara l-Artikolu 84 tad-Direttiva 2009/65/KE.

(26)  Pereżempju, limitazzjonijiet fuq l-ammonti li jistgħu jinfdew sa proporzjon speċifiku fi kwalunkwe jum ta’ fidi. Ara r-rakkomandazzjoni 9 tar-rakkomandazzjonijiet tal-IOSCO.

(27)  Artikolu 36 tar-regolament propost.

(28)  L-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 13(5)(a) tar-regolament propost.

(29)  Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Policy Framework for Addressing Shadow Banking Risks in Securities Lending and Repos (Qafas ta’ Politika biex Jiġu Indirizzati Riskji fis-Sistema Bankarja “Parallela” għas-Self ta’ Titoli u Riakkwisti), 29 ta’ Awwissu 2013, disponibbli fuq il-websajt tal-FSB fuq www.financialstabilityboard.org.

(30)  L-Artikolu 16 tar-regolament propost.

(31)  Artikoli 21 u 22(1) tar-regolament propost.

(32)  Ara “Basel III: The Liquidity Coverage Ratio and liquidity risk monitoring tools” tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, datat Jannar 2013 (u emendat f’Jannar 2014), disponibbli fuq il-websajt tal-Bank tal-Ħlasijiet Internazzjonali fuq www.bis.org

(33)  L-MMFs preżentement iżommu 38 % tad-dejn għal-żmien qasir maħruġ mis-settur bankarju. Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, p.4

(34)  Artikolu 10 tar-regolament propost.

(35)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, p.45

(36)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt, p.44. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota illi fis-suq tal-Unjoni tas-CNAV preżentement hemm 23 fornitur ta’ MMFs ta’ CNAV, l-akbar għaxar fondi jaqsmu bejniethom 85 % tas-suq u l-akbar ħames fondi jaqsmu bejniethom 65 % tas-suq.

(37)  Artikolu 16(2) tar-regolament propost.

(38)  L-Artikolu 23 tar-regolament propost.

(39)  Ara l-Opinjoni CON/2012/24. L-opinjonijiet kollha tal-BCE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu.

(40)  Artikolu 3(1) tar-regolament propost.

(41)  L-Artikolu 46 tar-regolament propost.

(42)  L-Artikolu 38(4) tar-regolament propost.

(43)  Ara l-emenda 8.

(44)  Ara l-emendi 6 u 7.

(45)  Ara l-emenda 3.

(46)  Ara l-emendi 4, 5 u 9.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE  (1)

Emenda 1

Premessa 9

‘Il-Linji Gwida dwar l-MMFs li kienu adottati mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (Committee of European Securities Regulators, CESR) sabiex joħolqu kundizzjonijiet ekwi minimi għall-MMFs fl-Unjoni, sena wara d-dħul fis-seħħ tagħhom kienu implimentati biss minn 12-il Stat Membru, li juri l-persistenza ta’ regoli nazzjonali diverġenti. L-approċċi nazzjonali differenti ma jindirizzawx il-vulnerabbiltajiet tas-swieq monetarji tal-Unjoni, kif deher matul il-kriżi finanzjarja, u biex inaqqsu r-riskji ta’ kontaġju u b’hekk jipperikolaw il-funzjonament u l-istabbiltà tas-suq intern. Dawn ir-regoli komuni dwar l-MMFs għalhekk għandhom jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u għandhom jipprevjenu u jimmitigaw kwalunkwe riskju potenzjali ta’ kontaġju li jirriżulta minn assalti bankarji possibbli mill-investituri fl-MMFs.’

‘Il-Linji Gwida dwar l-MMFs li kienu adottati mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (Committee of European Securities Regulators, CESR) sabiex joħolqu kundizzjonijiet ekwi minimi għall-MMFs fl-Unjoni, sena wara d-dħul fis-seħħ tagħhom ma kienux implimentati biss sew sena wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, jiġifieri sal-1 ta’ Lulju 2012 minn 12 20 -il Stat Membru, li juri l-persistenza ta’ regoli nazzjonali diverġenti. L-approċċi nazzjonali differenti ma jindirizzawx il-vulnerabbiltajiet tas-swieq monetarji tal-Unjoni, kif deher matul il-kriżi finanzjarja, u biex inaqqsu r-riskji ta’ kontaġju u b’hekk jipperikolaw il-funzjonament u l-istabbiltà tas-suq intern. Dawn ir-regoli komuni dwar l-MMFs għalhekk għandhom jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u għandhom jipprevjenu u jimmitigaw kwalunkwe riskju potenzjali ta’ kontaġju li jirriżulta minn assalti bankarji possibbli mill-investituri fl-MMFs.’

Spjegazzjoni

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tirrifletti aħjar l-eżitu tal-evalwazzjoni bejn il-pari  (2) mwettqa mill-ESMA fl-aħħar tal-2012 li teżamina l-mod li bih l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti applikaw il-Linji Gwida tas-CESR dwar definizzjoni komuni tal-fondi tas-suq monetarju Ewropew.

Emenda 2

Artikolu 1(1)

‘1.

[…]

Dan ir-Regolament japplika għal impriżi ta' investiment kollettiv li jeħtieġu awtorizzazzjoni bħala UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE jew li huma AIFs skont id-Direttiva 2011/61/UE, jinvestu f'assi b'terminu qasir ta' żmien u li għandhom għanijiet distinti jew kumulattivi li joffru redditi konformi mar-rati tas-suq monetarju jew li jippreservaw il-valur tal-investiment.’

‘1.

[…]

Dan ir-Regolament japplika għal impriżi ta' investiment kollettiv li jeħtieġu awtorizzazzjoni bħala UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE jew li huma AIFs ġestiti minn AIFM awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE, jinvestu f'assi b'terminu qasir ta' żmien u li għandhom għanijiet distinti jew kumulattivi li joffru redditi konformi mar-rati tas-suq monetarju jew li jippreservaw il-valur tal-investiment.’

Spjegazzjoni

Fid-definizzjoni tal-Artikolu 4(a)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE, l-“AIFs” huma kollha impriżi ta’ investiment kollettiv li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni skont Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE  (3) . Din id-definizzjoni tinkludi wkoll l-AIFs ġestiti minn AIFMs li huma eżentati kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/61/UE u li jistgħu jkunu suġġetti, pereżempju, għar-regoli tar-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (4) . Il-kliem tal-Artikolu 1(1) għandu jiġi emendat sabiex jikkjarifika illi AIFs ġestiti minn maniġers li ma humiex awtorizzati skont id-Direttiva 2011/61/UE ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost.

Emenda 3

Artikolu 2(22)

‘(22)

“bejgħ bin-nieqes” tfisser il-bejgħ skopert ta' strumenti tas-suq monetarju.’

‘(22)

“bejgħ bin-nieqes” tfisser il-bejgħ skopert ta' strumenti tas-suq monetarju. kull bejgħ mill-MMF ta’ strument li l-MMF ma jippossjedix fil-ħin li jidħol fil-ftehim ta’ bejgħ, inkluż dak il-bejgħ fejn, fil-ħin li jidħol fil-ftehim ta’ bejgħ, l-MMF ikun issellef jew ftiehem li jissellef l-istrument tas-suq monetarju għall-konsenja mal-ħlas.

Spjegazzjoni

Għal raġunijiet ta’ konsistenza, huwa preferibbli li d-definizzjonijiet fir-regolament propost jiġu allinjati mad-definizzjonijiet diġà stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (5).

Emenda 4

Artikolu 9

‘Artikolu 9

Strumenti eliġibbli tas-suq monetarju

1.

Strument tas-suq monetarju jkun eliġibbli għal investiment minn MMF diment li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

[…]

2.

L-MMF standard jitħalla jinvesti fi strument tas-suq monetarju li jġarrab aġġustamenti regolari fil-qligħ b'konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq monetarju kull 397 jum jew fuq bażi iktar spissa filwaqt li ma jkollux maturità residwa li taqbeż is-sentejn.

3.

Il-paragrafu 1(c), ma għandux japplika għal strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew garantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment.’

‘Artikolu 9

Strumenti eliġibbli tas-suq monetarju

1.

Strument tas-suq monetarju jkun eliġibbli għal investiment minn MMF għal żmien qasir diment li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

[…]

2.

L-MMF standard jitħalla jinvesti fi strument tas-suq monetarju li jġarrab aġġustamenti regolari fil-qligħ b'konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq monetarju kull 397 jum jew fuq bażi iktar spissa filwaqt li ma jkollux maturità residwa li taqbeż is-sentejn. Strument tas-suq monetarju jkun eliġibbli għal investiment minn MFF diment li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

jaqa' f'waħda mill-kategoriji ta' strumenti tas-suq monetarju msemmija fl-Artikolu 50(1)(a), (b), (c) jew (h) tad-Direttiva 2009/65/KE.

(b)

jgħaddi minn aġġustamenti regolari fir-renditu skont il-kundizzjonijiet tas-suq monetarju kull 397 jum jew fuq bażi aktar frekwenti filwaqt li jkollu maturità rimanenti li ma teċċedix sentejn.

(c)

l-emittent tal-istrument tas-suq monetarju ngħata waħda mill-ogħla żewġ gradi ta' klassifikazzjoni interna skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 16 sa 19 ta' dan ir-Regolament.

(d)

fejn jieħu l-esponiment għal titolizzazzjoni, dan ikun soġġett għal rekwiżiti addizzjonali stipulati fl-Artikolu 10.

3.

Il-paragrafu i 1(c) u 2c ma għandux homx japplikaw għal strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew garantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà/il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja jew il-Bank Ewropew tal-Investiment.’

L-iskop tal-Artikolu 9 huwa presumibbilment li jispeċifika aktar id-differenzi bejn ‘MMFs standard’ u ‘MMFs ta’ żmien qasir’ li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(13) u (14) permezz ta’ kross-referenzi għall-Artikolu 9(1) u (2). Għaldaqstant, l-Artikolu 9(1) għandu jirreferi għal ‘MMFs ta’ żmien qasir’, li għandhom jinvestu fi strumenti tas-suq monetarju b’maturità rimanenti ta’ sa 397 jum, filwaqt illi ‘standard MMFs’ għandhom jinvestu fi strumenti tas-suq monetarju b’maturità rimanenti ta’ sa sentejn. Sabiex jiġi żgurat illi ‘MMFs standard’ jikkonformaw ukoll mal-kundizzjonijiet 1(a), 1(c) u 1(d), il-paragrafu 2 għandu jiġi estiż.

Barra minn dan, il-BĊE jifhem illi l-eżenzjoni stipulata fil-paragrafu 3 hija wkoll applikabbli għal strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew iggarantiti mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (FESF). B’mod ġenerali, ir-referenzi kollha għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fir-regolament propost jitqiesu bħala impliċitament applikabbli għall-FESF ukoll.

Emenda 5

Artikolu 13(3)

‘3.

It-Titolizzazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 10 ma għandhomx ikunu waslu għand l-MMF bħala parti ta’ ftehim ta' retroakkwist. L-assi riċevuti mill-MMF bħala parti minn ftehim ta' retroakkwist ma għandhomx jinbiegħu, jerġgħu jiġu investiti, mirhuna jew trasferiti b'xi mod ieħor.’

‘3.

It-Titolizzazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 10 ma għandhomx ikunu waslu għand l-MMF bħala parti ta’ ftehim ta' retroakkwist. L-assi riċevuti mill-MMF bħala parti minn ftehim ta' retroakkwist ma għandhomx jinbiegħu, jerġgħu jiġu investiti, mirhuna jew trasferiti b'xi mod ieħor.’

Spjegazzjoni

Il-BĊE jifhem illi l-effett intiż ta’ din id-dispożizzjoni huwa biex ġeneralment jeskludi t-titolizzazzjonijiet mil-lista tal-assi li jistgħu jiġu riċevuti minn MMFs fi ftehim ta’ riakkwist bil-kontra. It-test korrispondenti għandu jiġi aġġustat sabiex tiġi evitata l-ambigwità.

Emenda 6

Artikolu 29(2)

‘2.

Is-CNAV MMF jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali kollha li ġejjin:

[…]

(b)

l-awtorità kompetenti tas-CNAV MMF tkun sodisfatta bi pjan dettaljat mis-CNAV MMF li jispeċifika l-modalitajiet tal-użu tal-bafer skont l-Artikolu 31;’

‘2.

Is-CNAV MMF jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali kollha li ġejjin:

[…]

(b)

l-awtorità kompetenti tas-CNAV MMF, wara li tkun ikkonsultat mal-ESMA, tkun sodisfatta bi pjan dettaljat mis-CNAV MMF li jispeċifika l-modalitajiet tal-użu tal-bafer skont l-Artikolu 31;’

Spjegazzjoni

Kif inhi, din id-dispożizzjoni tagħti diskrezzjoni sinifikanti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistgħu jkollhom il-konsegwenza mhux intiża li jkun hemm inċentiv għall-klemenza superviżorja. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi fl-Unjoni kollha, l-ESMA għandha tkun involuta fil-proċess.

Emenda 7

Artikolu 38(3)

‘3.

L-ESMA tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi mudell ta’ rapportaġġ li jinkludi l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.’

‘3.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi implimentattivi biex tispeċifika l-formati uniformi, il-frekwenzi, id-dati tar-rappurtar, id-definizzjonijiet u s-soluzzjonijiet tal-informatika li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għar-rappurtar sabiex tistabbilixxi mudell ta’ rapportaġġ li jinkludi tal-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti dawn l-istandards tekniċi implimentattivi lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.’

Spjegazzjoni

L-emendi proposti huma intiżi biex jallinjaw formalment u jikkjarifikaw l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat tal-ESMA fuq il-bażi ta’ mandati simili tal-ABE fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (6) . L-Artikolu 38(3) għandu jipprovdi skandenza tentattiva sa meta l-ESMA għandu jikkonsenja l-abbozz tal-istandards tekniċi lill-Kummissjoni. Din id-data għandha idealment tkun allinjata mad-dħul fis-seħħ tar-regolament propost, sabiex tiżgura illi l-ESMA tista’ toħloq minnufih bażi ta’ dejta ċentrali ta’ informazzjoni standardizzata u paragunabbli għall-MMFs kollha fl-Unjoni.

Emenda 8

Artikolu 38(4)

‘4.

L-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu lill-ESMA l-informazzjoni kollha riċevuta skont dan l-Artikolu, u kwalunkwe notifika jew informazzjoni oħra skambjata mal-MMF jew mal-maniġer tiegħu permezz ta’ dan ir-Regolament. Tali informazzjoni tiġi trażmessa lill-ESMA sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-aħħar tal-perjodu ta’ tliet xhur ta’ rapportar.

L-ESMA tiġbor l-informazzjoni biex toħloq bażi ta' dejta ċentrali tal-MMFs kollha stabbiliti, ġestiti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew ikollu dritt ta’ aċċess għal din il-bażi ta' dejta għal skopijiet ta’ statistika biss.’

‘4.

L-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu lill-ESMA l-informazzjoni kollha riċevuta skont dan l-Artikolu, u kwalunkwe notifika jew informazzjoni oħra skambjata mal-MMF jew mal-maniġer tiegħu permezz ta’ dan ir-Regolament. Tali informazzjoni tiġi trażmessa lill-ESMA sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-aħħar tal-perjodu ta’ tliet xhur ta’ rapportar.

L-ESMA tiġbor l-informazzjoni biex toħloq bażi ta' dejta ċentrali tal-MMFs kollha stabbiliti, ġestiti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ikoll hom id-dritt ta’ aċċess għal din il-bażi ta' dejta għal skopijiet ta’ statistika biss.’

Spjegazzjoni

Il-BĊE, flimkien mal-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema u tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, kif ukoll il-BERS, sistematikament jimmonitorja u jevalwa żviluppi ċikliċi u strutturali fis-setturi finanzjarji taż-żona tal-euro u tal-Unjoni kollha. Aċċess usa’ għall-bażi ta’ dejta għandha għalhekk ittejjeb ix-xogħol analitiku tal-BĊE biex jidentifika vulnerabbiltajiet li joriġinaw mis-settur tal-fondi tas-suq monetarju.

Emenda 9

Artikolu 46

‘Artikolu 46

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.’

‘Artikolu 46

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

1.

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.

Dan ir-regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.’

Spjegazzjoni

Id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament hija nieqsa. Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni, hija għandha tiġi allinjata mas-sena kalendarja.


(1)  It-tipa skura fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  Ara ‘Peer Review, Money Market Funds Guidelines’ tal-ESMA tal-15 ta’ April 2013 (ESMA/2013/476), disponibbli fuq il-websajt tal-ESMA fuq www.esma.europa.eu

(3)  Din id-definizzjoni ġet speċifikata aktar fil-Linji Gwida tal-ESMA dwar il-kunċetti ewlenin tal-AIFMD.

(4)  Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p.1)

(5)  Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p.1)

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


Fuq