Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 02004D0003(01)-20150329

    Test konsolidat: Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l- 4 ta' Marzu, 2004 , dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/258/2015-03-29

    2004D0003 — MT — 29.03.2015 — 002.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    ID-DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    ta' l-4 ta' Marzu, 2004,

    dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew

    (ECB/2004/3)

    (ĠU L 080, 18.3.2004, p.42)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tad-9 ta’ Mejju 2011

      L 158

    37

    16.6.2011

    ►M2

    DEĊIŻJONI (UE) 2015/529 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-21 ta' Jannar 2015

      L 84

    64

    28.3.2015




    ▼B

    ID-DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    ta' l-4 ta' Marzu, 2004,

    dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew

    (ECB/2004/3)



    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u partikolarment l-Artikolu 12.3,

    Wara li kkunsidra r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 1 ), partikolarment l-Artikolu 23,

    Billi:

    (1)

    It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġbor fih il-kunċett tat-trasparenza, jiddikjara li t-Trattat jikkaratterizza pass ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta' Unjoni dejjem aktar qrib tal-popli ta' l-Ewropa, li fiha d-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod miftuħ kemm jista' jkun possibbli u kemm jista' jkun mill-aktar qrib lejn iċ-ċittadin. Il-ftuħ itejjeb il-leġittimita' ta' l-amministrazzjoni, l-effettivita' u l-kontabilita', b'hekk jissaħħu l-prinċipji tad-demokrazija.

    (2)

    Fid-Dikjarazzjoni Konġunta ( 2 ) dwar ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju, 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u d-dokumenti tal-Kummissjoni ( 3 ), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsejħu lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta' l-Unjoni biex jaddottaw regoli interni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti li jieħdu kunsiderazzjoni tal-prinċipji u l-limiti msemmija fir-Regolament. Ir-reġim dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-ECB kif stabbilit fid-Deċiżjoni ECB/1998/12 tat-3 ta' Novembru, 1998, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumentazzjoni u l-arkivji tal-Bank Ċentrali Ewropej ( 4 ) għandhom għalhekk jiġu riveduti.

    (3)

    Għandu jingħata aċċess aktar wiesa' għad-dokumenti tal-ECB, filwaqt li fl-istess ħin jiġu protetti l-indipendenza tal-ECB u tal-banek ċentrali nazzjonali (NCB) previżta bl-Artikolu 108 tat-Trattat u l-Artikolu 7 ta' l-Istatut, u l-kunfidenzjalita' ta' ċerti kwistjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-ħidmiet tal-ECB. Biex tiġi salvagwardjata l-effettivita' tal-proċess li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-ECB, inklużi l-konsultazzjonijiet u l-preparazzjonijiet interni tiegħu, il-proċedimenti tal-laqgħat tal-korpi tal-ECB responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet huma kunfidenzjali, sakemm il-korp relevanti jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-dibattiti tiegħu.

    (4)

    Madankollu, ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu protetti b' mod ta' eċċezzjoni. Barra dan, il-ECB għandu bżonn jipproteġi l-integrita' tal-karti tal-flus ewro bħala mezz ta' ħlas inklużi, mingħajr restrizzjoni, il-karatteristiċi tas-sigurta' kontra l-iffalsfikar, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-produzzjoni, is-sigurta' fiżika tas-skakar u t-trasportazzjoni tal-karti tal-flus ewro.

    (5)

    Meta n-NCB jipproċessaw talbiet għal dokumenti tal-ECB li jkunu fil-pussess tagħhom, huma għandhom jikkonsultaw lill-ECB biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiha ta' din id-Deċiżjoni sakemm ikun ċar jekk id-dokument jistax jiġi żvelat jew le.

    (6)

    Biex joħloq aktar trasparenza, il-ECB għandu jagħti aċċess mhux biss għal dokumenti mħejjija minnu, imma wkoll għal dokumenti li huwa jirċievi filwaqt li fl-istess ħin jippreserva d-dritt biex it-terzi partijiet interessati jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom fir-rigward ta' l-aċċess għal dokumenti mħejjija minnhom.

    (7)

    Il-ECB għandu japplika proċedura li tinvolvi żewġ stadji biex jassigura li l-prattika ta' amministrazzjoni tajba hija rispettata.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:



    Artikolu 1

    Skop

    L-iskop ta' din id-Deċiżjoni huwa li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-limiti li skondhom il-ECB għandu jagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti tiegħu u biex tippromovi prattika ta' amminsitrazzjoni tajba dwar l-aċċess pubbiku għal dawn id-dokumenti.

    Artikolu 2

    Benefiċjarji u skop

    1.  Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali li toqgħod jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat f'xi Stat Membru, għandha dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-ECB, bla ħsara għall-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

    2.  Il-ECB jista', bla ħsara għall-istess kundizzjonijiet u limiti, jagħti aċċess għad-dokumenti tal-ECB lil kull perunsa naturali jew legali li ma togħqodx jew li m'għandhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'xi Stat Membru.

    3.  Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-ECB li jistgħu joħorġu minn strumenti tal-liġi internazzjonali jew atti oħra li jimplimentawhom.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni:

    (a) “dokument” u “dokument tal-ECB” għandhom ifissru kull kontenut ikun xi jkun l-medju tagħhom (miktub fuq karta jew merfugħ f'forma elettronika jew bħala recording ta' ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) mħejji jew miżmum mill-ECB u li għandu x'jaqsam mal-politika tiegħu, l-attivitajiet jew id-deċiżjonijiet, kif ukoll id-dokumenti mħejjija mill-Istitut Monetarju Ewropew (IME) u mill-Kumitat tal-Gvernaturi tal-banek ċentrali ta' l-Istati Membri tal-Komunita' Ekonomika Ewropea (Kumitat tal-Gvernaturi);

    (b) “terza parti” għandha tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe entita' barra l-ECB;

    ▼M2

    (c) “awtortità kompetenti nazzjonali” (NCA) u “awtorità nazzjonali nominata” (NDA) għandhom l-istess tifsira li jagħtihom ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 ( 5 );

    (d) “awtoritajiet u korpi rilevanti oħrajn” tfisser awtoritajiet u korpi rilevanti nazzjonali, istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, awtoritajiet u amministrazzjonijiet superviżorji ta' pajjiżi terzi.

    ▼B

    Artikolu 4

    Eċċezzjonijiet

    1.  Il-ECB għandu jiċħad l-aċċess għal dokument meta l-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta':

    (a) l-interess pubbliku dwar:

    ▼M2

     il-kunfidenzjalità tal-proċedimenti tal-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-BĊE, tal-Bord Superviżorju jew korpi oħrajn stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013,

    ▼B

     il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal- ►M1  Unjoni ◄ jew ta' xi Stat Membru,

     il-finanzi interni tal-ECB jew tan-NCB,

     il-protezzjoni ta' l-integrita' tal-karti tal-flus ewro,

     is-sigurta' pubblika,

     ir-relazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, monetarji jew ekonomiċi,

    ▼M1

     stabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni jew fi Stat Membru,

    ▼M2

     il-politika tal-Unjoni jew ta' Stat Membru fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn,

     l-iskop tal-ispezzjonijiet superviżorji,

     is-sodezza u s-sigurtà tal-infrastrutturi tas-suq finanzarju, l-iskemi ta' ħlas jew fornituri ta' servizzi ta' ħlas;

    ▼B

    (b) il-privatezza u l-integrita' ta' l-individwu, partikolarment skond il-leġislazzjoni ►M1  tal-Unjoni ◄ dwar il-protezzjoni tad-data personali;

    (ċ) il-kunfidenzjalita' ta' l-informazzjoni li hija protetta bil-liġi ►M1  tal-Unjoni ◄ .

    Il- ECB għandu jiċħad l-aċċess għal xi dokument fejn il-pubblikazzjoni ddgħajjef il-protezzjoni ta':

     l-interessi kummerċjali ta' xi persuna naturali jew legali, inkluża l-propjeta' intelletwali,

     il-proċedimenti tal-Qorti u l-avviż legali,

     l-iskop ta' l-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-audits,

    sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri għall-pubblikazzjoni.

    2.  L-aċċess għal dokument li jkollu opinjonijiet għal użu intern bħala parti mid-dibattiti u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-ECB jew man-NCB għandhom ikunu miċħuda anke wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, sakemm ikun hemm interess pubbliku superjuri li jkunu mikxufa.

    ▼M2

    3.  L-aċċess għal dokument abbozzat jew irċevut mill-BĊE għal użu intern bħala parti mid-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-BĊE, jew għall-iskambju ta' fehmiet bejn il-BĊE u l-BĊNi, NCA jew NDA għandu jkun miċħud anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, ħlief jekk ikun hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar.

    L-aċċess għad-dokumenti li jirriflettu skambji ta' fehmiet bejn il-BĊE u awtoritajiet u korpi rilevanti oħrajn għandu jiġi miċħud anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, jekk l-iżvelar tad-dokument jimmina serjament l-effettività tal-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, ħlief jekk ikun hemm interess pubbliku superjuri fl-iżvelar.

    ▼B

    4.  Jekk xi partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti b' xi waħda mill-eċċezzjonijiet, il-partijiet li jifdal tad-dokument għandhom jiġu kkomunikati.

    ▼M1

    Fir-rigward ta’ talbiet għall-aċess għal dokumenti tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, għandha tapplika Deċiżjoni BERS/2011/5 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-3 ta’ Ġunju 2011 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ( 6 ), adottata abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 tas-17 ta’ Novembru 2010 li jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew kompiti speċifiċi rigward il-funzjonament tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ( 7 ).

    ▼B

    5.  L-eċċezzjonijiet kif stabbiliti f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-perjodu li matulu l-protezzjoni hija ġġustifikata abbażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu massimu ta' 30 sena sakemm ipprovdut speċifikament mod ieħor mill-Kunsill Governattiv tal-ECB. Fil-każ ta' dokumenti koperti bl-eċċezzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' interessi ta' privatezza u kummerċjali, l-eċċezzjonijiet jistgħu jkomplu japplikaw wara dan il-perjodu.

    Artikolu 5

    Dokumenti fin-NCB

    Id-dokumenti mħejjija mill-ECB u li huma fil-pussess ta' xi BĊN, kif ukoll id-dokumenti mħejjija mill-IME jew mill-Kumitat tal-Gvernaturi jistgħu jiġu ppubblikati biss min-NCB salva l-konsultazzjoni minn qabel tal-ECB dwar l-iskop ta' l-aċċess, sakemm ikun ċar li d-dokument għandu jew m'għandux jiġi ppubblikat.

    Alternattivament in-NCB jista' jirreferi t-talba lill-ECB.

    Artikolu 6

    Applikazzjonijiet

    1.  Applikazzjoni għall-aċcess ta' xi dokument għandha ssir lill-ECB ( 8 ) f'kwalunkwe forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni u f'mod preċiż biżżejjed biex il-ECB jkun jista' jidentifika d-dokument. L-applikant mhuwiex obbligat li jgħid ir-raġunijiet għall-applikazzjoni.

    2.  Jekk xi applikazzjoni mhijiex preċiża biżżejjed, il-ECB għandu jsaqsi lill-applikant biex jikkjarifika l-applikazzjoni u għandu jassistih biex jagħmel dan.

    3.  Fil-każ ta' xi applikazzjoni għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ta' dokumenti, il-ECB jista' jikkonsulkta b'mod informali ma' l-applikant, bil-għan li tinstab soluzzjoni ġusta.

    Artikolu 7

    L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet tal-bidu

    1.  Applikazzjoni għall-aċċess ta' dokument għandha tiġi ttrattata minnufih. Konferma ta' riċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Id- ►M2  Direttur Ġenerali tas-Segretarjat ◄ tal-ECB għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, jgħid f'risposta bil-miktub, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali u jinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu biex jagħmel applikazzjoni ta' konferma skond il-paragrafu 2, fi żmien għoxrin ġurnata ta' xogħol mir-riċevuta ta' l-applikazzjoni, jew tal-kjarifikazzjonijiet mitluba skond l-Artikolu 6(2).

    2.  Fil-każ ta' ċaħda totali jew parzjali, l-applikant jista', f'għoxrin ġurnata ta' xogħol li jirċievi r-risposta tal-ECB, jagħmel applikazzjoni ta' konferma fejn isaqsi lill-Bord Eżekuttiv tal-ECB biex jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu. Barra dan, in-nuqqas tal-ECB biex iwieġeb fil-limitu ta' żmien preskritt ta' għoxrin ġurnata ta' xogħol biex jipproċessa l-applikazzjoni tal-bidu għandha tintitola lill-applikant biex jagħmel applikazzjoni ta' konferma.

    3.  F' każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta' xi applikazzjoni għal dokument twil ħafna jew għal numru kbir ħafna ta' dokumenti, il-ECB jista' jestendi l-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b'għoxrin ġurnata ta' xogħol, dejjem jekk l-applikant huwa nnotifikat minn qabel u jekk jingħataw raġunijiet dettaljati.

    4.  Il-Paragrafu 1 m'għandux japplika fil-każ ta' applikazzjonijiet eċċessivi u mhux raġonevoli, partikolarment meta jkunu ta' natura ripetittiva.

    Artikolu 8

    L-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet ta' konferma

    1.  Applikazzjoni ta' konferma għandha tiġi ttrattata minnufih. Fi żmien 15-il ġurnata ta' xogħol mill-irċevuta ta' din l-applikazzjoni, il-Bord Eżekuttiv għandu jew jagħti aċċess għad-dokument mitlub u jipprovdi aċċess skond l-Artikolu 9 jew, f'risposta bil-miktub, jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda totali jew parzjali. Fil-każ ta' ċaħda totali jew parzjali, il-ECB għandu jinforma lill-applikant bir-rimedji disposti għalih skond l-Artikoli ►M1  263 u 228 ◄ tat-Trattat.

    2.  F'każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta' xi applikazzjoni għal xi dokument twil ħafna jew għal numru kbir ħafna ta' dokumenti, il-ECB jista' jestendi l-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1 b'15-il ġurnata ta' xogħol, dejjem jekk l-applikant huwa nnotifikat minn qabel u jekk jingħataw raġunijiet dettaljati.

    3.  In-nuqqas tal-ECB biex iwieġeb fil-limitu ta' żmien preskritt għandu jiġi kkunsidrat bħala risposta negattiva u għandha tintitola lill-applikant biex jibda proċedimenti bil-qorti u/jew jippreżenta lment lill-Ombudsman Ewropew, skond l-Artikoli ►M1  263 u 228 ◄ tat-Trattat, rispettivament.

    Artikolu 9

    Aċċess wara xi applikazzjoni

    1.  L-applikanti jistgħu jikkonsultaw id-dokumenti li għalihom l-ECB jkun ta' aċċess, jew fil-bini tiegħu jew billi jirċievu kopja, inkluża, meta disponibbli, kopja elettronika. L-ispejjeż biex tipproduċi u tibgħat il-kopji jistgħu jingħaddu lill-applikant. Dan il-ħlas m'għandux jaqbeż l-ispiża reali biex tipproduċi u tibgħat il-kopji. Il-konsultazzjoni fuq il-post, il-kopji ta' anqas minn 20 paġna A4 u l-aċċess dirett f'forma elettronika għandhom ikunu bla ħlas.

    2.  Jekk xi dokument ikun diġa' ġie rilaxxat mill-ECB u jkun aċċessibbli faċilment, il-ECB jista' jissodisfa l-obbligu tiegħu li jagħti aċċess għalih billi jinforma lill-applikant kif għandu jakkwista d-dokument mitlub.

    3.  Id-dokumenti għandhom ikunu fornuti f'verżjoni u format eżistenti (inkluż elettronikament jew f'format alternattiv) kif mitlub mill-applikant.

    Artikolu 10

    Ir-Riproduzzjoni ta' dokumenti

    1.  Id-dokumenti rilaxxati skond din id-Deċiżjoni m'għandhomx jiġu riprodotti jew sfruttati għal skopijiet kummerċjali mingħajr l-awtorizzazzjoni speċifika tal-ECB minn qabel. Il-ECB jista' jżomm din l-awtorizzazzjoni mingħajr ma jagħti raġunijiet.

    2.  Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola eżistenti dwar id-drittijiet ta' l-awtur li jistgħu jillimitaw id-dritt ta' terza persuna li tirriproduċi jew tisfrutta d-dokumenti rilaxxati.

    Artikolu 11

    Dispożizzjonijiet Finali

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Id-Deċiżjoni ECB/1998/12 għandha tiġi rrevokata.



    ( 1 ) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar, 2004, li taddotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, ĠU L 80, tat-18.3.2004, p. 33.

    ( 2 ) ĠU L 173, tas-27.6.2001, p. 5.

    ( 3 ) ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.

    ( 4 ) ĠU L 110, tat-28.4.1999, p. 30.

    ( 5 ) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

    ( 6 ) ĠU C 176, 16.6.2011, p. 3.

    ( 7 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 162.

    ( 8 ) Indirizzat lill-Bank Ċentrali Ewropew, Diviżjoni Sekretarjat, Kaiserstrasse 29, D-60311 Frankfurt am Main. Faks: + 49 (69) 1344 6170. E-mail: ecb.secretariat@ecb.int

    Fuq