EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32009D0005

2009/328/KE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad- 19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2009/5)

ĠU L 100, 18.4.2009, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 018 P. 61 - 62

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/328(1)/oj

18.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 100/10


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta’ Marzu 2009

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

(BĊE/2009/5)

(2009/328/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa “l quddiem imsejjaħ l-Istatut”) u partikolarment l-Artikolu 10.2 u l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Mal-adozzjoni tal-ewro mis-Slovakja n-numru tal-membri tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qabeż il-21. L-Artikolu 10.2 tal-Istatut tal-SEBĊ jipprovdi li mid-data li fiha n-numru tal-membri tal-Kunsill Governattiv jaqbeż il-21, kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed u n-numru ta’ gvernaturi bid-dritt tal-vot għandu jkun ta’ 15. Jispeċifika wkoll ir-regoli dwar ir-rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot. Skont is-sitt subinċiż tal-Artikolu 10.2 il-Kunsill Governattiv, li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, jista’ jiddeċiedi li jipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni sad-data li fiha n-numru tal-gvernaturi jaqbeż it-18. F’Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni sa dik d-data (1).

(2)

Skont is-sitt subinċiż tal-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv, waqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ rotazzjoni. Dawn il-miżuri jkopru: (i) ir-rata ta’ rotazzjoni: in-numru ta’ gvernaturi li jitilfu jew jiksbu drittijiet tal-vot fl-istess ħin; (ii) il-perijodu ta’ rotazzjoni: it-tul tal-perijodu li matulu l-kompożizzjoni tal-gvernaturi li jivvutaw ma tinbidilx; (iii) f’liema ordni jitqiegħdu l-gvernaturi ġewwa l-gruppi tagħhom; u (iv) it-transizzjoni minn sistema ta’ grupp ta’ tnejn għal sistema ta’ grupp ta’ tlieta. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jieħu dawn il-miżuri, li għalihom jeħtieġ issir emenda fid-Deċiżjoni tal-BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċdura tal-Bank Ċentrali Ewropew (2), biex jiġu applikati mid-data meta n-numru tal-gvernaturi jaqbeż it-18.

(3)

L-implimentazzjoni tas-sistema ta’ rotazzjoni tirrispetta l-prinċipji tat-trattament ugwali tal-gvernaturi, it-trasparenza u s-sempliċità,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 hi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3a li ġej hu mdaħħal:

“L-Artikolu 3a

Sistema ta’ rotazzjoni

1.   Il-gvernaturi għandhom jiġu allokati fi gruppi kif jidher fl-ewwel u fit-tieni subinċiżi tal-Artikolu 10.2 tal-Istatut.

2.   Il-Gvernaturi għandhom jiġu ordnati f’kull grupp, skont il-konvenzjoni UE, skont lista tal-banek ċentrali tagħhom li ssegwi l-ordni alfabetiku tal-ismijiet tal-Istati Membri bil-lingwi nazzjonali. Ir-rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot ġewwa kull grupp għandha ssegwi din l-ordni. Ir-rotazzjoni għandha tibda f’punt każwali fil-lista.

3.   Id-drittijiet tal-vot ġewwa kull grupp għandhom iduru kull xahar, u jibdew fl-ewwel jum tal-ewwel xahar tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ rotazzjoni.

4.   Għall-ewwel grupp, in-numru ta’ drittijiet tal-vot li jduru f’kull perijodu ta’ xahar għandu jkun wieħed; għat-tieni u t-tielet grupp, in-numru ta’ drittijiet tal-vot li jduru f’kull perijodu ta’ xahar għandu jkun daqs id-differenza bejn in-numru tal-gvernaturi allokati lill-grupp u n-numru ta’ drittijiet tal-vot li jingħatawlu, tneħħi tnejn.

5.   Kull meta l-kompożizzjoni tal-gruppi tiġi aġġustata skont il-ħames subinċiż tal-Artikolu 10.2 tal-Istatut, ir-rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot ġewwa kull grupp għandha tkompli ssegwi l-lista msemmija fil-paragrafu 2. Mid-data meta n-numru tal-gvernaturi jilħaq 22, ir-rotazzjoni ġewwa t-tielet grupp għandha tibda f’punt każwali fil-lista. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li jibdel l-ordni ta’ rotazzjoni għat-tieni u t-tielet grupp biex jevita s-sitwazzjoni li ċerti gvernaturi jkunu dejjem mingħajr dritt tal-vot fl-istess perijodi tas-sena.

6.   Il-BĊE għandu jippubblika bil-quddiem lista tal-membri tal-Kunsill Governattiv bi dritt tal-vot fil-website tal-BĊE.

7.   Is-sehem tal-Istat Membru ta’ kull bank ċentrali nazzjonali fil-karta tal-bilanċ aggregata totali tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-medja annwali tad-dejta medja ta’ kull xahar matul is-sena kalendarja l-iktar reċenti li għaliha hemm dejta disponibbli. Kull meta l-prodott domestiku gross aggregat bil-prezzijiet tas-suq jiġi aġġustat skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut jew kull meta pajjiż isir Stat Membru u l-bank ċentrali nazzjonali tiegħu jsir parti mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, il-karta tal-bilanċ aggregata totali tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji tal-Istati Membri li adottaw l-ewro għandha terġa’ tiġi kkalkolata abbażi tad-dejta li tirrigwarda l-iktar sena kalendarja reċenti li għaliha hemm dejta disponibbli.”

(2)

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4.1 hi ssostitwita b’dan li ġej:

“Biex il-Kunsill Governattiv jivvota, għandu jkun hemm kworum ta’ żewġ terzi tal-membri bi dritt tal-vot”

(3)

Is-sentenza li ġejja tiżdied mal-Artikolu 4.7:

“Id-Deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu bil-proċedura bil-miktub għandhom jiġu approvati mill-membri tal-Kunsill Governattiv bid-dritt tal-vot meta tingħata l-approvazzjoni.”

(4)

Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 5.1 hi ssostitwita b’dan li ġej:

“Punt għandu jitneħħa mill-aġenda fuq it-talba ta’ mill-anqas tlieta mill-membri tal-Kunsill Governattiv bi dritt tal-vot jekk id-dokumenti relatati ma jkunux ġew ippreżentati lill-membri tal-Kunsill Governattiv fil-ħin.”

(5)

L-Artikolu 5.2 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“Il-minuti tal-proċedimenti tal-Kunsill Governattiv għandhom jiġu approvati fil-laqgħa ta’ wara (jew jekk ikun meħtieġ iktar kmieni bi proċedura bil-miktub) mill-membri tal-Kunsill Governattiv li kellhom dritt tal-vot fil-laqgħa li għaliha jirreferu l-minuti, u għandhom jiġu ffirmati mill-President.”

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta n-numru tal-gvernaturi fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE jaqbeż it-18.

Magħmula fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Id-Deċiżjoni tal-BĊE/2008/29 tat-18 ta’ Diċembru 2008 biex tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 3, 7.1.2009, p. 4).

(2)  ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.


Fuq