EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32002R0063

Ir-Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-20 ta' Diċembru, 2001, dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għal depożiti u self għal familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji (BĊE/2001/18)

ĠU L 10, 12.1.2002, p. 24–46 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Kapitolu 01 Volum 003 P. 421 - 443
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 014 P. 12 - 34

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/12/2014; Imħassar b' 32013R1072

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/63/oj

32001R0018(01)

Ir-Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' l-20 ta' Diċembru, 2001, dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għal depożiti u self għal familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji (BĊE/2001/18)

Official Journal L 010 , 12/01/2002 P. 0024 - 0046
CS.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
ET.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
HU.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
LT.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
LV.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
MT.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
PL.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
SK.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443
SL.ES Chapter 01 Volume 03 P. 421 - 443


Ir-Regolament (KE) Nru 63/2002 tal-Bank Ċentrali Ewropew

ta' l-20 ta' Diċembru, 2001,

dwar statistika fuq rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji għal depożiti u self għal familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji

(BĊE/2001/18)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru, 1998, dwar il-ġbir ta' informazzjoni dwar statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew [1], u partikolarment l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(4) tiegħu,

Billi:

(1) Is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (ESCB), biex tkun tista' tagħmel ix-xogħol tagħha, teħtieġ li jkun hemm statistika dwar ir-rati ta' imgħax applikati minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFIs) fuq depożiti u self għal familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, li l-għan ewlieni tagħha huwa li tagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) stampa sħiħa, dettaljata u armonizzata tal-livell ta' rati ta' imgħax applikati minn MFIs u l-bidliet li jkun hemm matul iż-żmien. Dawn ir-rati ta' imgħax jipprovdu l-aħħar ħolqa fil-mekkaniżmu għat-trasmissjoni tal-politika monetarja minħabba tibdil fir-rati uffiċjali ta' imgħax u, għalhekk, huma kondizzjoni meħtieġa minn qabel għal analiżi ta' min joqgħod fuqha ta' l-iżviluppi monetarji fl-Istati Membri parteċipanti. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jkun hemm tagħrif dwar l-iżviluppi fir-rata ta' imgħax biex l-ESCB tkun tista' tagħti sehma biex titmexxa sewwa l-politika mħaddma mill-awtoritajiet kompetenti dwar superviżjoni prudenti ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja.

(2) Skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "it-Trattat"), u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "l-Istatut"), il-BĊE għandu jagħmel regolamenti kemm ikun meħtieġ biex iwettaq ix-xogħol ta' l-ESCB, kif imfisser fl-Istatut u f'uħud mill-każijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet adottati mill-Kunsill u msemmija fl-Artikolu 107(6) tat-Trattat.

(3) Skond l-Artikolu 5.1 ta' l-Istatut, il-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (NCBs), għandu jiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar statistika mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi biex jieħdu x-xogħol ta' l-ESCB. Skond l-Artikolu 5.2 ta' l-Istatut, il-NCBs għandhom jagħmlu, safejn jistgħu, ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 5.1.

(4) Jista' jkun meħtieġ, u dan biex jitnaqqas il-piż tar-rappurtaġġ, li NCBs jiġbru mingħand il-popolazzjoni tar-rappurtaġġ l-informazzjoni dwar statistika meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-BĊE għal rappurtaġġ statistiku bħala parti minn qafas usa' ta' rappurtaġġ statistiku li NCBs jagħmlu taħt ir-responsabbiltà tagħhom infushom skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi nazzjonali jew prattika stabbilita, u li jservi għal għanijiet oħra ta' statistika, iżda li ma jkunx ta' ħsara għat-twettiq tal-ħtiġijiet ta' statistika tal-BĊE. Biex ikun hemm it-trasparenza, ikun xieraq f'dawn il-każijiet li l-aġenti tar-rappurtaġġ ikunu jafu li data tinġabar biex jitwettqu għanijiet oħra ta' statistika. F'każijiet speċifiċi, il-BĊE jista' joqgħod fuq informazzjoni dwar statistika miġbura għal dawn l-għanijiet biex iħares il-ħtiġijiet tiegħu.

(5) Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, il-BĊE jeħtieġlu jindika l-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ fi ħdan il-popolazzjoni tar-rappurtaġġ ta' referenza u li jnaqqas mill-piż tar-rappurtaġġ involut. Għall-finijiet ta' statistika dwar rati ta' imgħax ta' MFI, il-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ għandha tinkludi ċensiment dwar MFIs rilevanti kollha jew, minflok, kampjun ta' MFIs rilevanti imsejjes fuq kriterji partikolari. Minħabba l-karatteristiċi tas-settur ta' MFI f'kull Stat Membru parteċipanti, l-aħħar kelma fil-metodu ta' għażla tkun ta' NCBs. L-iskop huwa li jitnaqqas il-piż tar-rappurtaġġ, waqt li fl-istess ħin tkun assigurata statistika ta' kwalità għolja. L-Artikolu 5(1) jipprovdi li l-BĊE jista' jadotta regolamenti li jfissru u jimponu l-ħtiġijiet tar-rappurtaġġ ta' statistika fuq il-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ ta' l-Istati Membri parteċipanti. L-Artikolu 6(4) jipprovdi li l-BĊE jista' jadotta regolamenti li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li bihom ikun jista' jiġi eżerċitat id-dritt ta' verifika jew li jsir il-ġbir obbligatorju ta' informazzjoni dwar statistika.

(6) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jipprovdi li Stati Membri jorganizzaw lilhom infushom fil-qasam ta' l-istatistika u li jikkooperaw sewwa ma' l-ESCB biex ikun assigurat li jitħarsu l-obbligi msemmija fl-Artikolu 5 ta' l-Istatut.

(7) Filwaqt li huwa rikonoxxut li regolamenti adottati mill-BĊE skond l-Artikolu 34.1 ta' l-Istatut ma jagħtu l-ebda dritt jew ma jimponu l-ebda obbligu fuq Stati Membri li mhumiex parteċipanti, l-Artikolu 5 ta' l-Istatut japplika kemm għall-Istati Membri parteċipanti kif ukoll għal dawk li mhumiex parteċipanti. Ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 isemmi li l-Artikolu 5 ta' l-Istatut, flimkien ma' l-Artikolu 5 tat-Trattat, jimplika li hemm obbligu biex jittieħdu u jitwettqu fuq livell nazzjonali l-miżuri kollha li l-Istati Membri li mhumiex parteċipanti jqisu xierqa sabiex tinġabar informazzjoni dwar statistika meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-BĊE dwar rappurtaġġ ta' statistika u tħejjija f'waqtha fil-qasam ta' l-istatistika biex huma jkunu jistgħu isiru Stati Membri parteċipanti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tifsir

Għall-fini ta' dan ir-Regolament:

1. "aġenti tar-rappurtaġġ", "Stat Membru parteċipanti", "residenti" u "jirrisjedi" għandhom l-istess tifsira li hemm fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

2. "familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji" tfisser, kif imsemmi fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA) 1995, li tinsab fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju, 1996, dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità [2], is-setturi kollha mhux finanzjarji ħlief il-gvern ġenerali. Dan ikopri lis-settur tal-familji u lis-settur ta' istituzzjonijiet li ma jagħmlux profitt fis-servizz tagħhom lil familji (S.14 u S.15 flimkien) u lis-settur ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji (S.11);

3. "istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra" tfisser MFIs kollha ħlief banek ċentrali u fondi ta' swieq monetarji identifikati skond il-prinċipji ta' klassifikazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1 tat-Taqsima I ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Novembru, 2001, dwar il-balance sheet konsolidat tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) [3];

4. "Statistika dwar ir-rati ta' imgħax ta' MFI" tfisser statistika konnessa ma' dawk ir-rati ta' imgħax li huma applikati minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra residenti għal depożiti u self denominati fl-euro għal familji u għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istati Membri parteċipanti;

5. "popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ" tfisser istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra residenti li jieħdu depożiti denominati fl-euro mingħand, u/jew jagħtu self denominat fl-euro lil familji u/jew lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 2

Popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ

1. Il-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ għandha tkun magħmula minn istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fost il-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ li jintgħażlu minn NCBs skond il-proċedura stabbilita fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2. Kull NCB għandu jgħarraf lill-aġenti residenti tar-rappurtaġġ dwar l-obbligi tagħhom tar-rappurtaġġ skond proċeduri nazzjonali.

3. Il-Kunsill Governattiv għandu jerġa' jeżamina dwar il-konformità ma' l-Anness I ta' dan ir-Regolament wara li jkun beda jitwettaq u mbagħad mill-inqas kull sentejn.

Artikolu 3

Obbligi tar-rappurtaġġ statistiku

1. Għall-finijiet tal-produzzjoni regolari ta' statistika dwar ir-rati ta' imgħax ta' MFI, il-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ għandha tirrapporta informazzjoni dwar statistika kull xahar dwar negozju ġdid u ammonti pendenti lin-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti. L-informazzjoni meħtieġa dwar statistika hija speċifikata fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

2. BĊE għandhom ifissru u jwettqu l-arranġamenti tar-rappurtaġġ li l-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ għandha timxi fuqhom skond karatteristiċi nazzjonali. NCBs għandhom jassiguraw li dawn l-arranġammenti tar-rappurtaġġ jagħtu l-informazzjoni dwar statistika meħtieġa u jħallu li jsir kontroll sewwa ta' konformità ma' l-istandards minimi ta' trasmissjoni, preċiżjoni, konformità konċettwali u reviżjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 3(3).

3. L-informazzjoni meħtieġa dwar statistika għandha tkun rappurtata skond l-istandards minimi ta' trasmissjoni, preċiżjoni, konformità konċettwali u reviżjonijiet kif stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

4. In-NCBs għandhom jirrappurtaw lill-BĊE l-informazzjoni dwar statistika aggregata nazzjonali ta' kull xahar malli jagħlaq in-negozju fid-dsatax-il jum tax-xoghol wara t-tmiem tax-xahar ta' referenza.

Artikolu 4

Verifika u ġbir obbligatorju

Id-dritt ta' verifika u ġbir obbligatorju ta' l-informazzjoni li jipprovdu l-aġenti tar-rappurtaġġ skond il-ħtiġijiet tar-rappurtaġġ ta' statistika stabbiliti f'dan ir-Regolament għandu jkun eżerċitat minn NCBs, mingħajr ħsara għad-dritt tal-BĊE li jeżerċita dawn id-drittijiet huwa nnifsu. Dan id-dritt għandu jkun eżerċitat partikolarment meta istituzzjoni inkluża fil-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ ma tħarisx l-istandards minimi ta' trasmissjoni, preċiżjoni, konformità konċettwali u reviżjonijiet kif stabbiliti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

L-ewwel rappurtaġġ

L-ewwel rappurtaġġ skond dan ir-Regolament għandu jibda b'informazzjoni dwar statistika ta' kull xahar għal Jannar 2003.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet transitorji

Dispożizzjonijiet transitorji għall-applikazzjoni ta' taqsimiet ta' dan ir-Regolament huma stabbiliti fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-31 ta' Jannar, 2002.

Magħmul fi Frankfurt am Main, 20 ta' Diċembru, 2001.

F'isem il-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President

Willem F. Duisenberg

[1] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 8.

[2] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1.

[3] ĠU L 333, tas-17.12.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS I

GĦAŻLA TAL-POPOLAZZJONI ATTWALI TAR-RAPPURTAĠĠ U MANTENIMENT TAL-KAMPJUN GĦAL STATISTIKA DWAR RATI TA' IMGĦAX TA' ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI MONETARJI

TAQSIMA 1

Għażla tal-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ

I. Proċedura ta' għażla ġenerali

1. Banek ċentrali nazzjonali (NCBs) għandhom japplikaw il-proċedura murija fit-tabella ta' hawn taħt sabiex jagħżlu l-aġenti tar-rappurtaġġ. Din il-proċedura hija mfissra b'mod dettaljat f'dan l-Anness.

+++++ TIFF +++++

II. Ċensiment jew kampjun

2. Kull NCB għandu jagħżel l-aġenti tar-rappurtaġġ tiegħu minn fost l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ li jkunu residenti fl-istess Stat Membru parteċipanti bħall-NCB.

3. Sabiex jagħżlu l-aġenti tar-rappurtaġġ, in-NCBs għandhom japplikaw ċensiment jew isegwu l-metodu ta' kampjunaġġ skond il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi li ġejjin.

4. Fil-każ ta' ċensiment, NCB għandu jistaqsi lil kull istituzzjoni ta' kreditu u istituzzjoni oħra residenti fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ biex jirrappurtaw statistika dwar rati ta' imgħax ta' istituzzjonijiet finanzjaraji monetarji (MFI). Il-varjabbli li għandhom jinġabru permezz taċ-ċensiment huma r-rati ta' imgħax u l-għadd ta' negozji ġodda u r-rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti.

5. Fil-kaz ta' kampjun, għandu jkun hemm biss għażla ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fil-popolazzjoni potenzjali li jintalbu biex jagħmlu r-rappurtaġġ. Il-varjabbli li għandhom jitqiesu permezz tal-kampjun huma r-rati ta' imgħax u l-għadd ta' negozji ġodda u r-rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti. Dawn jissejħu varjabbli ta' kampjunaġġ. Sabiex jitnaqqas ir-riskju li r-riżultati ta' stħarriġ ta' kampjunaġġ jitbegħdu mill-valuri veri (mhux magħrufa) fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ, il-kampjun għandu jitfassal b'mod li jkun rappreżentattiv tal-popolazzjoni potenzali tar-rappurtaġġ. Għall-fini ta' statistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI, kampjun għandu jitqies rappreżentattiv jekk il-karatteristiċi kollha li jkunu rilevanti għall-istatistika dwar rati ta' imgħax ta' MFI u inerenti fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ ikunu riflessi wkoll fil-kampjun. Sabiex isir il-kampjun tal-bidu, NCBs jistgħu jużaw approssimazzjonijiet u mudelli tajbin biex jipproduċu l-iskema ta' kampjunaġġ ukoll jekk id-data bażika, miksuba minn għejun eżistenti, tista' ma tkunx taqbel eżatt mat-tifsiriet ta' dan ir-Regolament.

III. Stratifikazzjoni tal-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ

6. Sabiex ikun assigurat li l-kampjun ikun rappreżentattiv, kull NCB li jagħżel il-metodu ta' kampjunaġġ għal statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI għandu jistratifika b'mod addattat il-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ qabel ma ssir l-għażla ta' kull aġent tar-rappurtaġġ. L-istratifikazzjoni timplika li l-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ N terġa' tinqasam f'partijiet jew strata N1, N2, N3, NL. Il-partijiet jew strata f'dan il-qsim m'għandhomx jidħlu f'xulxin, u flimkien għandhom jagħmlu l-popolazzjoni potenzali tar-rappurtaġġ:

N

+ N

+ N

+ … + N

= N

7. Il-BĊE għandhom jagħtu tifsira tal-kriterji ta' stratifikazzjoni li jippermettu li l-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ tinqasam fi strata omoġenji. Strata għandhom jitqiesu omoġenji jekk il-varjanza intra-stratum tal-varjabbiltà tal-kampjunaġġ tkun inqas mill-varjanza extra-stratum [1]. Il-kriterji ta' stratifikazzjoni għandhom ikunu marbuta ma' l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI, jiġifieri għandu jkun hemm rabta bejn il-kriterji ta' l-istratifikazzjoni u r-rati ta' imgħax u ammonti li għandhom ikunu stmati mill-kampjun.

8. Kull NCB li jagħżel il-metodu tal-kampjunaġġ għandu jidentifika mill-inqas kriterju wieħed ta' stratifikazzjoni biex ikun assigurat li l-kampjun ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra ikun rappreżentattiv ta' l-Istat Membru parteċipanti u li jkun hemm żbalji mill-inqas fil-kampjunaġġ. Ikun aħjar jekk NCBs jagħtu tifsira tal-ġerarkija ta' kriterji ta' stratifikazzjoni. Dawn għandhom iqisu ċirkostanzi nazzjonali u għalhekk għandhom ikunu speċifiċi dwar kull Membru parteċipanti.

9. L-għażla ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ għandha ssir fil-forma ta' kampjunaġġ fi stadju wieħed wara li l-istrata kollha jkunu tfissru. Huwa f'dan l-istadju biss li aġenti tar-rappurtaġġ jintgħażlu mill-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ. Ma tistax issir għażla intermedja.

IV. Daqs minimu tal-kampjun nazzjonali

+++++ TIFF +++++

10. Id-daqs minimu tal-kampjun nazzjonali għandu jkun tali li l-massimu ta' żball saltwarju [2] għal rati ta' imgħax fuq negozju ġdid bħala medja fuq il-kategoriji kollha ta' strumenti ma jaqbiżx 10 punti ta' bażi fuq livell ta' kunfidenza ta' 90 % [3]. Il-prova li din il-ħtieġa tkun tħarset issir direttament b'data xierqa, jew, fin-nuqas ta' din id-data, jista' jkun hemm preżunzjoni li jekk wieħed mill-kriterji li ġejjin jintlaħaq, id-daqs tal-kampjun ikun kbir biżżejjed biex jissodisfa l-ħtieġa minima.

(a) Id-daqs ta' kampjun minimu għandu jkun tali li jkopri mill-inqas 30 % tal-popolazzjoni potenzjali residenti tar-rappurtaġġ; iżda fejn 30 % tal-popolazzjoni potenzjali residenti tar-rappurtaġġ tkun iktar minn mija, id-daqs minimu tal-kampjun nazzjonali jista' jkun limitat għal mitt aġent tar-rappurtaġġ.

(b) Id-daqs ta' kampjun minimu nazzjonali għandu jkun tali li l-aġenti tar-rappurtaġġ fil-kampjun nazzjonali jkopru mill-inqas 75 % ta' l-istock ta' depożiti denominati fl-euro meħud minn, u mill-inqas 75 % ta' l-istock ta' self denominat fl-euro mogħti lil familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istati Membri parteċipanti.

11. Data xierqa għandha tinftiehem bħala data li hija dettaljata biżżejjed u marbuta ma' statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI fis-sens li l-istħarriġ dwar minn fejn titnissel din id-data japplika tifsiriet li huma konsistenti ma' statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI. NCBs jista' ma jkollhomx din id-data qabel it-twettiq ta' l-istħarriġ dwar statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI u l-għoti mill-aġenti tar-rappurtaġġ ta' l-ewwel sensiela ta' data.

12. Id-daqs ta' kampjun minimu nazzjonali għandu jirreferi kemm għall-kampjun minimu tal-bidu kif ukoll għall-kampjun minimu wara manteniment kif imfisser fil-paragrafu 21. Minħabba mergers li jsiru u oħrajn li ma jibqgħux, il-kampjun jista' jonqos fid-daqs matul iż-żmien sal-perjodu ta' manteniment li jkun imiss.

13. NCBs jistgħu jagħżlu aġenti tar-rappurtaġġ iktar minn dak imfisser bħala d-daqs ta' kampjun nazzjonali minimu, partikolarment fejn ikun meħtieġ li tiżdied ir-rappreżentattività tal-kampjun nazzjonali fid-dawl ta' l-istruttura tas-sistema finanzjarja nazzjonali.

14. Għandu jkun hemm konsistenza bejn l-għadd ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ u d-daqs ta' kampjun minimu. NCBs jistgħu iħallu istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra li jkunu residenti fi Stat Membru wieħed parteċipanti u li jkunu inklużi individwalment fil-lista ta' MFIs, kif stabbilita u aġġornata skond il-prinċipji ta' klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu I tat-Taqsima 1 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Novembru, 2001, dwar il-balance sheet konsolidat tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) [4], li jirrappurtaw dwar statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI flimkien bħalha grupp. Il-grupp għandu jsir agent tar-rappurtaġġ nozzjonali. Dan ifisser li l-grupp jirrapporta dwar statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI daqs li kieku kienu MFI weħidhom, jiġifieri huma jirrapurtaw rata waħda medja ta' imgħax għal kull kategorija ta' strumenti li tkopri grupp sħiħ minflok rata waħda għal kull MFI magħduda fil-lista ta' MFIs. Fl-istess waqt, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fil-grupp xorta għandhom jitqiesu bħala istituzzjonijiet individwali fil-popolazzjoni potenjzali tar-rappurtaġġ u fil-kampjun.

V. Allokazzjoni tal-kampjun fost l-istrata u l-għażla ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ

15. n

+ n

+ n

+ … + n

= n

16. Kull NCB għandu jagħżel l-allokazzjoni l-iktar xierqa tad-daqs tal-kampjun nazzjonali "n" minn fost l-istrata. Għalhekk kull NCB għandu jagħti tifsira tar-rata ta' kampjunaġġ nh/Nh għal kull stratum h, jiġifieri kemm aġenti tar-rappurtaġġ nh għandhom jittellgħu mill-istituzzjonijiet kollha ta' kreditu u minn istituzzjonijiet oħra Nh f'kull stratum. Ir-rata ta' kampjunaġġ għal kull stratum h għandha tissodisfa l-kondizzjoni 0 < nh/Nh < = 1. Għalhekk, ir-rata ta' kampjunaġġ għandha tkun ogħla minn żero. Dan ifisser li għandu jintgħażel mill-inqas aġent tar-rappurtaġġ wieħed minn kull stratum, u għalhekk l-ebda stratum mhu għal kollox eskluż mill-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ. Barra minn hekk, ir-rata massima ta' kampjunaġġ għandha tkun waħda, li jfisser illi l-istituzzjonijiet kollha ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fi stratum isiru aġenti tar-rappurtaġġ.

17. Biex jintgħażlu l-aġenti attwali tar-rappurtaġġ f'kull stratum, in-NCBs għandhom jinkludu l-istituzzjonijiet kollha fl-istratum jew jagħmlu kampjunaġġ każwali jew jagħżlu l-akbar istituzzjonijiet f'kull stratum. Fil-każ ta' kampjunaġġ saltwarju, l-estrazzjoni saltwarja ta' l-istituzzjonijiet f'kull stratum għandha ssir jew bi probabbiltà ugwali għall-istituzzjonijiet kollha jew bi probabbiltà proporzjonali għad-daqs ta' l-istituzzjoni. In-NCBs jistgħu jagħżlu li jinkludu l-istituzzjonijiet kollha għal xi wħud mill-istrata, kampjunaġġ saltwarju għal strata oħra u l-għażla ta' l-akbar istituzzjoni għal aktar strata oħra.

18. Informazzjoni fuq id-daqs ta' kull istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ tista' tinkiseb fuq livell nazzjonali mill-istatistika tal-balance sheet ta' MFI miġbuar skond ir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13). NCBs għandhom jużaw depożiti u self denominati kollha fl-euro dwar familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istati Membri parteċipanti, li hija dik il-parti tal-balance sheet rilevanti għall-istatistika dwar rati ta' imgħax ta' MFI, jew dokument simili.

19. L-istatistika ta' imgħax ta' MFI għandha tkun imsejsa fuq għażla mingħajr sostituzzjoni, jiġifieri kull istituzzjoni ta' kreditu u istituzzjoni oħra fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ għandha tintgħażel darba biss.

20. Meta NCB jiddeċiedi li jagħmel ċensiment dwar l-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha u istituzzjonijiet ta' kreditu oħra fi stratum wieħed, in-NCB jista' jieħu kampjunaġġ f'dak l-istratum fil-livell tal-friegħi. Il-kondizzjoni minn qabel tkun li NCB jkollu lista sħiħa ta' friegħi li tkopri n-negozju kollu ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra fl-istratum, u data xierqa sabiex issir stima tal-varjanza tar-rati ta' imgħax fuq negozju ġdid dwar familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji bejn friegħi. Biex jintgħażlu l-friegħi għandhom japplikaw il-ħtiġijiet kollha li huma stabbiliti f'dan l-Anness. Il-friegħi magħżula għandhom isiru aġenti tar-rappurtaġġ nozzjonali bla ħsara għall-ħtiġijiet kollha tar-rappurtaġġ kif imfissra fl-Anness II. Din il-proċedura għandha tkun mingħajr ħsara għar-responsabbiltà bħala aġent tar-rappurtaġġ ta' l-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra li l-friegħi ikunu tagħhom.

TAQSIMA 2

Manteniment tal-kampjun tal-popolazzjoni attwali tar-rappurtaġġ

VI. Manteniment tal-kampjun matul iż-żmien

21. NCBs li jagħżlu l-metodu tal-kampjunaġġ għandhom jassiguraw li l-kampjun jibqa' rappreżentattiv matul iż-żmien.

22. NCBs għandhom jeżaminaw dejjem ir-rappreżentattività tal-kampjun tagħhom mill-inqas darba fis-sena. Jekk ikun hemm tibdil sustanzjali fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ, dan għandu jkun rifless fil-kampjun wara dan l-eżami ta' kull sena.

23. F'intervalli ta' mhux aktar minn sentejn, NCBs għandhom jerġgħu jagħmlu eżami regolari tal-kampjun, filwaqt li jqisu lil dawk li jkunu daħlu fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ, lil dawk li jkunu telqu mill-popolazzjoni attwali u potenzjali tar-rappurtaġġ, kif ukoll tibdil ieħor fil-katatteristiċi ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ. Iżda, n-NCBs jistgħu jivverifikaw u jaġġornaw il-kampjun tagħhom aktar ta' spiss.

24. Matul iż-żmien, il-kampjun għandu jkun addattat biex jinkludi lil dawk li jkunu daħlu fil-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ sabiex ikun jista' jibqa' rappreżentattiv tal-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ. NCBs għalhekk għandhom jieħdu kampjun nb mill-popolazzjoni ta' dawk kollha li jkunu ssieħbu Nh. L-għażla komplimentari ta' istituzzjonijiet li jkunu ssieħbu Nh minn fost l-għadd kollu ta' mseħbin Nh għandha tissejjaħ kampjunaġġ inkrimentali matul iż-żmien.

25. Matul iż-żmien, il-kampjun għandu jinbidel b'mod li juri lil dawk li jitilqu mill-popolazzjoni potenzjali u attwali tar-rappurtaġġ. Ma jeħtiġlux jinbidel jekk ikun hemm proporzjonalità bejn dawk li jkunu telqu mill-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ Nd u dawk li jitilqu fil-kampjun nd (każ 1). Jekk l-istituzzjonijiet jitilqu mill-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ u dawn l-istituzzjonijiet ma jkunux fil-kampjun, il-kampjun isir kbir wisq meta jitqabbel mad-daqs tal-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ (każ 2). Jekk jitilqu istituzzjonijiet mill-kampjun iktar mill-popolazzjoni potenzjali tar-rappurtaġġ, il-kampjun isir zgħir wisq matul iż-żmien u jista' ma jibqax rappreżentattiv (każ 3). Fil-każijiet 2 u 3 il-piżijiet relattivi għal kull istituzzjoni fil-kampjun għandhom ikunu irranġati permezz ta' metodu statistiku stabbilit meħud mit-teorija tal-kampjunaġġ. Il-piż relattiv għal kull aġent tar-rappurtaġġ ikun l-invers tal-probabbiltà tiegħu li jintgħażel u għalhekk ikun hemm il-fattur ta' l-espansjoni. Fil-każ 2, meta l-kampjun ikun relattivament kbir wisq għall-popolazzjoni, l-ebda aġent tar-rappurtaġġ m'għandu jitneħħa mill-kampjun.

26. Matul iż-żmien, il-kampjun għandu jkun irranġat biex jirrifletti t-tibdil fil-karatteristiċi ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ. Dan it-tibdil jista' jseħħ minħabba mergers, diviżjonijiet, tkabbir ta' istituzzjoni, eċċ. Uħud mill-aġenti tar-rappurtaġġ jistgħu jibdlu l-istratum. Bħal fil-każijiet 2 u 3 għal dawk li jitilqu, il-kampjun għandu jkun irranġat permezz ta' metodu statistiku stabbilit meħud mit-teorija tal-kampjunaġġ. Probabbiltajiet ta' għażla ġdida, u għalhekk piżijiet, għandhom ikunu allokati.

TAQSIMA 3

Kwistjonijiet oħra dwar il-kampjunaġġ

VII. Konsistenza

27. Sabiex ikun hemm konsistenza bejn l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti li jirreferu għal depożiti u li jirreferu għal self, u għal negozju ġdid li jirreferi għal depożiti u li jirreferi għal self, NCBs li jagħżlu l-metodu tal-kampjunaġġ għandhom jużaw l-istess aġenti tar-rappurtaġġ għall-ġbir ta' dawn is-settijiet ta' statistika. NCBs jistgħu jagħżlu wkoll il-metodu tal-kampjunaġġ għal sotto-sett ta' statistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI u ċensiment għall-bqija. Iżda huma m'għandhomx jużaw żewġ kampjuni differenti jew aktar.

VIII. Innovazzjoni finanzjarja

28. NCBs m'għandhomx bżonn li fil-proċedura tal-kampjunaġġ ikopru kull prodott li jeżisti fuq livell nazzjonali. Iżda m'għandhomx jeskludu kategorija sħiħa ta' strumenti minħabba li l-ammonti involuti jkunu żgħar ħafna. Għalhekk, jekk kategorija ta' strumenti tkun offruta minn istituzzjoni waħda biss, imbagħad din l-istituzzjoni għandha tkun rappreżentata fil-kampjun. Jekk ma kienx hemm kategorija ta' strumenti fi Stat Membru parteċipanti fiż-żmien meta ttieħed il-kampjunaġġ tal-bidu, iżda ddaħħlet wara minn istituzzjoni waħda, din l-istituzzjoni għandha tintgħażel għall-kampjun meta jsir l-eżami li jkun imiss dwar rappreżentattività. Jekk jinħoloq prodott ġdid, l-istituzzjonijiet fil-kampjun għandhom idaħħluh fir-rapport li jkun imiss, billi l-aġenti tar-rappurtaġġ jeħtiġilhom jirrappurtaw dwar il-prodotti kollha tagħhom.

[1] Id-dekomposizzjoni tal-varjanza totali f'varjanza fl-intra-stratum u extra-stratum hija magħrufa bħala t-teorema ta' Huygens.

[2] B' D bħala l-massimu ta' żball saltwarju, za/2 bħala l-fattur komputat mid-distribuzzjoni normali jew minn distribuzzjoni adattata oħra skond l-istruttura tad-data (e.g. t-distribuzzjoni) jekk ikun hemm livell ta' kunfidenza ta' 1-a,varθˆbħala l-varjanza ta' l-estimatur tal-parametru θ, uvârθˆbħala l-varjanza kkalkulata ta' l-estimatur tal-parametru θ

[3] BĊE jistgħu jaqilbu direttament il-miżura assoluta ta' 10 punti bażi fuq livell ta' kunfidenza ta' 90 % għal miżura relattiva skond il-koeffiċjenti tal-varjazzjoni massima aċċettabli ta' l-istimatur.

[4] ĠU L 333, tas-17.12.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS II

SKEMA TA' RAPPURTAĠĠ GĦAL STATISTIKA DWAR RATI TA' IMGĦAX TA' ISTITUZZJONIJIET FINANZJARJI MONETARJI

TAQSIMA 1

Tip ta' rata

I. Rata annwali miftehma

Prinċipji ġenerali

1. It-tip ta' rata li aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jagħtu għal kategoriji kollha ta' strumenti ta' depożiti u self relattivi għal negozju ġdid u ammonti pendenti hija r-rata annwali miftehma. Hija għandha tkun imfissra bħala r-rata ta' imgħax miftehma kull waħda għaliha bejn l-aġent tar-rappurtaġġ u l-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja għal depożitu jew self, maqlub għal bażi annwali u kkwotat f'perċentwali annwali. Ir-rata annwali miftehma għandha tkopri kull ħlas ta' imgħax għal depożiti u self, iżda mhux piżijiet oħra li jistgħu japplikaw. Disagio, li jfisser id-differenza bejn l-ammont nominali tas-self u l-ammont li jirċievi l-klijent, għandu jitqies bħala ħlas ta' imgħax mal-bidu tal-kuntratt (żmien t0) u għandu, għalhekk, ikun rifless fir-rata annwali miftehma.

2. Jekk ħlasijiet ta' imgħax miftehma bejn l-aġenti tar-rappurtaġġ u l-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja ikunu kapitalizzati f'intervalli regolari fi żmien sena, per eżempju kull xahar jew kull tlett xhur minflok kull sena, ir-rata miftehma għandha tkun annwali permezz tal-formula li ġejja biex tinħareġ ir-rata annwali miftehma:

+++++ TIFF +++++

bi:

x bħala r-rata annwali miftehma,

rag bħala r-rata ta' imgħax per annum kif miftiehem bejn l-aġenti tar-rappurtaġġ u l-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja għal depożitu jew self fejn id-dati tal-kapitalizzazzjoni ta' imgħax tad-depożitu u l-ħlasijiet lura tas-self isiru f'intervalli regolari f'perjodu ta' sena, u

n bħala l-għadd ta' perjodi ta' kapitalizzazzjoni ta' imgħax u perjodi ta' ħlasijiet lura tas-self kull sena, jiġifieri 1 għal ħlasijiet annwali, 2 għal ħlasijiet kull sitt xhur, 4 għal ħlasijiet kull tliet xhur u 12 għal ħlasijiet kull xahar.

3. Banek Ċentrali Nazzjonali (NCBs) jistgħu jesiġu li l-aġenti tar-rappurtaġġ tagħhom jipprovdu, għall-istrumenti kollha ta' depożitu u self jew xi wħud minnhom, dwar negozju ġdid u ammonti pendenti, ir-rata effettiva b'tifsira stretta (NDER) minflok ir-rata annwali miftehma. L-NDER tfisser ir-rata ta' imgħax, fuq bażi annwali, li tagħmel ugwali l-valur preżenti tar-responsabbiltajiet kollha ħlief għal piżijiet (depożiti jew self, ħlasijiet jew ħlasijiet lura, ħlas ta' imgħax), preżenti jew futuri, miftehma bejn l-aġenti tar-rappurtaġġ u l-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja. L-NDER għandha tkun ekwivalenti għall-komponent tar-rata ta' imgħax tal-perċentwali annwali tar-rata ta' piżijiet (APRC), kif imfisser fl-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta' Diċembru, 1986, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar kreditu tal-konsumatur [1], kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u mid-Direttiva tal-Kunsill 98/7/KE [2]. Id-differenza waħdanija bejn l-NDER u r-rata annwali miftehma għandha tkun dwar il-metodu ewlieni li bih il-ħlasijiet ta' imgħax isiru annwali. L-NDER tuża approssimazzjoni suċċessiva u għalhekk, tista' tkun applikata għal kull xorta ta' depożitu jew self, iżda r-rata annwali miftehma tuża formula ta' l-algebra, kif imfisser fil-paragrafu 2 u, għalhekk, tapplika biss għal depożitu u self b'kapitalizzazzjoni regolari ta' ħlasijiet ta' imgħax. Ħtiġijiet oħra kollha għandhom ikunu identiċi, li jfisser li fejn, minn hawn ‘il quddiem, hija msejħa bħala r-rata anwali miftehma, hija għandha tapplika ukoll għall-NDER.

Trattament ta' taxxi, sussidji u dispożizzjonijiet regolatorji

4. Il-ħlasijiet ta' imgħax koperti mir-rata annwali miftehma għandhom jirriflettu dak li l-aġent tar-rappurtaġġ iħallas għal depożiti u għal dak li jirċievi għal self. Fejn l-ammont imħallas minn parti u aċċettat minn oħra jkun differenti, l-opinjoni ta' l-aġent tar-rappurtaġġ tistabbilixxi r-rata ta' imgħax koperta mill-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' istituzzjoni monetarja finanzjarja (MFI).

5. Skond dan il-prinċipju, ir-rati ta' imgħax għandhom ikunu rreġistrati b'mod gross qabel it-taxxa, minħabba li r-rati ta' imgħax ta' qabel it-taxxa jirriflettu l-ħlas li l-aġenti tar-rappurtaġġ jagħmlu għal depożiti u dak li jirċievu bħala self.

6. B'żjieda ma' dan, sussidji li jingħataw lil familji jew lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji minn partijiet terzi m'għandhomx jitqiesu meta jkun stabbilit il-ħlas ta' imgħax, minħabba li s-sussidji ma jitħallsux minn jew lil aġent tar-rappurtaġġ.

7. Rati favorevoli li aġenti tar-rappurtaġġ japplikaw lill-impjegati tagħhom għandhom ikunu koperti minn statistika ta' rati ta' imgħax ta' MFI.

8. Fejn dispożizzjonijiet regolatorji jaffettwaw il-ħlas ta' imgħax, bħalma huma massimi ta' rati ta' imgħax jew il-projbizzjoni ta' rimunerazzjoni ta' depożiti a vista, dawn għandhom ikunu riflessi f'istatistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI. Kull tibdil fir-regoli li jistabilixxu dispożizzjonijiet regolatorji, bħalma huma l-livell ta' rati amministrati ta' imgħax jew rati limitati ta' imgħax, dawn għandhom jidhru fl-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI bħala bidla fir-rata ta' imgħax.

II. Perċentwali annwali tar-rata ta' ħlas

9. Bi żjieda mar-rati annwali miftehma, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal negozju ġdid fir-rigward ta' kreditu tal-konsumatur u self lil familji għal xiri ta' djar, il-perċentwali annwali tar-rata ta' ħlas (APRC), kif imfisser fl-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva 87/102/KEE, jiġifieri:

- APRC wieħed għall-kreditu ġdid tal-konsumatur (ara indikatur 30 fl-Appendiċi 2), u

- APRC wieħed għal self ġdid lil familji għal xiri ta' djar (ara indikatur 31 fl-Appendiċi 2) [3].

10. L-APRC tkopri "l-ispejjeż totali tal-kreditu lill-konsumatur", kif imfisser fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 87/102/KEE. Dawn l-ispejjeż totali jinkludu komponent ta' rata ta' imgħax u komponent ta' spejjeż (relatati) oħra, bħalma huma spejjeż għal inkjesti, amministrazzjoni, tħejjija ta' dokumenti, garanziji, kreditu ta' assigurazzjoni, eċċ.

11. Il-kompożizzjoni tal-komponent ta' spejjeż oħra jistgħu ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor minħabba li t-tifsiriet fid-Direttiva 87/102/KEE ikunu applikati b'mod differenti, u għaliex sistemi finanjarji nazzjonali u proċeduri biex jingħata kreditu jkunu differenti.

III. Konvenzjoni

12. L-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom japplikaw sena standard ta' 365 jum għall-kumpilazzjoni tar-rata annwali miftehma, jiġifieri, l-effetti ta' jum żejjed f'sena bisestili m'għandhomx jitqiesu.

TAQSIMA 2

Kopertura ta' negozju

13. Aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu statistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI li jirreferu għal ammonti pendenti u għal negozju ġdid.

IV. Rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti

14. Ammonti pendenti jfissru l-istock tad-depożiti kollha magħmula minn familji u minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji ma' l-aġent tar-rappurtaġġ u l-istock tas-self kollu mogħti mill-aġent tar-rappurtaġġ lil familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji.

15. Rata ta' imgħax fuq ammonti pendenti għandha tirrifletti l-livell tar-rata ta' imgħax medja peżata li tkun applikata lill-istock ta' depożiti jew self fil-kategorija ta' strumenti rilevanti fil-punt ta' referenza temporali, kif imfisser fil-pararafu 26. Għandha tkopri wkoll il-kuntratti kollha miftehma pendenti fil-perjodi kollha qabel id-data tar-rappurtaġġ.

16. Self ħażin u self li jintuża' għal ristrutturar tad-dejn b'rati inferjuri mill-kondizzjonijiet tas-suq m'għandhomx jingħaddu mar-rati ta' imgħax medji peżati fuq ammonti pendenti. It-tifsira ta' self ħażin u self li jintuża għal ristrutturar ta' djun għandha tkun skond il-prattika nazzjonali, li tista' tkun differenti bejn Stati Membri parteċipanti.

V. Negozju ġdid fuq depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdraft bankarju.

17. F'każ ta' depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdraft bankarju, kif imfisser fil-paragrafi 42 sa 44, il-kunċett ta' negozju ġdid għandu jestendi għall-istock kollu. Għalhekk, il-bilanċ tad-debitu jew tal-kreditu, jiġifieri l-ammont pendenti, fil-punt ta' referenza temporali, kif imfisser fil-paragrafu 29, għandu jintuża bħala indikatur għan-negozju ġdid fuq depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji.

18. Ir-rati ta' imgħax għal depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji għandhom jirriflettu l-livell tar-rata ta' imgħax peżata li tkun applikata għall-istocks ta'dawn il-kontijiet fil-punt ta' referenza temporali, kif imfisser fil-paragrafu 29. Dawn għandhom ikopru l-kuntratti kollha miftehma pendenti fil-perjodi kollha qabel id-data tar-rappurtaġġ.

19. Biex ikunu kkalkulati r-rati ta' imgħax ta' MFI fuq kontijiet li, skond il-bilanċ tagħhom, jistgħu ikunu depożitu jew self, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jiddistingwu bejn il-perjodi b'bilanċ ta' kreditu u perjodi b'bilanċ ta' debitu. L-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jirrappurtaw dwar rati ta' imgħax medji peżati li jirreferu għall-bilanċi ta' kreditu bħala depożiti a vista u rati ta' imgħax medji peżati li jirreferu għall-bilanċi ta' debitu bħala overdrafts bankarji. M'għandhomx jirrappurtaw dwar rati ta' imgħax medji peżati li jikkombinaw rati (baxxi) ta' depożitu a vista u rati (għoljin) ta' overdrafts bankarji.

VI. Negozju ġdid f'kategoriji ta' strumenti li mhumiex depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji

20. Il-paragrafi li ġejjin minn 21 sa 25 jirreferu għal kategoriji kollha ta' strumenti li mhumiex depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, jiġifieri għal depożiti bi skadenza miftehma, repos u kull self ħlief overdrafts bankarji, kif imfisser fil-paragrafi 42 u 45 sa 48.

21. Negozju ġdid ifisser kull ftehim ġdid bejn il-familja jew il-korporazzjoni mhux finanzjarja u l-aġent tar-rappurtaġġ. Ftehim ġodda għandhom ikunu:

- il-kuntratti finanzjarji kollha u kondizzjonijiet li jispeċifikaw għall-ewwel darba ir-rata ta' imgħax tad-depożitu jew self, u

- in-negozjati ġodda kollha dwar depożiti jew self eżistenti.

Il-prorogi ta' kuntratti eżistenti ta' depożitu jew self li jidħlu fis-seħħ awtomatikament, jiġifieri mingħajr is-sehem attiv tal-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja, u li ma jenħtiġux negozjati mill-ġdid dwar il-kondizzjonijiet tal-kuntratti, inkluża r-rata ta' imgħax, m'għandhomx jitqiesu bħala negozju ġdid.

22. Ir-rata għal negozju ġdid għandha tirrifletti l-livell tar-rati ta' imgħax medji peżati li jkunu applikati għal depożiti u self fil-kategorija ta' strumenti rilevanti fir-rigward ta' ftehim ġodda bejn familji jew korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-aġent tar-rappurtaġġ fil-perjodu ta' referenza temporali skond paragrafu 32.

23. Tibdiliet fir-rati ta' imgħax varjabbli bħala aġġustamenti awtomatiċi fir-rata ta' imgħax magħmula mill-aġent tar-rappurtaġġ mhumiex ftehim ġodda u, għalhekk, m'għandhomx jitqiesu bħala negozju ġdid. Għal kuntratti eżistenti, dan it-tibdil fir-rati varjabbli m'għandux, għalhekk, jinqabad fir-rati għal negozju ġdid iżda biss fir-rati għal ammonti pendenti.

24. Bidla minn rata ta' imgħax fissa għal rata varjabbli jew viċi-versa (fi żmien t1) matul il-kuntratt, li kienet miftehma fil-bidu tal-kuntratt (ħin t0), ma tagħmilx ftehim ġdid imma hija parti mill-kondizzjonijiet tas-self magħmul fi żmien t0. M'għandhiex, għalhekk, titqies bħala negozju ġdid.

25. Familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja s-soltu hija mistennija li tieħu self mhux overdraft bankarju sħiħ fil-bidu tal-kuntratt. Tista', iżda, tieħu self f'porzjonijiet fi żminijiet t1, t2, t3 eċċ., minflok ma tieħu l-ammont kollu fil-bidu tal-kuntratt (żmien t0). Il-fatt li s-self, li ma jkunx overdraft bankarju, jittieħed f'porzjonijiet, mhux rilevanti għall-finijiet ta' statistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI. Il-ftehim bejn il-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja u l-aġent tar-rappurtaġġ fi żmien t0, li tinkludi r-rata ta' imgħax u l-ammont sħiħ tas-self, għandu jiddaħħal fl-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI.

TAQSIMA 3

Punt ta' referenza temporali

VII. Punt ta' referenza temporali għar-rati ta' imgħax ta' l-MFI dwar ammonti pendenti

26. NCBs għandhom jagħtu tifsira jekk, fuq livell nazzjonali r-rati ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti, jiġifieri indikaturi 1 sa 14 deskritti fl-Appendiċi 1, għandhomx ikunu kompilati bħala ġabra ta' osservazzjonijiet fi tmiem terminu jew bħala rati impliċiti li jirreferu għall-mejdi ta' termini. It-terminu kopert għandu jkun ta' xahar.

27. Imgħax fuq ammonti pendenti bħala ġabra ta' osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar għandhom ikunu kkalkulati bħala rati ta' imgħax medji peżati u applikati għall-istock ta' depożiti u self f'ċertu ħin fl-aħħar jum tax-xahar. F'dak il-ħin, l-aġent tar-rappurtaġġ għandu jiġbor ir-rati ta' imgħax u l-ammonti relattivi għall-ammonti kollha pendenti ta' depożiti u self fir-rigward ta' familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji u għandu jikkompila rata ta' imgħax medja peżata għal kull kategorija ta' strumenti. B'kuntrast mal-medji ta' kull xahar, ir-rati ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti u li jkunu ġew ikkompilati bħala osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar għandhom ikopru biss dawk il-kuntratti li jkunu għadhom ma bdewx iseħħu fiż-żmien meta tinġabar id-data.

28. Ir-rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti bħala rati impliċiti li jirreferu għall-medja ta' xahar għandhom ikunu kkalkulati bħala quotient, bin-numeratur bħala l-fluss akkumulat ta' imgħax waqt ix-xahar ta' referenza, jiġifieri imgħax magħluq pagabbli fuq depożiti u riċevibbli fuq self, u d-denominatur bħala l-istock medju ta' xahar. Fit-tmiem ta' xahar ta' referenza, għal kull kategorija ta' strumenti, l-aġent tar-rappurtaġġ għandu jirrapporta dwar imgħax magħluq pagabbli jew riċevibbli tul dak ix-xahar u l-medja ta' l-istock ta' depożiti u self tul l-istess xahar. B'kuntrast ma' l-osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar, ir-rata ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti u kompilati bħala medji ta' kull xahar għandha tinkludi kuntratti li kienu għadhom ma bdewx iseħħu f'xi żmien matul ix-xahar, iżda li jkunu bdew iseħħu fl-aħħar tax-xahar. Il-medja ta' l-istock ta' depożiti u self tul ix-xahar ta' referenza għandhom l-aħjar ikunu kompilati bħala l-medja ta' stocks ta' kuljum tul ix-xahar. Bħala standard minimu, għal kategoriji ta' strumenti volatili, jiġifieri għall-inqas depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, l-istock medju ta' kull xahar għandu jkun derivat mill-bilanċi ta' kuljum. Għal kategoriji oħra kollha ta' strumenti, l-istock medju ta' kull xahar għandu jkun derivat minn bilanċi ta' kull ġimgħa jew iktar spiss. Għal perjodu transitorju ta' mhux aktar minn sentejn, għal self bi skadenza miftehma ta' iktar minn ħames snin, osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar għandhom ikunu aċċettati.

VIII. Punt ta' referenza temporali għal negozju ġdid għal depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji

29. NCBs għandhom jagħtu tifsira jekk, fuq livell nazzjonali, ir-rata ta' imgħax ta' MFI fuq depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, jiġifieri indikaturi 1, 5, 6, 7, 12 u 23 deskritti fl-Appendiċi 2, għandhomx ikunu kompilati bħala ġabra ta' osservazzjonijiet ta' tmiem terminu jew bħala rati impliċiti li jirreferu għall-medji ta' termini. It-terminu kopert għandu jkun ta' xahar.

30. B'mod analogu mar-rati fuq ammonti pendenti li jinsabu fl-Appendiċi 1, r-rati ta' imgħax fuq depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji għandhom ikunu kompilati skond wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) bħala ġabra ta' osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar għandhom ikunu kkalkulati, jiġifieri, rati ta' imgħax medji peżati applikati għall-istock ta' dawn id-depożiti u self f'xi ħin fl-aħħar jum tax-xahar. F'dak il-ħin, l-aġent tar-rappurtaġġ għandu jiġbor ir-rati ta' imgħax u l-ammonti relattivi għad-depożiti kollha a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji fir-rigward ta' familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, u għandu jikkompila rata ta' imgħax medja peżata għal kull kategorija ta' strument. B'kuntrast mal-medji ta' kull xahar, ir-rati ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti u li jkunu ġew ikkompilati bħala osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar għadhom ikopru biss dawk il-kuntratti li jkunu għadhom ma bdewx iseħħu fiż-żmien meta tinġabar id-data;

(b) rati impliċiti li jiffereru għall-medja ta' xahar għandhom ikunu kkalkulati, jiġifieri quotient, bin-numeratur bħala l-fluss akkumulat ta' imgħax waqt ix-xahar, jiġifieri, imgħax magħluq pagabbli fuq depożiti u riċevibbli fuq self, u d-denominatur bħala l-medja ta' l-istock ta' kuljum. Fi tmiem ix-xahar, għal depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, l-aġent tar-rappurtaġġ għandu jirrapporta dwar l-ammont ta' imgħax magħluq pagabbli jew riċevibbli matul ix-xahar u l-istock medju ta' depożiti u self medju matul l-istess xahar. Għall-depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, l-istock medju tax-xahar għandu jkun derivat minn bilanċi ta' kuljum. B'kuntrast ma' osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar, ir-rati ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti kkompilati bħala medji ta' xahar għandhom jinkludu wkoll kuntratti li kienu għadhom ma bdewx iseħħu f'xi żmien matul ix-xahar, imma li jkunu bdew iseħħu fi tmiem ix-xahar.

31. Paragrafu 19 jipprovdi li biex ikunu kkalkulati r-rati ta' imgħax ta' MFI fuq kontijiet li, skond il-bilanċ tagħhom, jistgħu ikunu depożitu jew self, aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jiddistingwu bejn perjodi b'bilanċi ta' kreditu jew ta' debitu. Jekk rati ta' imgħax ta' MFI ikunu kompilati bħala ġabra ta' osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar, il-bilanċ biss f'ċertu ħin fl-aħħar jum tax-xahar għandu jitqies biex ikun deċiż jekk il-kont ta' dak ix-xahar ikunx depożitu a vista jew overdraft bankarju. Jekk imgħax ta' MFI ikunu kkalkulati bħala rati impliċiti li jirreferu għall-medja tax-xahar, għandha ssir stima kuljum biex ikun eżaminat jekk il-kont huwiex depożitu jew self. Medja tal-bilanċi ta' kreditu ta' kuljum u tal-bilanċi ta' debitu ta' kuljum għandha mbagħad tkun ikkalkulata biex tkun derivata l-medja ta' l-istocks tax-xahar għad-denominatur tar-rati impliċiti. Barra dan, il-flussi fin-numeratur għandhom jiddistingwu bejn imgħax magħluq pagabbli fuq depożiti u riċevibbli fuq self. Aġenti tar-rappurtaġġ m'għandhomx jirrapportaw dwar rati ta' imgħax medji peżati li jikkombinaw rati (baxxi) ta' depożiti a vista u rati (għoljin) ta' overdrafts bankarji.

IX. Perjodu ta' referenza għal negozju ġdid (ħlief għal depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji)

32. Rati ta' imgħax ta' MFI għal negozju ġdid ħlief għal depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, jiġifieri l-indikaturi kollha deskritti fl-Appendiċi 2, ħlief għal 1, 5, 6, 7, 12 u 23, għandhom ikunu kkalkulati bħala medji ta' perjodu. Il-perjodu kopert għandu jkun ta'xahar (sħiħ).

33. Għal kull kategorija ta' strumenti, l-aġenti tar-rapportaġġ għandhom jikkalkulaw ir-rata ta' negozju ġdid bħala medja peżata tar-rati kollha ta' imgħax għal operazzjonijiet ta' negozju ġdid fil-kategoriji ta' strumenti tul ix-xahar ta' referenza. Dawn ir-rati ta' imgħax li jirreferu għall-medja tax-xahar għandhom jintbagħtu lin-NCBs ta' l-Istati Membri parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti, flimkien ma' informazzjoni peżata dwar l-ammont ta' negozju ġdid magħmul waqt ix-xahar tar-rappurtaġġ għal kull kategorija ta' strumenti. Aġenti tar-rapportaġġ għandhom jikkunsidraw l-operazzjonijiet ta' negozju ġdid magħmula tul ix-xahar kollu.

TAQSIMA 4

Kategoriji ta' strumenti

X. Dispożizzjonijiet ġenerali

34. L-aġenti tar-rapportaġġ għandhom jipprovdu statistika tar-rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti għall-kategoriji ta' strumenti msemmija fl-Appendiċi 1 u statistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI fuq negozju ġdid għall-kategoriji ta' strumenti li huma, għalhekk, inklużi fl-Appendiċi 2. Kif imfisser fil-paragrafu 17, ir-rati ta' imgħax fuq depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji għandhom ikunu r-rati ta' imgħax fuq negozju ġdid u, għalhekk, għandhom ikunu inklużi fl-Appendiċi 2 li tirreferi għal negozju ġdid. Iżda, billi l-metodu ta' kumpilazzjoni u l-punt ta' referenza temporali għar-rati ta' depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarjihuma l-istess bħal ta' l-indikaturi l-oħra fuq ammonti pendenti, l-indikaturi 1, 5, 6, 7, 12 u 23 ta' l-Appendiċi 2 għandhom jerġgħu jidhru fl-Appendiċi 1.

35. F'ċerti Stati Membri parteċipanti, istituzzjonijiet residenti ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra jistgħu ma joffrux xi wħud mill-kategoriji ta' strumenti kif proposti fl-Appendiċi 1 u fl-Appendiċi 2 lil familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istat Membru parteċipanti. F'dan il-każ, il-kategorija ta' strumenti li ma tapplikax fuq livell nazzjonali m'għandhiex titqies f'dan l-Istat Membru parteċipanti. Kategorija ta' strumenti m'għandhiex tapplika fuq livell nazzjonali jekk istituzzjonijiet residenti ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra ma joffru l-ebda prodotti ta' din il-kategorija lil familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji resident fl-Istat Membru parteċipanti. Għandha tingħata data jekk ikun hemm negozju, minkejja d-daqs tiegħu.

36. Għal kull kategorija ta' strumenti kif imfissra fl-Appendiċi 1 u 2, u applikati għal negozju bankarju ta' istituzzjonijiet residenti ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra għal familji jew korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istati Membri parteċipanti, l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' MFI għandhom ikunu kompilati skond ir-rati kollha ta' imgħax li huma applikati għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija ta' strumenti. Dan għandu jimplika li NCBs jistgħu ma jagħtux tifsira ta' grupp ta' prodotti nazzjonali f'kull kategorija ta' strumenti li fuqu għandhom jinġabru statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI; minnflok, ir-rati fuq il-prodotti kollha offruti minn kull aġent tar-rapportaġġ għandhom ikunu koperti. Kif imfisser fl-aħħar paragrafu ta' l-Anness I, NCBs m'għandhomx bżonn ikopru fil-kampjun kull prodott li jeżisti fuq livell nazzjonali. Iżda, m'għandhomx jeskludu kategorija sħiħa ta' strumenti minħabba li ammonti involuti jkunu żgħar ħafna. Għalhekk, jekk kategorija ta' strumenti tkun offruta biss minn istituzzjoni waħda, din l-istituzzjoni għandha tkun rappreżentata fil-kampjun. Jekk kategorija ta' strumenti ma kinitx teżisti fi Stat Membru parteċipanti fiż-żmien tat-teħid tal-kampjun, iżda wara jkun introdott minn istituzzjoni prodott ġdid li jappartjeni lil din il-kategorija, din l-istituzzjoni għandha tkun inkluża fil-kampjun meta jerġa' jsir kontroll li jmiss tar-rappreżentattività. Jekk jinħoloq prodott ġdid f'kategorija ta' strumenti li diġà teżisti f'livell nazzjonali, l-istituzzjonijiet fil-kampjun għandhom ikopruh fir-rappurtaġġ ta' wara, bħalma l-aġenti tar-rapportaġġ huma meħtieġa li jirrapportaw fuq il-prodotti kollha tagħhom.

37. L-eċċezzjoni għall-prinċipju li jkunu koperti r-rati kollha ta' imgħax li huma applikati għall-prodotti kollha huma r-rati ta' imgħax fuq self ħażin u self għar-ristrutturar tad-dejn. Kif imfisser fil-paragrafu 16, self ħażin u self għar-ristrutturar tad-dejn b'rati inferjuri għall-kondizzjonijiet tas-suq m'għandhomx ikunu koperti minn statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI.

XI. Skompożizzjoni skond il-munita

38. Statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI għandhom ikopru r-rati ta' imgħax applikati mill-popolazzjoni potenzjali tar-rapportaġġ. Data fuq depożiti u self f'muniti li mhumiex fl-euro m'għandhomx ikunu meħtieġa fil-livell ta' l-Istati Membri kollha parteċipanti. Dan huwa rifless fl-Appendiċi 1 u 2 fejn l-indikaturi kollha jirreferu għal depożiti u self fl-euro.

XII. Skompożizzjoni skond is-settur

39. Bl-eċċezzjoni ta' repos, skompożsizzjoni settorjali għandha tkun applikata għad-depożiti kollha u s-self kollu meħtieġa mill-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI. L-Appendiċi 1 għall-ammonti pendenti u l-Appendiċi 2 għal negozju ġdid jiddistingwu, għalhekk, bejn indikaturi fir-rigward ta' familji (inklużi istituzzjonijiet li ma jagħmlux profitt fis-servizz tagħhom lil familji) [4] u fir-rigward ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji [5].

40. L-indikatur 5 fl-Appendiċi 1 u l-indikatur 11 fl-Appendiċi 2 jirreferu għal repos. Għalkemm ir-rimunerazzjoni ta' repos ma teżistix fl-Istati Membri parteċipanti kollha indipendendement mis-settur holding, l-ebda skompożizzjoni settorjali minn familji jew korporazzjonijiet mhux finanzjarji mhi meħtieġa għal repos fuq livell ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha. Barra minn hekk, l-ebda skompożizzjoni ta' skadenza m'għandha tkun meħtieġa fuq il-livell ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha, għaliex repos huma, b'mod predominanti, ta' terminu qasir ħafna. Ir-rata ta' imgħax ta' l-MFI fuq repos m'għandiex tkun allokata lil settur wieħed, imma liż-żewg setturi mingħajr differenza.

41. L-indikaturi 5 u 6 fl-Appendiċi 2 jirreferu għal depożiti li jistgħu jinfdew b'avviż miżmuma għand familji. Ir-rata ta' imgħax u l-piż ta' depożiti li jinfdew b'avviż għandhom, iżda, fuq il-livell ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha, jirreferu għaż-żewġ depożiti li jinfdew b'avviż minn familji u minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji, jiġifieri iż-żewġ setturi għandhom ikunu f'merger iżda allokati lil familji. Fuq livell ta' l-Istati Membri parteċipanti kollha, l-ebda skompożizzjoni settorjali mhi meħtieġa.

XIII. Skompożizzjoni skond it-tip ta' strument

42. Sakemm ma jingħadx mod ieħor fil-paragrafi li ġejjin, l-iskompożizzjoni ta' strumenti għal rati ta' imgħax ta' l-MFI u t-tifsira tat-tipi ta' strumenti għandhom isegwu l-kategoriji ta' l-attiv u l-passiv kif imsemmi fit-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Numru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Novembru, 2001, dwar il-balance sheet konsolidat tas-settur ta' l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) [6].

43. Ir-rati ta' imgħax ta' l-MFI fuq depożiti a vista, jiġifieri indikaturi 1 u 7 fl-Appendiċi 2, għandhom ikopru d-depożiti kollha a vista, kemm jekk jattiraw imgħax kemm jekk ma jattirawx. Depożiti a vista mingħajr imgħax għandhom jiddaħħlu fl-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI.

44. Għall-iskopijiet ta' l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI, overdrafts bankarji, jiġifieri indikaturi 12 u 23 fl-Appendiċi 2, għandhom ifissru bilanċi ta' debitu fuq kontijiet kurrenti. Ir-rata ta' imgħax fuq overdrafts bankarji tirreferi għar-rata li għandha titħallas meta depożitu a vista jsir negattiv, jiġifieri d-depożitu a vista u l-overdraft bankarju ikunu konnessi ma' l-istess kont. B'kuntrast ma' self lil intrapriżi għal sena, kreditu tal-konsumatur u self ieħor lil familji sa sena, overdrafts bankarji m'għadhux ikollhom skadenza definita u, b'mod ġenerali, għandhom ikunu awtorizzati iżda meħuda mingħajr avviż minn qabel lill-bank. Is-soltu, il-kreditu jew istituzzjoni oħra għandhom jistabbilixxu limitu superjuri u l-perjodu massimu ta' overdraft bankarju li familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja jistgħu jakkumulaw. Statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI għandhom jinkludu l-overdrafts bankarji kollha wkoll jekk ikunu fil-limitu jew ikunu qabżuh, kif miftiehem bejn l-aġent tar-rappurtaġġ u l-familja jew il-korporazzjoni mhux finanjarja. Penali fuq overdrafts bankarji li jkunu applikati bħala komponent ta' piżijiet oħra, per eżempju fil-forma ta' rati ta' ħlas speċjali, m'għandhomx ikunu koperti mir-rata annwali miftehma skond il-paragrafu 1, minħabba li din it-tip ta' rata tkopri biss il-komponent tar-rata ta' imgħax ta' self.

45. Għall-iskopijiet ta' statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI, self ieħor ġdid lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, jiġifieri indikaturi 24 sa 29 fl-Appendiċi 2, għandhom jinkludu s-self kollu ħlief overdrafts bankarji lill-intrapriżi, ikun x'ikun l-ammont. Self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji fl-Appendiċi 1 li jirreferu għal ammonti pendenti għandhom isegwu t-tifsira fit-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Numru 2423/2001 (BĊE/2001/13) u għandhom ikopru overdrafts bankarji.

46. Għall-iskopijiet ta' l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI, self ġdid lil familji għal konsum, jiġifieri indikaturi 13, 14, 15 u 30 fl-Appendiċi 2, ifissru self, esklużi overdrafts bankarji, mogħti għal użu personali għal konsum ta' affarijiet u servizzi. Il-kreditu tal-konsumatur fl-Appendiċi 1 li jirreferi għal ammonti pendenti għandu jsegwi t-tifsira fit-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Numru 2423/2001 (BĊE/2001/13) u għandu jkopri overdrafts bankarji.

47. Self lil familji għal xiri ta' djar, jiġifieri indikaturi 6 sa 8 fl-Appendiċi 1 u indikaturi 16 sa 19 u 31 fl-Appendiċi 2, jistgħu ikunu jew ma jkunux imħarsa b'garanzija. F'każ ta' self b'garanzija, il-garanzija tista' tkun il-proprjetà stess jew assi oħra. Statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI għandhom ikopru self garantit u mhux garantit lil familji għal xiri ta' djar mingħajr distinzjoni. Għall-iskopijiet ta' l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI, self ġdid lil familji għal xiri tad-djar, jiġifieri indikaturi 16 sa 19 u 31 fl-Appendiċi 2, għandhom ifissru kreditu li mhux overdraft bankarju, li huwa estiż għall-iskop li jsiru investimenti fi djar għall-abitazzjoni, inkluż titjib fil-bini u titjib fid-dar. Self lil familji għal xiri ta' djar fl-Appendiċi 1 li jirreferi għal ammonti pendenti għandu jsegwi t-tifsira tat-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Numru 2423/2001 (BĊE/2001/13) u għandu jkopri overdrafts bankarji.

48. Għall-iskopijiet ta' statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI, self ġdid lil familji għal skopijiet oħra, jiġifieri indikaturi 20 sa 22 fl-Appendiċi 2, ifisser self li mhux overdrafts bankarji mogħti għal skopijiet ta' kummerċ, konsolidazzjoni tad-djun, edukazzjoni, eċċ. Self ieħor lil familji skond l-Appendiċi 1 li jirreferi għall-ammonti pendenti għandu jsegwi t-tifsira fit-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Numru 2423/2001 (BĊE/2001/13) u għandu jkopri overdrafts bankarji.

49. Rati ta' imgħax ta' l-MFI fuq ammonti pendenti, kreditu tal-konsumatur, self lil familji għal xiri ta' djar u self ieħor lil familji flimkien għandhom ikopru s-self kollu mogħti lil familji minn istituzzjonijiet ta' kreditu residenti u istituzzjonijet oħra.

50. Rati ta' imgħax ta' l-MFI fuq negozju ġdid, overdrafts bankarji, self lil familji għal konsum, għal xiri ta' djar u għal skopijiet oħra għandhom ikopru kull self mogħti lil familji minn istituzzjonijiet ta' kreditu residenti u istituzzjonijet oħra.

XIV. Skompożizzjoni skond il-kategorija ta' ammont

51. Fir-rigward ta' self lil korporazzjonijet oħra mhux finanzjarji, jiġifieri indikaturi 24 sa 29 fl-Appendiċi 2, għandu jkun hemm żewġ kategoriji, jiġifieri. "sa miljun EUR inkluż" u "iktar minn miljun EUR". L-ammont għandu jirreferi għal operazzjoni waħda ta' self meqjusa bħala negozju ġdid, minflok għal negozju kollu bejn korporazzjonijiet mhux finanzjarji u l-aġenti tar-rappurtaġġ.

XV. Skompożizzjoni skond skadenza oriġinali, perjodu tan-notifika jew il-fissazzjoni tar-rata inizjali

52. Skond it-tip ta' strument u jekk ir-rati ta' imgħax ta' l-MFI jirreferux għal ammonti pendenti jew għal negozju ġdid, l-istatistika għandha tipprovdi skompożizzjoni skond l-iskadenza oriġinali, perjodu tan-notifika jew il-fissazzjoni tar-rata inizjali. Dawn l-iskompożizzjonijiet għandhom jirreferu għal perjodi ta' żmien, per eżempju, rata ta' imgħax fuq depożitu bi skadenza miftehma ta' massimu ta' sentejn għandha tirreferi għal rata medja għad-depożiti kollha li għandhom skadenza miftehma oriġinali minn jumejn sa massimu ta' sentejn.

53. L-iskompożizzjoni skond il-maturità oriġinali u l-perjodu tan-notifika għandhom isegwu t-tifsira fit-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar- Regolament (KE) Numru 2423/2001 (BĊE/2001/13). Skompożizzjoni skond skadenza oriġinali għandha tkun applikata għal kull kategorija ta' depożitu ħlief repos li jirreferu għal ammonti pendenti u għall-kategoriji kollha ta' self li jirreferu għal ammonti pendenti skond l-Appendiċi 1. Skompożizzjoni ta' skadenza oriġinali għandha tkun applikata ukoll għal negozju ġdid fuq depożiti bi skadenza miftehma, u skompożizzjoni skond il-perjodu ta' notifikazzjoni lil negozju ġdid fuq depożiti li jinfdew b'avviż skond l-Appendiċi 2.

54. Ir-rati ta' imgħax fuq self għal negozju ġdid fl-Appendiċi 2 għandhom ikunu skomposti permezz tal-perjodu inizjali ta' fissazzjoni tar-rata ta' imgħax skond il-kuntratt. Għal skopijiet ta' statistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI, il-perjodu inizjali tal-fissazzjoni ifisser il-perjodu ta' żmien stabbilit minn qabel fil-bidu ta' kuntratt, li matulu il-valur tar-rata ta' imgħax ma jistax jinbidel. Il-perjodu inizjali tal-fissazzjoni jista' jkun inqas jew daqs l-iskadenza oriġinali tas-self. Il-valur tar-rata ta' imgħax għandu jitqies li ma jinbidilx biss jekk hu definit bħala livell eżatt, per eżempju 10 %, jew bħala d-differenzjali għal rata ta' referenza f'ċertu mument ta' żmien, per eżempju bħal Eurobar ta' sitt xhur b'żewġ punti perċentwali aktar f'ċertu jum u ħin. Jekk fil-bidu ta' kuntratt għal perjodu definit ikun hemm ftehim bejn il-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja u l-aġent tar-rappurtaġġ dwar proċedura biex tkun ikkalkulata r-rata tas-self, per eżempju Eurobar ta' sitt xhur b'żewġ punti perċentwali aktar għal tlett snin, din m'għandhiex titqies bħala fissazzjoni ta' rata inizjali, għaliex il-valur tar-rata ta' imgħax jista' jinbidel tul it-tliet snin. L-istatistika tar-rata ta' imgħax ta' l-MFI għal negozju ġdid ta' self għandha tirrifletti biss ir-rata ta' imgħax li kienet miftehma għall-perjodi inizjali ta' fissazzjoni fil-bidu tal-kuntratt jew wara negozjati mill-ġdid tas-self. Jekk wara dan il-perjodu inizjali ta' fissazzjoni ir-rata ta' imgħax tinbidel awtomatikament għal rata varjabbli, dan m'għandux ikun rifless fir-rati ta' imgħax ta' l-MFI dwar negozju ġdid iżda biss f'dawk l-ammonti pendenti.

55. It-tlett perjodi li ġejjin ta' fissazzjoni ta' rata inizjali għandhom ikunu speċifikati għal self lil familji għal konsum u għal skopijiet oħra, u għal self ieħor sa miljun EUR u iktar minn miljun EUR:

- rata varjabbli sa sena (inkluża) għal fissazzjoni ta' rata inizjali,

- iktar minn sena waħda u sa ħames snin (inklużi) għal fissazzjoni ta' rata inizjali, u

- fissazzjoni inizjali ta' rata ta' iktar minn ħames snin.

56. L-erba' perjodi li ġejjin ta' fissazzjoni ta' rata inizjali għandhom ikunu speċifikati għal self lil familji għal xiri ta' djar:

- rata varjabbli u sa sena (inkluża) għal fissazzjoni ta' rata inizjali,

- iktar minn sena waħda u sa ħames snin (inklużi) għal fissazzjoni ta' rata inizjali,

- iktar minn ħames snin u sa għaxar snin (inklużi) għal fissazzjoni ta' rata inizjali, u

- iktar minn għaxar snin għal fissazzjoni ta' rata inizzjali.

57. Self mingħajr fissazzjoni tar-rata ta' imgħax għandu jkun inkluż bħala self b'"rata varjabbli" fil-kategorija ta' fissazzjoni ta' rata inizjali ta' sena.

TAQSIMA 5

Obbligu ta' rappurtaġġ

58. Biex ikunu derivati l-aggregati totali fir-rigward ta' l-Istati Membri parteċipanti, għal kull kategorija ta' strumenti proposta fl-Appendiċi 1 u 2, tliet livelli ta' aggregazzjoni għandhom ikunu applikati.

XVI. Informazzjoni dwar statistika fuq livell ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ

59. L-ewwel livell ta' aggregazzjon għandu jsir mill-aġenti tar-rappurtaġġ skond il-paragrafi 60 sa 65. Iżda NCBs jistgħu jitolbu li l-aġenti tar-rappurtaġġ jipprovdu data dwar depożiti individwali u self. Id-data tiġi rrappurtata lill-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti.

60. Jekk ir-rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti, jiġifieri indikaturi 1 sa 14 fl-Appendiċi 1, ikunu kompilati bħala osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal kull kategorija ta' strumenti rata ta' imgħax medja peżata li tirreferi għall-aħħar jum tax-xahar, u, għalhekk, jiġu applikati t-tifsiriet u regoli kif stabbiliti f'dan ir-Regolament.

61. Jekk ir-rati ta' imgħax fuq ammonti pendenti, jiġifieri indikaturi 1 sa 14 fl-Appendiċi 1, ikunu kompilati bħala rati impliċiti li jirreferu għall-medja ta' kull xahar, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal kull kategorija ta' strumenti imgħax magħluq pagabbli jew riċevibbli waqt ix-xahar u l-medja ta' l-istock ta' depożiti u self matul l-istess xahar, u għalhekk, ikunu applikati t-tifsiriet u regoli kif stabbiliti f'dan ir-Regolament.

62. Jekk ir-rati ta' imgħax fuq depożiti a vista, depożiti li jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, jiġifieri indikaturi 1, 5, 6, 7, 12 u 23 fl-Appendiċi 2, ikunu kompilati bħala osservazzjonijiet ta' tmiem ix-xahar, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal kull kategorija ta' strumenti rata ta' imgħax medja peżata li tirreferi għall-aħħar jum, għalhekk ikunu applikati t-tifsiriet u regoli kif stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal overdrafts bankarji, jigifieri indikaturi 12 u 23 fl-Appendiċi 2, l-ammont pendenti sa l-aħħar tax-xahar.

63. Jekk ir-rati ta'imgħax fuq depożiti a vista, depożiti li jistgħu jinfdew b'avviż u overdrafts bankarji, jiġifieri indikaturi 1, 5, 6, 7, 12 u 23 fl-Appendiċi 2, ikunu kompilati bħala rati impliċiti li jirreferu għall-medja tax-xahar, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal kull kategorija ta' strumenti imgħax magħluq pagabbli jew riċevibbli matul ix-xahar u l-medja ta' l-istock ta' depożiti u self waqt l-istess xahar, u għalhekk ikunu applikati t-tifsiriet u regoli kif stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal overdrafts bankarji, jigifieri indikaturi 12 u 23 fl-Appendiċi 2, l-ammont pendenti fl-aħħar tax-xahar.

64. Għal kull kategorija ta' istrumenti dwar negozju ġdid, jiġifieri indikaturi 2 sa 4, 8 sa 11, 13 sa 22 u 24 sa 31 fl-Appendiċi 2, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu rata ta' imgħax medja peżata billi japplikaw it-tifsiriet u r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu għal kull indikatur 2 sa 4, 8 sa 11, 13 sa 22 u 24 sa 29 fl-Appendiċi 2 l-ammont ta' negozju ġdid magħmul f'kull kategorija ta'strumenti waqt dak ix-xahar.

65. Istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet oħra, li għandhom permess minn NCB li jirrapportaw dwar statistika ta' rata ta' imgħax ta' l-MFI flimkien bħala grupp, għandhom jitqiesu bħala aġent tar-rappurtaġġ nozzjonali wieħed u għandhom jipprovdu d-data skond il-paragrafi 60 sa 62 li jirreferu għall-grupp sħiħ. Barra minn hekk, l-aġent tar-rappurtaġġ nazzjonali għandu kull sena jipprovdi għal kull kategorija ta' strumenti in-numru ta' istituzzjonijiet li jirrappurtaw fi ħdan il-grupp u d-differenzi fir-rati ta' imgħax bejn dawn l-istituzzjonijiet. In-numru ta' istituzzjonijiet li jirrappurtaw fi ħdan il-grupp u d-differenzi għandhom jirreferu għax-xahar ta' Ottubru u għandhom jintbagħtu mad-data ta' Ottubru.

XVII. Rati ta' imgħax medji peżati nazzjonali

66. It-tieni livell ta' aggregazzjoni għandu jsir minn NCBs. Huma għandhom jaggregaw ir-rati ta' imgħax u ammonti relatati mal-kummerċ għall-aġenti tar-rappurtaġġ nazzjonali tagħhom ma' rata ta' imgħax medja peżata għal kull kategorija ta' strumenti. Id-data għandha tiġi rrappurtata lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

67. Għal kull kategorija ta' strumenti dwar ammonti pendenti, jiġifieri indikaturi 1 sa 14 fl-Appendiċi 1, l-BĊE għandhom jipprovdu rati ta' imgħax medji peżati nazzjonali u japplikaw it-tifsiriet u regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament.

68. Għal kull kategorija ta' strumenti dwar negozju ġdid, jiġifieri indikaturi 1 sa 30 fl-Appendiċi 2, l-NCBs għandhom jipprovdu rati ta' imgħax medji peżati nazzjonali u japplikaw it-tifsiriet u r-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament. Barra minn dan, NCBs għandhom jipprovdu għal kull indikatur 2 sa 4 u 8 sa 29 fl-Appendiċi 2 l-ammont ta' negozju ġdid magħmul fuq livell nazzjonali f'kull kategorija ta' strumenti matul ix-xahar ta' riferenza. Dawn l-ammonti ta' negozju ġdid għandhom jirreferu għat-total Ŷ tal-popolazzjoni, jiġifieri l-popolazjoni potenzjali kollha tar-rappurtaġġ. Għalhekk, fejn ikun adottat metodu ta' kampjunaġġ biex jintgħażlu l-aġenti tar-rappurtaġġ, fatturi ta' espansjoni għandhom jintużaw fuq livell nazzjonali biex ikun derivat it-total tal-popolazzjoni [7]. Il-fatturi ta' espansjoni għandhom ikunu inversi għall-probabbiltajiet ta' għażla, π, jiġifieri 1/πi. It-total Ŷ tal-popolazzjoni għall-ammont ta' negozju ġdid għandu jkun stmat skond il-formula ġenerika li ġejja [8]:

+++++ TIFF +++++

bi:

yi bħala l-ammont ta' nogozju ġdid ta' istituzzjoni i, u

πi bħala l-probabbiltà li tingħażel istituzzjoni i.

69. NCBs għandhom jipprovdu r-rati ta' imgħax ta' MFI fuq ammonti pendenti u fuq negozju ġdid lill-BĊE sa l-eqreb erba' punti deċimali. Dan għandu jkun mingħajr ħsara għad-deċizjoni ta' BĊE dwar il-livell ta' dettal li fuqu jiġbru d-data. Ir-riżultati ppubblikati m'għandhomx ikollhom iktar minn żewġ punti deċimali.

70. NCBs għandhom jiddokumentaw kull dispożizzjoni regolatorja li taffetwa l-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI fin-noti metodoloġiċi li għandhom ikunu pprovduti mad-data nazzjonali.

71. NCBs li jużaw metodu ta' kampjunaġġ għall-għażla ta' l-aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jipprovdu stima ta' żbalji tal-kampjunaġġ fl-ewwel kampjun. Stima ġdida għandha tkun provduta wara kull manutenzjoni tal-kampjun.

XVIII. Riżultati aggregati għall-Istati Membri parteċipanti

72. Il-livell finali ta' aggregazzjoni tal-kategoriji ta' strumenti għal kull Stat Membru parteċipanti għall-livell ta' l-Istati Membri parteċipanti għandu jsir mill-BĊE.

TAQSIMA 6

Trattament ta' prodotti speċifiċi

73. It-trattament tal-prodott kif imfisser fil-paragrafi 74 sa 82 li ġejjin għandu jintuża bħala riferenza għall-prodotti b'karatteristiċi simili.

74. Depożitu jew self bil-klawsola step-up (step-down) huwa depozitu jew self bi skadenza fissa li għalih tapplika rata ta' imgħax li tiżdied (jew titnaqqas) minn sena għal oħra b'numru ffissat minn qabel ta' punti perċentwali. Depożiti u self bil-klawsola step-up (step-down) huma strumenti b'rati ta' imgħax iffissat tul il-perjodu kollu ta' maturità. Ir-rata ta' imgħax għall-perjodu kollu ta' maturità tad-depożitu jew self u kondizzjonijiet oħra huma miftehma minn qabel f'perjodu ta' t0 meta jkun iffirmat il-kuntratt. Eżempju ta' depożitu bil-klawsola step-up huwa depożitu b'maturità miftehma ta' erba' snin, li jattira imgħax ta' 5 % fl-ewwel sena, 7 % fit-tieni sena, 9 % fit-tielet sena u 13 % fir-raba' sena. Ir-rata annwali miftehma fuq negozju ġdid li tkun koperta f'perjodu ta' t0 fl-istatistika tar-rata ta' imgħax ta' MFI, għandha tkun il-medja ġeometrika tal-fatturi "1 + rata ta' imgħax". Bi qbil mal-paragrafu 3, BĊE jistgħu jesiġu mingħand l-aġenti tar-rappurtaġġ li dawn jimplimentaw l-NDER għal dan it-tip ta' prodott. Ir-rata anwali miftehma fuq ammonti pendenti li għandhom ikunu koperti għal perjodu minn t0 sa t3 hija r-rata applikata mill-aġent tar-rappurtaġġ meta tkun ġiet ikkalkulata r-rata ta' imgħax MFI, jiġifieri skond l-eżempju tad-depożitu b'maturità miftehma ta' erba' snin, 5 % fil-perjodu t0, 7 % fil-perjodu t1, 9 % fil-perjodu t2 u 13 % fil-perjodu t3.

75. Skemi ta' karti ta' kreditu jista' jkollhom rabta ma' depożiti a vista. Meta jkun iffirmat il-kuntratt għall-karta ta' kreditu ma' l-istituzzjoni tal-kreditu jew istituzzjoni oħra, il-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja tista' tagħżel li tħallas regolarment l-ammont sħiħ jew parti minnu bl-iskema tal-karta ta' kreditu permezz ta' debitu automatiku għad-depożitu a vista (jew ukoll permezz ta' makni awtomatiċi tal-bank jew ċekkijiet). Jekk il-kont użat għal dan l-iskop minn familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja jkun provdut b'mod suffiċjenti, ma jkunx addebitat imgħax. Jekk ma jkunx provdut b'mod suffiċjenti u jekk l-istituzzjoni tal-kreditu jew istituzzjoni oħra tawtorizza l-ġbid, id-depożitu a vista jsir overdraft. Imgħax addebitat minn aġent tar-rappurtaġġ għandu jkun inkluż fl-istatistika tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI.

76. Karti ta' kreditu s-soltu huma konnessi ma' overdraft bankarju. Jistgħu ukoll jingħataw fuq bażi ta' "kuntratt polifunzjonali" li jħalli lill-klijent jieħu self fuq diversi tipi ta' kontijiet ta' self sa ċertu ammont massimu li japplika għall-kontijiet ta' self kollha flimkien. Fil-mument tal-ftehim fuq dan il-kuntratt polifunzjonali, il-forma li jieħu l-kreditu u/jew iż-żmien meta jintuża u/jew ir-rata ta' imgħax ma jkunux speċifikati, iżda jista' jsir ftehim fuq firxa ta' possibbiltajiet. Kuntratti polifunzjonali bħal dawn m'għandhomx ikunu koperti minn statistika tar-rata ta' imgħax ta' MFI. Iżda malli self miftiehem b'kuntratt polifunzjonali jintuża, dan għandu jkun kopert bħala negozju ġdid u rifless fl-ammonti pendenti. It-trattament tas-self fl-istatistika ta' negozju ġdid jiddependi mit-tip ta' kont li jagħżel il-klijent biex juża l-kreditu b'konformità mal-paragrafi 17, 20 u 21.

77. Jista jkun hemm depożiti ta' tfaddil regolati b'imgħax bażiku u bi premium ta' fedeltà u/jew ta' tkabbir. Fil-mument meta jsir id-depożitu, ma jkunx għadu ċert jekk il-premium ikunx ser jitħallas. Il-ħlas jiddependi fuq l-attitudni fir-rigward ta' tfaddil mhux magħruf fil-futur ta' familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja. Bħala konvenzjoni, dawn il-premiums ta' fedeltà jew tkabbir, li ma jkunux ċerti għal familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja fil-mument li jsir id-depożitu, m'għandhomx ikunu inklużi fir-rata miftehma ta' kull sena fuq negozju ġdid. Ir-rata miftehma ta' kull sena fuq ammonti pendenti għandha dejjem tkopri r-rati applikati mill-aġent ta' rappurtaġġ fil-mument tal-kalkulazzjoni tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI. Għalhekk, fil-każ li jingħata premium ta' fedeltà jew tkabbir mill-aġent ta' rappurtaġġ, dan għandu jkun rifless fl-istatistika fuq ammonti pendenti.

78. Self jista' jkun offrut lil familji jew korporazzjonijiet mhux finanzjarji b'kuntratti derivati assoċjati, jiġifieri bi skambju/limitu/livell tar-rata ta' imgħax, eċċ. Bħala konvenzjoni, dawn il-kuntratti derivati assoċjati m'għandhomx ikunu inklużi fir-rata miftehma ta' kull sena fuq negozju ġdid. Ir-rata miftehma ta' kull sena fuq ammonti pendenti għandha dejjem tkopri r-rati applikati mill-aġent ta' rappurtaġġ fil-mument tal-kalkulazzjoni tar-rati ta' imgħax ta' l-MFI. Għalhekk, fil-każ li kuntratt derivat bħal dan ikun eżerċitat u l-aġent tar-rappurtaġġ jaġġustja r-rata ta' imgħax addebitat lil familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja, dan għandu jiġi rifless fl-istatistika fuq ammonti pendenti.

79. Depożiti jistgħu jkunu offruti li jinkludu żewġ komponenti: depożitu bi skadenza miftehma li għaliha tapplika rata ta' imgħax fiss u derivat inkorporat b'ritorn li jkun konness mal-prestazzjoni ta' indiċi definit ta' borża jew mar-rata ta' kambju bilaterali, suġġett għal ritorn minimu garantit ta' 0 %. L-iskadenza taż-żewġ komponenti tista' tkun l-istess jew tista' tvarja. Ir-rata miftehma annwali fuq negozju ġdid għandha jkollha fiha ir-rata ta' imgħax għad-depożitu bi skadenza miftehma, billi tirrifletti l-ftehim bejn id-depożitant u l-aġent tar-rappurtaġġ u jkun magħruf meta l-flus ikunu tpoġġew. Ir-ritorn fuq il-komponent l-ieħor tad-depożitu konness mall-prestazzjoni ta' indiċi ta' borża jew rata ta' kambju bilaterali hu magħruf biss ex post meta l-prodott jimmatura u għalhekk ma jistax ikun kopert bir-rata ta' negozju ġdid. Għalhekk, għandu jkun inkluż biss ir-ritorn minimu garantit ta' 0 %. Ir-rata miftehma annwali fuq ammonti pendenti għandha dejjem tkopri r-rata ta' imgħax applikata mill-aġent tar-rappurtaġġ fil-mument tal-kalkulazzjoni tar-rati ta' imgħax MFI. Ir-rata fuq id-depożitu bi skadenza miftehma għandha tkun riflessa sal-jum meta sseħħ il-maturitá, kif ukoll ir-ritorn minimu garantit fuq id-depożitu li fih ikollu d-derivat inkorporat. Meta sseħħ biss l-iskadenza r-rati ta' imgħax ta' l-MFI fuq ammonti pendenti għandhom jirriflettu r-rata ta' imgħax ta' kull sena li titħallas mill-aġent ta' rappurtaġġ.

80. Depożiti bi skadenza ta' 'l fuq minn sentejn kif imfisser fit-Taqsima 3 ta' l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) jista' jkollhom kontijiet ta' tfaddil ta' pensjoni. Il-parti ewlenija ta' kontijiet ta' tfaddil ta' pensjoni titqiegħed f'titoli ta' sigurtá u r-rata ta' imgħax fuq il-kontijiet, għalhekk, tiddependi fuq ir-ritorn tat-titoli bażi tas-sigurtá. Il-parti li jkun għad fadal ta' kontijiet ta' tfaddil ta' pensjoni tinżamm fi flus kontanti u r-rata ta' imgħax tkun stabbilita mill-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra bl-istess mod bħal ta' depożiti oħra. Fil-mument meta d-depożitu jkun kostitwit, ir-ritorn totali lil familja mill-kont ta' tfaddil ta' pensjoni ma jkunx magħruf u jista' wkoll ikun negattiv. Fil-mument ukoll meta d-depożitu jkun kostitwit, ma jkunx hemm rata ta' imgħax miftehma bejn il-familja u l-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra għal dik il-parti investita f'titoli ta' sigurtá, iżda biss għall-parti li jkun għad fadal tad-depożitu. Għalhekk, il-parti biss tad-depożitu li ma jkunx investit f'titoli ta' sigurtá għandha tkun koperta minn statistika tar-rata ta' imgħax ta' l-MFI. Ir-rata miftehma annwali fuq negozju ġdid li għandha tiġi rrappurtata hija r-rata miftehma bejn il-familja u l-aġent ta' rappurtaġġ għall-parti tad-depożitu fil-mument li d-depożitu jkun kostitwit. Ir-rata miftehma annwali fuq ammonti pendenti għandha tkun ir-rata applikata mill-aġent tar-rappurtaġġ lill-parti tad-depożitu tal-kontijiet ta' tfaddil ta' pensjoni fil-mument tal-kalkulazzjoni tar-rata ta' imgħax ta' l-MFI.

81. Pjanijiet għal tfaddil għal self għal djar huma skemi ta' tfaddil fit-tul b'ritorn baxx li, wara ċertu perjodu ta' tfaddil, jagħtu lil familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja d-dritt għal self għal djar b'rata mnaqqsa. Skond it-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13), dawn il-pjanijiet ta' tfaddil għandhom ikunu kklassifikati bħala depożiti bi skadenza miftehma tul sentejn sakemm huma użati bħala depożitu. Malli jkunu trasformati f'self, huma għandhom ikunu kklassifikati bħala self lil familji għal xiri ta' dar. Aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jirrappurtaw bħala negozju ġdid ta' depożitu r-rata ta' imgħax li hi miftehma fil-mument li d-depożitu inizjali jkun kostitwit. L-ammont korrispondenti ta' negozju ġdid għandu jkun l-ammont ta' flus li jkun ġie kostitwit. Iż-żjieda ta' dan l-ammont fuq id-depożiti tul iż-żmien għandu jkun kopert biss minn ammonti pendenti. Fil-mument meta d-depożitu jkun ttrasformat f'self, dan is-self ġdid għandu jiġi reġistrat bħala negozju ġdid ta' self. Ir-rata ta' imgħax għandha tkun ir-rata mnaqqsa offruta mill-aġent tar-rappurtaġġ. Il-piż għandu jkun l-ammont totali tas-self li jkun qed jingħata lil familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja.

82. Bi qbil mat-Taqsima 3 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 (BĊE/2001/13) il-pjan regolat Franċiż għal xiri ta' djar - plan d'épargne-logement (PEL) - hu kklassifikat bħala depożiti bi skadenza miftehma ta' 'l fuq minn sentejn. Il-gvern jirregola l-kondizzjonijiet għal dawn il-PELs u jistabbilixxi r-rata ta' imgħax, li tibqa' ma tinbidilx għall-perjodu kollu sa l-iskadenza tad-depożitu, jiġifieri kull "ġenerazzjoni" ta' PELs għandha l-istess rata ta' imgħax inkorporata fiha. Il-PELs huma skemi regolati ta' tfaddil b'terminu twil li għandhom ikunu magħmula għal mill-inqas erba' snin u l-klijent għandu jidepożita kull sena l-ammont minimu stabbilit mir-Regolament għal ġo l-PEL, iżda jkun jista' jżid dawn il-ħlassijiet f'kull żmien matul l-iskema. Aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jirrappurtaw bħala negozju ġdid id-depożitu inizjali mal-ftuħ ta' PEL ġdid. L-ammont ta' flus li jkun kostitwit inizjalment fuq il-PEL jista' jkun baxx ħafna, li jfisser li l-piż mogħti lir-rata ta' negozju ġdid wkoll ikun relattivament baxx. Dan il-metodu għandu jassigura li r-rata ta' nogozju ġdid tirrefletti dejjem il-kondizzjonijiet għall-ġenerazzjoni preżenti ta' PELs. Bidliet fir-rata ta' imgħax applikat lill-PELs ġodda għandhom ikunu riflessi fir-rata ta' negozju ġdid. Ir-reazzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' bidla fil-portafoll minn depożiti oħra għal perjodu twil għal PELs li eżistew minn qabel m'għandhiex tkun riflessa fir-rati ta' negozju ġdid iżda biss fir-rati fuq ammonti pendenti. Fit-tmiem tal-perjodu ta' erba' snin, il-klijent jista' jew jitlob għal self b'rata mnaqqsa jew iġedded il-kuntratt. Peress li dan it-tiġdid tal-PEL isir awtomatikament mingħajr involviment attiv tal-klijent, u peress li l-kondizzjonijiet tal-kuntratt, inkluża r-rata ta' imgħax, ma jkunux miftehma mill-ġdid, bi qbil mal-paragrafu 21, dan it-tiġdid m'għandux jitqies bħala negozju ġdid. Mat-tiġdid tal-kuntratt, il-klijent jista' jagħmel depożiti addizzjonali, bil-kondizzjoni li l-ammont pendenti ma jaqbiżx massimu definit ta' snin ta' maturitá. Jekk il-limitu jew maturità massima jintlaħqu, il-kuntratt ikun iffriżat. Il-familja jew korporazzjoni mhux finanzjarja żżomm id-drittijiet ta' self u tibqa' tingħata imgħax skond il-kondizzjonijiet li jipprevalu meta jiftaħ il-PEL sakemm il-flus jibqgħu fil-kotba tal-bank. Għal PELs il-gvern jagħti sussidju dwar ħlas ta' imgħax 'il fuq mir-rata ta' imgħax offruta mill-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra. Bi qbil mall-paragrafu 6, dik il-parti biss tal-ħlas ta' imgħax offruta mill-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra għandha tkun riflessa fl-istatistika tar-rata ta' imgħax ta' l-MFI. Is-sussidju tal-gvern, li jitħallas iżda mhux mill-istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra, m'għandux jitqies.

[1] ĠU L 42, tat-12.2.1987, p. 48.

[2] ĠU L 101, ta' l-1.4.1998, p. 17.

[3] NCBs jistgħu jagħtu deroga għal kreditu tal-konsumatur u self lil familji għal xiri ta' djar fir-rigward ta' istituzzjonijiet li ma jagħmlux profitt fis-servizz tagħhom lil familji.

[4] S. 14 u S. 15 flimkien, kif imfissra fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA) 1995, li jinsabu fl-Anness A tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju, 1996, dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1).

[5] S. 11 kif imfissra fl-ESA 1995.

[6] ĠU L 333, tas-17.12.2001, p. 1.

[7] L-ebda fatturi ta' espanzjoni m'huma meħtieġa għar-rati ta' imgħax medji peżati fejn għandu jkun preżunt li l-istima mill-kamjun hi l-istima għall-popolazzjoni potenzjali kollha ta' rappurtaġġ.

[8] Magħruf bħala l-istimatur Horvitz-Thompson.

--------------------------------------------------

ANNESS III

STANDARDS MINIMI LI GĦANDHOM IKUNU APPLIKATI MILL-POPOLAZZJONI ATTWALI TAR-RAPPURTAĠĠ

L-istandards minimi li ġejjin għandhom jitħarsu mill-aġenti tar-rappurtaġġ biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' l-istatistika ta' rappurtaġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Standards minimi għal trasmissjoni

(a) rappurtaġġ mill-aġenti ta' rappurtaġġ lil banek ċentrali nazzjonali (NCB) għandhom ikunu f'waqthom u saż-żmien stabbilit min-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti;

(b) rapporti ta' statistika għandhom ikunu fil-forma u fil-format skond il-ħtiġijiet tekniċi tar-rappurtaġġ stabbiliti min-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti;

(ċ) il-persuna jew persuni li għandhom ikunu kkuntattjati għall-aġent tar-rappurtaġġ għandhom ikunu identifikati; u

(d) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasmissjoni tad-data lin-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti għandhom ikunu mħarsa.

Standards minimi ta' preċiżjoni

(e) l-informazzjoni ta' statistika mogħtija mill-aġenti tar-rappurtaġġ għandha tkun korretta, konsistenti u sħiħa; fejn ikun hemm spazju dan għandu jkun indikat, spjegat lin-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti, u għandu jimtela malajr kemm jista' jkun;

(f) l-informazzjoni ta' statistika mogħtija mill-aġenti tar-rappurtaġġ m'għandhiex ikollha spazj kontinwi u strutturali;

(g) aġenti tar-rappurtaġġ għandhom ikunu jistgħu jagħtu informazzjoni fuq l-iżviluppi li jirriżultaw mid-data mogħtija;

(h) aġenti tar-rappurtaġġ għandhom iħarsu d-dimensjonijiet u deċimali stabbiliti min-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti għat-trasmissjoni teknika tad-data; u

(i) aġenti ta' rappurtaġġ għandhom iħarsu l-politika ta' żjieda jew tnaqqis sa l-eqreb numru sħiħ stabbilita min-NCB ta' l-Istat Membru parteċipanti fejn l-aġent tar-rappurtaġġ ikun residenti għat-trasmissjoni teknika tad-data.

Satandards minimi għal konformità konċettwali

(j) l-informazzjoni ta' statistika mogħtija mill-aġenti tar-rappurtaġġ għandha tkun taqbel mat-tifsiriet, konvenzjonijiet, klassifikazzjonijiet u metodi li jinsabu f'dan ir-Regolament

(k) fil-każ ta' nuqqas ta' qbil ma' dawn it-tifsiriet, konvenzjonijiet, klassifikazzjonijiet u metodi, fejn ikun japplika, aġenti tar-rappurtaġġ għandhom jivverifikaw regolarment u jikkwantifikaw id-differenza bejn il-miżura wżata u l-miżura li tinsab f'dan ir-Regolament; u

(l) aġenti ta' rappurtaġġ għandhom ikunu jistgħu jispjegaw fejn ikun hemm nuqqas ta' kontinwità fid-data mogħtija mqabbla ma' dik tal-perjodu ta' qabel.

Standards minimi għal reviżjonijiet

(m) il-politika ta' reviżjoni u l-proċeduri stabbiliti mill-BĊE u BĊE għandhom ikunu mħarsa. Reviżjonijiet li jitbiegħdu minn reviżjonijiet ordinarji għandu jkollhom magħhom noti spjegattivi.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI GĦALL-APPLIKAZZJONI TA' DAN IR-REGOLAMENT

1. Sa x-xahar ta' referenza ta' Diċembru 2003 inkluż, l-informazzjoni dwar statistika aggregata nazzjonali ta' kull xahar dwar negozju ġdid u ammonti pendenti jistgħu ikunu rrappurtati lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b'jumejn tax-xogħol oħra tard wara l-għeluq tan-negozju fid-dsatax-il jum tax-xogħol mit-tmiem tax-xahar ta' referenza, kif speċifikat fl-Artikolu 3(4) ta' dan ir-Regolament. L-informazzjoni dwar statistika aggregata nazzjonali dwar ammonti pendenti tista', alternattivament, tkun irrappurtata lill-BĊE darba biss kull tlett xhur, b'jumejn tax-xogħol oħra tard wara l-għeluq tan-negozju fid-dsatax-il jum tax-xogħol mit-tmiem tat-tlett xhur kalendarji. Il-BĊE tippermetti lill-banek ċentrali nazzjonali (NCBs) flessibbiltà biex iwettqu dan iż-żmien transitorju fuq livell nazzjonali.

2. Mix-xahar ta' referenza ta' Jannar 2004, id-data, inkluża l-informazzjoni dwar statistika aggregata nazzjonali dwar ammonti pendenti, għandha tingħata fid-dsatax-il jum tax-xogħol wara t-tmiem tax-xahar ta' referenza, kif speċifikat fl-Artikolu 3(4) ta' dan ir-Regolament.

3. Sa x-xahar ta' referenza ta' Diċembru 2006 inkluż, il-paragrafu 10 ta' l-Anness I għandu jinqara kif ġej:

"10. Id-daqs minimu tal-kampjun nazzjonali għandu jkun b'mod li:

+++++ TIFF +++++

(a) żball saltwarju massimu [1] għal rati ta' imgħax fuq negozju ġdid għall-kategoriji kollha ta' strumenti ma jkunx iżjed mill-medja ta' 10 punti bażi fil-livell ta' kunfidenza ta' 90 % [2]; jew

(b) ikopri mill-inqas 30 % tal-popolazzjoni tar-rappurtaġġ potenzjali residenti; fejn 30 % tal-popolazzjoni tar-rappurtaġġ potenzjali residenti hu akbar minn mija, id-daqs minimu tal-kampjun nazzjonali jista' iżda jkun limitat għal mitt aġent ta' rappurtaġġ; jew

(ċ) l-aġenti tar-rappurtaġġ fil-kampjun nazzjonali jkopru mill-inqas 75 % ta' l-istock ta' depożiti denominati fl-euro u mill-inqas 75 % ta' l-istock ta' self denominat fl-euro aċċettati minn jew mogħtija lil familji u korporazzjonijiet mhux finanzjarji residenti fl-Istati Membri parteċipanti."

[1] B’ D bħala l-massimu ta’ żball saltwarju, zα/2 bħala l-fattur komputat mid-distribuzzjoni normali jew minn distribuzzjoni adattata oħra skond l-istruttura tad-data (e.g. t-distribuzzjoni) jekk ikun hemm livell ta’ kunfidenza ta’ 1-a,varϑˆbħala l-varjanza ta’ l-estimatur tal-parametru , uvârϑˆbħala l-varjanza kkalkulata ta’ l-estimatur tal-parametru

[2] BĊE jistgħu jaqilbu direttament il-miżura assoluta ta’ 10 punti bażi fuq livell ta’ kunfidenza ta’ 90 % għal miżura relattiva skond il-koeffiċjenti tal-varjazzjoni massima aċċettabli ta’ l-istimatur.

--------------------------------------------------

Fuq