EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32012D0006(01)

2012/235/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 29 ta’ Marzu 2012 dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 (BĊE/2012/6)

ĠU L 117, 1.5.2012, p. 13–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 01 Volum 014 P. 138 - 154

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 06/02/2019; Imħassar b' 32019D0003(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/235(1)/oj

1.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/13


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ Marzu 2012

dwar it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2009/6

(BĊE/2012/6)

(2012/235/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikli 3.1, 12.1 u 12.3 u l-Artikoli 17, 18 u 22 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2010/2 tal-21 ta’ April 2010 dwar TARGET2-Securities (1),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2009/6 tad-19 ta’ Marzu 2009 fuq it-twaqqif tal-Bord għall-Programm TARGET2-Securities (2),

Billi:

(1)

Fil-laqgħa tiegħu tas-6 ta’ Lulju, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jesplora, f’kooperazzjoni mad-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) u parteċipanti oħrajn fis-suq, il-possibbiltà li jitwaqqaf servizz ġdid tal-Eurosistema għas-saldu tat-titoli msejjaħ TARGET2-Securities (T2S). Bħala parti mill-kompiti tagħha skont l-Artikoli 17, 18 u 22 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), l-Eurosistema ser twaqqaf it-T2S bħala servizz ibbażat fuq pjattaforma waħda li tippermetti s-saldu pan-Ewropew bażiku, newtrali u mingħajr fruntieri ta’ flus kontanti u titoli, li ser jiġi offrut lil CSDs biex ikunu jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’servizzi ta’ saldu abbażi ta’ kunsinna mal-ħlas li jkunu armonizzati u mhux iddifferenzjati fi flus ta’ bank ċentrali fi ħdan ambjent tekniku integrat.

(2)

Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill Governattiv iddecieda li jniedi t-T2S u jipprovdi r-riżorsi meħtiega sakemm jitlesta. Abbażi ta’ offerta magħmula mid-Deutsche Bundesbank, il-Banco de España, il-Banque de France u l-Banca d’Italia (minn hawn ’il quddiem il-“4CB”), il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li t-T2S ser ikun żviluppat u mħaddem minn dawn il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi).

(3)

Il-Bord tal-Programm T2S twaqqaf bħal korp ta’ mmaniġġar effiċjenti biex jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv dwar kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u jeżegwixxi kompiti ta’ natura purament teknika u biex jipprovdi organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tat-T2S li tinvolvi partijiet interessati kemm interni kif ukoll esterni.

(4)

Taħt il-prinċipju taċ-deċentralizzazzjoni stipulat fl-Artikolu 12.1 tal-Istatut tal-SEBC, sa fejn huwa meqjus possibbli u xieraq, il-BCNi jwettqu operazzjonijiet li jiffurmaw parti mill-kompiti tal-Eurosistema. Għaldaqstant il-banek ċentrali tal-Eurosistema ser jafdaw lill-Bord T2S b’ċerti kompiti sabiex ikun kompletament operattiv u jaġixxi f’isem l-Eurosistema kollha.

(5)

Skont il-qafas tal-Governanza T2S il-Bord T2S ser jieħu post il-Bord tal-Programm T2S.

(6)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2009/6 għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Termini użati f’din id-Deċiżjoni għandhom ikollhom l-istess tifsira bħal fil-Linja Gwida BĊE/2010/2 u fil-Ftehim dwar il-Qafas tat-T2S approvat mill-Kunsill Governattiv fis-17 ta’ Novembru 2011.

Artikolu 2

Il-Bord T2S

1.   Il-Bord T2S għandu jiġi stabbilit bħala korp ta’ mmaniġġar effiċjenti tal-Eurosistema bil-kompitu li jiżviluppa proposti għall-Kunsill Governattiv fuq kwistjonijiet strateġiċi ewlenin u jeżegwixxi kompiti assenjati lilu mill-Kunsill Governattiv.

2.   Il-mandat tal-Bord T2S, inkluż l-għanijiet, ir-responsabbilitajiet, il-kompiti, il-komposizzjoni, il-proċeduri tal-ħidma u l-baġit tiegħu, għandhom ikunu kif stipulat f’Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bord T2S għandhom ikunu stipulati f’Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Il-Kodiċi tal-Bord T2S għall-membri tal-Bord T2S għandu jkun stipulat f’Anness III ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   Il-proċeduri u r-rekwiżiti għall-għażla, il-ħatra u s-sostituzzjoni tal-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali għandhom ikunu stipulati f’Anness IV ta’ din id-Deċiżjoni.

6.   Il-Bord T2S għandu jibda l-ħidma f’Lulju 2012.

Artikolu 3

Revoka

Id-Deċiżjoni BĊE/2009/6 hija revokata.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-membri tal-Bord tal-Programm T2S għandhom ikomplu jwettqu r-responsabbiltajiet u l-kompiti tagħhom sakemm ikunu nħatru l-membri kollha tal-Bord T2S li jivvotaw.

Artikolu 5

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Marzu 2012.

Maghmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 65.

(2)  ĠU L 102, 22.4.2009, p. 12.


ANNESS I

IL-BORD T2S

MANDAT

INTRODUZZJONI

B’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, l-Eurosistema ser toffri servizzi T2S lil depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) fl-Ewropa. L-għan ġenerali tat-T2S huwa li jiffaċilita l-integrazzjoni wara n-negozju billi jappoġġa s-saldu pan-Ewropew bażiku, mingħajr konfini u newtrali ta’ flus kontanti u titoli fi flus ta’ bank ċentrali sabiex is-CSDs ikunu jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’servizzi ta’ saldu armonizzati u mhux iddifferenzjati f’ambjent tekniku integrat b’kapaċitajiet transkonfinali.

RESPONSABBILTAJIET TAL-BORD T2S

Mingħajr preġudizzju għas-setgħa aħħarija tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jieħu d-deċiżjonijiet, il-Kunsill Governattiv inkariga lill-Bord T2S bit-twettiq ta’ kompiti definiti b’mod ċar fir-rigward tal-Programm T2S u l-provvista ta’ servizzi T2S. Jekk u meta jinqalgħu kwistjonijiet ġodda fir-rigward tat-T2S, il-Kunsill Governattiv jista’ jassenja lill-Bord T2S aktar kompiti definiti b’mod ċar li normalment ikunu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Governattiv. Fid-dawl tal-kompetenza aħħarija tal-Kunsill Governattiv fi kwistjonijiet T2S, kull wieħed mill-kompiti fdati lil u mwettqa mill-Bord T2S jista' xorta jitwettaq mill-Kunsill Governattiv. Il-Bord T2S huwa wkoll ibbażat fuq Protokoll T2S iffirmat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

Il-Bord T2S jaġixxi fl-ambitu tal-qafas legali tat-T2S (b’mod partikolari l-Ftehim Qafas, il-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita, il-Ftehim Level2 – Level3 adottat fl-20 ta’ April 2011 u l-Linja Gwida BĊE/2010/2.

Il-Bord T2S jiżgura illi l-Programm T2S jiġi implimentat:

(a)

skont l-aspettattivi tas-suq, kif riflessi fid-Dokument dwar ir-Rekwiżiti tal-Utent (URD);

(b)

fi ħdan ir-reġim finanzjarju tat-T2S;

(c)

fil-qafas ta’ żmien deċiż mill-Kunsill Governattiv.

Il-Bord T2S huwa skedat li jassumi r-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-Bord tal-Programm T2S minn Lulju 2012. Dan il-mandat huwa validu sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għat-T2S, u wara dan huwa ser ikun revedut.

Wara l-implimentazzjoni tal-Programm T2S, il-Bord T2S jiżgura l-operat bla xkiel tas-sistema T2S skont id-dokumenti tekniċi u legali relevanti. Huwa jiffaċilita wkoll l-adattament kontinwu tas-Servizzi T2S skont il-ħtiġijiet futuri tas-suq.

KOMPITI

Il-Bord T2S ġie fdat bil-kompiti li ġejjin mill-Kunsill Governattiv:

1.

Elaborazzjoni ta’ proposti għal deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv dwar:

(a)

l-istrateġija ġenerali tat-T2S;

(b)

Governanza tat-T2S;

(c)

finanzi tat-T2S, inkluż:

(i)

il-karatteristiċi ewlenin tar-reġim finanzjarju tat-T2S (b’mod partikolari l-baġit, l-ammont, il-perjodu ta’ żmien kopert, il-finanzjament),

(ii)

analiżi regolari tar-riskji finanzjarji li għalihom hija esposta l-Eurosistema,

(iii)

ir-regoli dwar il-ġestjoni tal-kont tal-proġett T2S miżmum fil-kotba tal-BĊE u ġestit mill-Bord T2S f’isem l-Eurosistema,

(iv)

il-metodoloġija tal-kost tat-T2S,

(v)

il-politika tal-ipprezzar tat-T2S;

(d)

il-Pjan ġenerali tal-Programm T2S;

(e)

l-awtorizzazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta’ Talbiet għal Tibdil fir-rigward tal-URD;

(f)

kwalunkwe kuntratt li għandu jiġi ffirmat bejn l-Eurosistema u partijiet interessati esterni;

(g)

il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tat-T2S;

(h)

Ftehim dwar il-Livell tas-Servizz stabbiliti mas-CSDs, il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) u l-4BĊ;

(i)

strateġiji dwar l-ittestjar u t-tranżizzjoni għat-T2S;

(j)

l-istrateġija għall-konnettività tas-servizzi;

(k)

l-istrateġija għall-ġestjoni ta’ kriżi;

(l)

id-Deskrizzjoni tas-Servizz T2S;

(m)

ir-responsabbiltà u talbiet oħra;

(n)

il-konformità ta’ CSDs mal-kriterji tal-eliġibbiltà għal CSD.

2.

Ġestjoni/tmexxija tat-T2S u r-relazzjonijiet mal-4BĊ

Il-Bord T2S.

(a)

iwettaq il-ġestjoni ġenerali tal-Programm T2S u tas-servizzi T2S;

(b)

jiġġestixxi pjan dettaljat, abbażi tal-Pjan ġenerali tal-Programm T2S, kif approvat mill-Kunsill Governattiv;

(c)

jinnegozja kwalunkwe emendi għall-Ftehim Level2-Level3 u jippreżentahom għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv;

(d)

jistabbilixxi kuntatti regolari mal-4BĊ sabiex jikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu b’konformità mal-Ftehim Level2 – Level3;

(e)

jiddiskuti u japprova l-prodotti finali tal-4BĊ (eż l-Ispeċifikazzjonijiet Funzjonali Ġenerali, l-Ispeċifikazzjonijiet Funzjonali Dettaljati tal-Utent u l-Manwali għall-Utenti), skont standards ta’ kwalità miftehma minn qabel, u jiżgura illi huma konsistenti mal-URD;

(f)

jivvalida proposti mill-4BĊ, b’mod partikolari dwar l-istrateġija tal-IT, il-provvista ta’ netwerk u l-kapaċità ta’ ppjanar strettament fir-rigward tat-T2S;

(g)

jikkoordina proċess xieraq għall-ġestjoni ta’ tibdil fir-rigward tas-Sett ta’ Dokumenti li Jiddefinixxu l-Ambitu tat-T2S u l-prijoritizzazzjoni ta’ tibdil awtorizzat fir-rigward ta’ verżjonijiet ġodda tat-T2S;

(h)

jistabbilixxi xenarji ta’ prova għat-Testijiet tal-Aċċettazzjoni tal-Eurosistema u jikkoordina testijiet li jinvolvu tipi varji ta’ partijiet interessati;

(i)

jistabbilixxi substruttura nkarigata mill-Ittestjar tal-Utent b’konformità mal-Iskedi dwar l-Ittestjar tal-Utent fil-Ftehim Qafas u fil-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita;

(j)

jimplimenta l-qafas tal-immaniġġar tar-riskju tat-T2S fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(k)

jimplimenta l-istrateġija dwar it-tranżizzjoni tat-T2S fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(l)

jimplimenta l-qafas operattiv T2S, inkluż l-istrateġija tal-immaniġġar ta’ inċidenti u kriżi tat-T2S, fi ħdan il-parametri stabbiliti mill-Kunsill Governattiv;

(m)

jiżgura l-funzjonament u l-kwalità tajba tas-Servizzi T2S;

(n)

jiżgura l-konformità tas-servizzi T2S mar-rekwiżiti regolatorji u sorveljanza.

3.

Relazzjonijiet ma’ partijiet interessati esterni

Il-Bord T2S

(a)

jiżgura li s-servizzi T2S jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq;

(b)

jinteraġixxi ma’ CSDs u banek ċentrali sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom għat-T2S;

(c)

jinnegozja ma’ CSDs u banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro li jkunu ffirmaw il-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita kwalunkwe emenda għal dawn il-ftehim; dan isir b’mod konġunt mal-banek ċentrali tal-Eurosistema;

(d)

jikkoordina mal-istrutturi l-oħra ta’ Governanza tat-T2S, b’mod partikolari mal-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD, il-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro, u l-Grupp Konsultattiv tat-T2S;

(e)

jinteraġixxi ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ konnettività;

(f)

jaħtar il-presidenti tal-gruppi tekniċi wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD u l-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro, u jirċievi rapporti mingħand il-gruppi tekniċi;

(g)

jiddiskuti, jikkoordina u jimmira li jsib soluzzjonijiet possibbli sabiex isolvi tilwim li jinqala’ fil-kuntest T2S ma’ CSDs u banek ċentrali parteċipanti fi ħdan il-qafas tal-Proċedura għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim u Eskalazzjoni stipulata fil-Ftehim Qafas u l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita u fil-mandat tiegħu;

(h)

jipprovdi informazzjoni relevanti lil awtoritajiet regolatorji u ta’ sorveljanza kompetenti;

(i)

iwettaq, bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Programm T2S tal-ECB u tan-netwerk ta’ esperti mill-banek ċentrali, rwol ċentrali fil-komunikazzjoni tat-T2S fir-rigward ta’ parteċipanti fis-suq u awtoritajiet pubbliċi;

(j)

jippromwovi u jikkontribwixxi għal xogħol ta’ armonizzazzjoni tat-T2S;

(k)

jikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet pubbliċi relevanti u entitajiet privati kollha (eż. il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, ir-regolaturi tat-titoli), dwar inizjattivi relevanti fil-qasam tal-ikklerjar u s-saldu ta’ titoli;

(l)

jiżgura t-trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni f’waqtha u konsistenti ta’ dokumentazzjoni relevanti.

4.

Ir-reġim finanzjarju tat-T2S

Il-Bord T2S jimmaniġġa r-reġim finanzjarju T2S kif stipulat fil-Linja Gwida BĊE/2010/2.

Sa mill-bidu tal-fażi operattiva, fuq bażi regolari il-Bord T2S jipprovdi lis-CSDs kontraenti u lill-BĊNi kontraenti li mhumiex fiż-żona tal-euro b'rapporti finanzjarji li jirrappreżentaw b’mod ġust il-kundizzjonijiet finanzjarji u tan-negozju, ir-riżultati tal-operat u l-istat tal-irkupru tal-ispejjeż fir-rigward tat-T2S.

Il-Grupp ta’ Tmexxija tas-CSD, il-Grupp ta’ Tmexxija tal-Muniti li Mhumiex l-Euro, il-Grupp Konsultattiv tat-T2S, kumitati relevanti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali huma kkonsultati qabel ma jsiru proposti dwar ir-reġim finanzjarju li jirriżultaw f’bidliet għall-Ipprezzar tat-T2S lill-Kunsill Governattiv.

Sa fejn huwa meħtieġ, il-BĊE jipprovdi appoġġ xieraq lill-Bord T2S. L-ispejjeż kollha skattati minn dan l-appoġġ huma rrimborżati lill-BĊE.

Barra minn dan, il-Bord T2S:

(a)

jiġġestixxi l-baġit tat-T2S permezz tal-kont tal-proġett T2S;

(b)

japprova l-ħlas ta’ pagamenti akkont lill-4BĊ, skont skeda għall-ħlas miftehma u approvata mill-Kunsill Governattiv, la darba l-prodotti finali tal-4BĊ ikunu ġew aċċettati mill-Bord T2S;

(c)

japprova l-ispejjeż relatati ma’ appoġġ addizzjonali mill-4BĊ lill-banek ċentrali tal-Eurosistema, b’konformità mal-Ftehim Level2-Level3;

(d)

japprova l-ħlas ta’ pagamenti akkont lill-BĊE, abbażi tal-ispejjeż imġarrba minn dan tal-aħħar fir-rigward tat-T2S;

(e)

japprova u jniedi l-ġabra ta’ tariffi mingħand klijenti tat-T2S u r-rimborż lil banek ċentrali tal-Eurosistema.

KOMPOŻIZZJONI

Il-membri kollha tal-Bord T2S jinħatru mill-Kunsill Governattiv. Il-membri jirrapportaw kollettivament u esklussivament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom ta’ membri tal-Bord T2S u jikkonformaw mal-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bord T2S stipulat f’Anness III. F’din il-kapaċità, il-membri mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u minn banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jieħdu parir mingħand impjegati oħra tal-istituzzjoni minn fejn joriġinaw. Fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjoni li joriġinaw minnha, jew jintrabtu li jieħdu pożizzjoni speċifika matul id-deliberazzjoni u l-vot tal-Bord T2S.

Il-Bord T2S huwa magħmul minn:

(a)

iċ-Chairperson, li huwa maniġer anzjan fil-BĊE;

(b)

disa’ membri minn BĊNi oħra tal-Eurosistema, inkluż wieħed minn kull wieħed minn dawn li ġejjin: id-Deutsche Bundesbank, il-Banco de España, il-Banque de France u l-Banca d'Italia;

(c)

membru wieħed minn bank ċentrali li mhuwiex fiż-żona euro li jkun iffirma l-Ftehim dwar il-Parteċipazzjoni tal-Munita (jew żewġ membri bħal dawn jekk il-volum ta’ saldu f’muniti li mhumiex l-euro huwa ta’ mill-anqas 20 % tal-volum taż-żona tal-euro);

(d)

żewġ membri tal-bord li mhumiex minn bank ċentrali (mingħajr id-dritt tal-vot) li ma joriġinawx minn banek ċentrali b’esperjenza kbira bħala uffiċjali anzjani fl-industrija tas-saldu ta’ titoli u, possibbilment, b’esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti, li m’għandhom ebda kunflitt ta’ interess;

Iċ-Chairperson huwa appoġġat minn Deputat Chairperson li jinħatar mill-Kunsill Governattiv. Id-Deputat Chairperson huwa membru li jkun lest jieħu post iċ-Chairperson f’każ ta’ assenza. Jekk il-volum Kunsinna kontra Ħlas (DVP) li jsir saldu tiegħu f’muniti li mhumiex l-euro fit-T2S jirrappreżenta mill-anqas 40 % tal-volum DvP li jkun sar saldu tiegħu f’euro, banek ċentrali parteċipanti li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jipproponu d-Deputat Chairperson.

Il-mandat ta’ membru tal-Bord TS idum 24 xahar u jista’ jiġġedded.

Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tal-Bord T2S fuq bażi ta’ proposta mill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. Għal kategoriji (a) sa (c), l-applikazzjonijiet huma ppreżentati mill-Gvernatur/President tal-Bank Ċentrali rispettiv. Il-Bord Eżekuttiv jagħti preferenza lil kandidati li jirrapportaw direttament lill-ogħla korp ta’ governanza fil-bank ċentrali tagħhom. Fil-proposta tiegħu l-Bord Eżekuttiv jiżgura li jinżamm bilanċ xieraq bejn il-membri b’esperjenza fl-IT, bl-esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġetti, u l-esperjenza fin-negozju tas-saldu ta’ titoli (jew bħala fornitur ta’ servizzi jew bħala utent ta’ dawk is-servizzi).

PROĊEDURI OPERATTIVI

1.   Teħid ta’ deċizjonijiet

Jekk possibbli, il-Bord T2S jiddeċiedi b’konsensus. Madankollu, jekk il-konsensus ma jistax jintlaħaq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, iċ-Chairperson jista’ jiddeċiedi li jsejjaħ vot ibbażat fuq proċedura ta’ votazzjoni b’maġġoranza sempliċi.

Ir-regoli li gejjin japplikaw:

(a)

fil-prinċipju, għandu jkun hemm kworum ta’ mill-anqas seba’ membri biex il-Bord T2S jiddelibera b’mod validu:

(b)

il-membri tal-Bord T2S mill-kategoriji fuq imsemmija (a) sa (c) biss għandhom dritt għal vot;

(c)

f’każ ta’ assenza, membru li jivvota jista’ jiddelega l-vot tiegħu lil membru ieħor; ebda membru ma jista’ jwettaq aktar minn żewġ votazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni;

(d)

f’każ ta’ numru ugwali ta’ voti, iċ-Chairperson għandu vot deċisiv;

(e)

membri tal-Bord T2S ma jipparteċipawx fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u ma jivvutawx meta jkunu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess;

(f)

il-membri jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Bord T2S.

2.   Volum ta’ xogħol u appoġġ

Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ta’ governanza tajba stipulati f’Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2012/2:

(a)

il-President jaħdem full time fuq il-kwistjonijiet T2S; il-membri l-oħra huma mistennija li jaħdmu fuq bażi ta’ 30%;

(b)

il-Bord T2S huwa appoġġat minn Uffiċċju tal-Programm T2S fil-BĊE;

(c)

il-Bord T2S jirċievi input mingħand kontrollur tal-programm;

(d)

il-Bord T2S huwa appoġġat minn Kumitat Tekniku li jfittex il-konsensus fuq kwistjonijiet tekniċi; jekk il-konsensus ma jistax jintlaħaq, il-kwistjonijiet jinġiebu lill-Bord T2S;

(e)

il-Bord T2S jista’ joħloq kumitati oħra.

3.   Rapportar u rappreżentazzjoni

Il-Bord T2S jirrapporta direttament lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet, fuq bażi regolari u strutturata. F’dan ir-rigward, huwa jħejji r-rapporti għall-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet kif meħtieġ. Dawn ir-rapporti jintbagħtu wkoll lill-Kumitat tat-Tmexxija tal-IT tal-Eurosistema (EISC), li jista’ jagħti parir lill-korpi tal-BĊE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-Kumitat tas-Sistemi tal-Ħlas u Saldu (PSSC) jirċievi r-rapporti għal finijiet ta’ informazzjoni.

Iċ-Chairperson imexxi l-Grupp Konsultattiv tat-T2S u jirrappreżenta l-Bord T2S esternament, sakemm il-Bord T2S ma jiddeċidix mod ieħor.

4.   Regoli tal-Proċedura

Id-dettalji tal-proċeduri tal-ħidma għandhom ikunu indirizzati fir-Regoli tal-Proċedura tal-Bord T2S stipulati f'Anness II.


ANNESS II

IL-BORD T2S

REGOLI TAL-PROĊEDURA

KAPITOLU I

IL-BORD T2S

Artikolu 1

Il-membri

1.   Il-membri tal-Bord T2S (minn hawn ’il quddiem il-“membri”) jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom u fl-aħjar interess tal-Programm T2S, skont il-Prinċipji Ġenerali tat-T2S. Il-membri jieħdu l-pożizzjonijiet kompletament indipendenti tagħhom matul il-laqgħat tal-Bord T2S.

2.   Il-membri minn bank ċentrali jridu jingħataw ħin biżżejjed mill-banek ċentrali tagħhom, u l-membri tal-bord li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jiżguraw illi għandhom ħin biżżejjed, sabiex ikunu involuti b’mod attiv fil-ħidma tal-Bord T2S (fil-prinċipju 30 % tal-ħin tax-xogħol tagħhom għall-membri kollha minbarra l-President).

3.   Il-membri m’għandhomx ikunu involuti direttament fis-sorveljanza tat-T2S jew ta’ depożitarji ċentrali tat-titoli li jesternalizzaw l-operazzjonijiet ta’ saldu lit-T2S. Il-membri ma jistgħux ikunu parti minn kumitat tal-Eurosistema/tas-SEBĊ li jkollu kwalunkwe mill-fuq imsemmija responsabbiltajiet ta’ sorveljanza. Il-membri m’għandhomx ikunu parti mill-Kumitat tat-Tmexxija IT tal-Eurosistema (EISC) jew tal-Kumitat tal-Awdituri Interni (IAC). Huma m'għandhomx ikunu involuti f'attivitajiet ta' Livell 3 fuq bażi ta’ kuljum.

4.   Il-membri għandhom jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bord T2S (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi”), stipulat f’Anness III.

Artikolu 2

Iċ-Chairperson u d-Deputat Chairperson

1.   Iċ-Chairperson huwa membru full time tal-Bord T2S.

2.   Iċ-Chairperson, b’kooperazzjoni mal-membri l-oħra, jiżgura l-funzjonament tal-Bord T2S, it-twettiq tal-mandat tal-Bord T2S, il-konformità mar-regoli tal-proċedura, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod effiċjenti. B’mod partikolari, iċ-Chairperson:

(a)

jipproponi l-aġendi tal-laqgħat tal-Bord T2S u jippresedihom;

(b)

jipproponi l-iskeda annwali tal-laqgħat;

(c)

jittratta d-deċiżjonijiet amministrattivi kollha li jikkonċernaw l-Uffiċċju tal-Programm T2S.

3.   Iċ-Chairperson huwa appoġġat minn Deputat Chairperson li jieħu post iċ-Chairperson f’każ ta’ assenza. Iċ-Chairperson għandu jinnotifika lid-Deputat Chairperson b’din l-assenza mill-aktar fis possibbli.

Artikolu 3

Is-Segretarjat

1.   Iċ-Chairperson għandu jaħtar membru mill-istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b’esperjenza kbira bħala Segretarju tal-Bord T2S. Iċ-Chairperson jista’ jaħtar ukoll Segretarju alternattiv.

2.   Is-Segretarju għandu jassisti liċ-Chairperson u jaħdem taħt it-tmexxija tiegħu/tagħha. Is-Segretarju jiġġestixxi l-fluss ta’ informazzjoni, b’mod f’waqtu: (a) bejn il-membri; u (b) bejn il-Bord T2S u partijiet interessati oħra, inkluż b’mod partikolari kumitati oħra tal-Eurosistema jew tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

KAPITOLU II

LAQGĦAT TAL-BORD T2S

Artikolu 4

Data u Post tal-laqgħat tal-Bord T2S

1.   Il-Bord T2S jiddeċiedi dwar id-dati tal-laqgħat tiegħu fuq proposta tal-President. Il-Bord T2S għandu jiltaqa’ regolarment abbażi ta’ skeda li huwa jħejji fi żmien biżżejjed qabel il-bidu ta’ kull sena. Il-frekwenza tal-laqgħat hija determinata mill-ħtiġijiet tal-Pjan tal-Programm T2S.

2.   Iċ-Chairperson jista' jsejjaħ laqgħat straordinarji tal-Bord T2S kull meta jidhirlu li jkun meħtieġ. Iċ-Chairperson għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja jekk talba għal laqgħa bħal din tiġi ppreżentata minn tal-anqas tliet membri.

3.   Il-laqgħat tal-Bord T2S ġeneralment jinżammu fil-bini tal-BĊE.

4.   Il-laqgħat jistgħu jsiru wkoll permezz ta’ telekonferenza, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar.

Artikolu 5

Parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord T2S

1.   Skont il-prinċipji ta' governanza tajba, il-membri għandhom jipparteċipaw regolarment fil-laqgħat tal-Bord T2S. Il-parteċipazzjoni hija strettament fuq bażi personali; il-membri ma jistgħux jinbidlu.

2.   L-attendenza fil-laqgħat tal-Bord T2S hija limitata għal membri u persuni oħra mistednin miċ-Chairperson.

Artikolu 6

Tmexxija tal-laqgħat tal-Bord T2S

1.   Il-lingwa li jaħdem biha l-Bord T2S hija l-Ingliż.

2.   Il-Bord T2S jaddotta aġenda ghal kull laqgħa. Bħala regola, is-Segretarju jħejji aġenda provviżorja, taħt ir-responsabbiltà taċ-Chairperson, u jibgħatha lill-membri tal-anqas ħamest ijiem qabel laqgħa. Il-Bord T2S jista' jiddeċiedi li jneħħi punti minn, jew li jżid punti ma’, l-aġenda provviżorja fuq proposta taċ-Chairperson jew ta’ xi membru ieħor. Punt għandu jitneħħa mill-aġenda fuq talba ta’ mill-anqas tliet membri jew aktar jekk id-dokumenti relatati ma jkunux ġew ippreżentati lill-membri fil-ħin dovut.

3.   Bħala regola, is-Segretarju jibgħat dokumenti għad-diskussjoni lill-membri ħamest ijiem tax-xogħol qabel laqgħa. Madankollu, dokumenti qosra jistgħu jintbagħtu jum tax-xogħol bil-quddiem. Dokumenti mibgħuta anqas minn jumejn tax-xogħol qabel huma meqjusa “table documents” li ma jistgħux iwasslu għal deċiżjoni tal-Bord T2S, sakemm il-membri kollha ma jaqblux mod ieħor.

4.   Wara kull laqgħa tal-Bord T2S, is-Segretarju jħejji abbozz tal-minuti li jirreġistra t-temi li kienu kkunsidrati u r-riżultati tad-diskussjoni. L-abbozz tal-minuti jinkludi pożizzjonijiet espressi matul il-laqgħa minn membri individwali meta mitluba. L-abbozz tal-minuti jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa.

5.   Ukoll wara kull laqgħa tal-Bord T2S, is-Segretarju jħejji abbozz ta’ lista ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu li jkun fiha l-kompiti u l-iskadenzi li jkunu ġew allokati u miftiehma matul dik il-laqgħa, li jiġi ċċirkolat lill-membri fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mil-laqgħa.

6.   Il-membri jipprovdu lis-Segretarju b’kummenti dwar l-abbozz tal-minuti u l-lista ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċevuha. L-abbozz tal-minuti u l-lista ta’ azzjonijiet li jridu jittieħdu jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni lill-Bord T2S fil-laqgha ta’ wara (jew, jekk meħtieġ, qabel permezz ta’ proċedura bil-miktub) u jiġi ffirmat miċ-Chairperson.

Artikolu 7

Teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Bord T2S

1.   Sa fejn huwa possibbli, id-deċiżjonijiet tal-Bord T2S jittieħdu permezz ta’ konsensus.

2.   Biex il-Bord T2S ikun jista’ jiddelibera b’mod validu, għandu jkun hemm kworum ta’ mill-anqas seba’ membri. Jekk il-kworum ma jintlaħaqx, iċ-Chairperson jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mingħajr l-osservanza tal-kworum.

3.   Jekk meħtieġ, il-Bord T2S jipproċedi għall-vot fuq talba taċ-Chairperson. Iċ-Chairperson iniedi wkoll proċedura ta’ votazzjoni fuq talba ta’ kwalunkwe membru bid-dritt li jivvota. B-konformità mal-Kodiċi, membru m’għandux jivvota jekk ikollu kunflitt ta’ interess, kif deskritt fil-Kodiċi. F’każ ta’ assenza, membru li jivvota jista’ jiddelega l-vot tiegħu lil membru ieħor li jivvota; ebda membru ma jista’ jeżerċita aktar minn żewġ voti dwar kwalunkwe kwistjoni.

4.   Iċ-Chairperson jista' jaghti bidu ghal votazzjoni sigrieta jekk mitlub jaghmel dan minn tal-anqas tliet membri.

5.   Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wkoll permezz ta’ proċedura bil-miktub, sakemm ma joġġezzjonawx tliet membri jew aktar. Proċedura bil-miktub għandha teħtieġ: (i) normalment mhux anqas minn jumejn tax-xogħol għall-kunsiderazzjoni minn kull Membru, u (ii) nota ta' kwalunkwe deċiżjoni bħal din fil-konklużjonijiet tal-laqgħa ta' wara tal-Bord T2S.

6.   Proposta li tirċievi maġġoranza sempliċi ta’ voti hija meqjusa bħala approvata. F’każ ta’ numru ugwali ta’ voti, iċ-Chairperson għandu vot deċisiv. Fl-assenza taċ-Chairperson, id-Deputat Chairperson m’għandux vot deċisiv.

KAPITOLU III

KOMUNIKAZZJONI U TRASPARENZA

Artikolu 8

Komunikazzjoni esterna

1.   Iċ-Chairperson regolarment jinforma lill-partijiet interessati relevanti dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Programm T2S. Bl-għajnuna tas-Segretarju, iċ-Chairperson jiżgura t-trasparenza permezz tal-pubblikazzjoni f’waqtha u konsistenti tad-dokumentazzjoni relevanti fuq il-websajt tat-T2S, mingħajr ħsara għall-obbligi tal-kunfidenzjalità stipulati fil-Kodiċi.

2.   Il-membri għandhom jinformaw liċ-Chairperson bil-quddiem qabel ma jassumu kwalunkwe rappreżentazzjoni esterna relevanti u sostanzjali fir-rigward tar-responsabbiltajiet u l-kompiti tal-Bord T2S, bħal ma huma li jitkellmu fuq it-T2S f’konferenzi jew laqgħat ma’ partijiet interessati tat-T2S, u għandhom jipprovdu lill-Bord T2S b’sommarju bil-miktub fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-okkażjoni. Kwalunkwe komunikazzjoni esterna sostanzjali għandha tkun fl-interess tal-Eurosistema u tal-Programm T2S u għandha tirrispetta kwalunkwe deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord T2S.

3.   Il-Bord T2S jindika membru/membri u/jew staff tal-BĊE/ta’ bank ċentrali nazzjonali (BĊN) li jappoġġa t-T2S biex jipparteċipaw f’inizjattivi pubbliċi u privati fir-rigward tal-ikklerjar u s-saldu ta’ titoli u biex possibbilment jirrappreżentaw lit-T2S f’kumitati jew gruppi ta’ ħidma relevanti. Membru tal-istaff tal-BĊE jew ta’ BĊN jista’ jkun indikat b’dan il-mod biss jekk jiġi stabbilit illi huwa jikkonforma mal-obbligi fir-rigward tal-kunfidenzjalità u l-kunflitt ta’ interess li huma tal-anqas ekwivalenti għall-obbligi tal-Kodiċi.

Artikolu 9

Komunikazzjoni interna

1.   Membri tal-Bord T2S li mhumiex parti mill-Eurosistema jirċievu, taħt kundizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità, id-dokumentazzjoni kollha dwar it-T2S ippreżentata lill-Kunsill Governattiv wara l-laqgħa tal-Kunsill Governattiv, kif ukoll il-punti deċiżi dwar it-T2S tal-minuti tal-Kunsill Governattiv.

2.   BĊNi tal-Eurosistema li m’għandhomx membru mill-persunal fuq il-Bord T2S għandhom aċċess awtomatiku għad-dokumentazzjoni kollha tal-Bord T2S. Huma jistgħu wkoll jagħmlu talba liċ-Chairperson biex jipparteċipaw f’kumitat tal-Bord T2S jekk ikollhom interess partikolari f’suġġett. Membru wieħed ser ikun responsabbli biex jinforma lil dawn il-BĊNi tal-Eurosistema jekk ikun ikkunsidrat li jistgħu jkollhom interess partikolari. Dan il-membru jista’ jressaq ukoll kwalunkwe punt imqajjem minn BĊN tal-Eurosistema bħal dan quddiem il-Bord T2S.

KAPITOLU IV

REĠIM FINANZJARJU

Artikolu 10

Funzjonament tal-kont tal-proġett T2S

1.   Il-Bord T2S iħaddem kont tal-proġett T2S f’isem l-Eurosistema, li jinżamm fil-kotba tal-BĊE u li għandu l-istatus ta’ kont ta’ tranżitu. Il-kont tal-proġett T2S jintuża biex: (a) jiġu ġestiti flussi finanzjarji (b’mod partikolari l-ġbir ta' fondi u l-ħlas ta’ pagamenti akkont) bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jirriżultaw mill-baġit T2S; u (b) jiġu ġestiti flussi finanzjarji fir-rigward tat-tariffi tas-servizz T2S. Il-Bord T2S jiżgura illi l-bilanċ tal-kont tal-proġett huwa “nil” jew “pożittiv” f’kull ħin.

2.   Il-President jistieden b'mod tempestiv lill-BĊNi tal-Eurosistema biex jibbaġitjaw għall-ishma tagħhom fil-kost (skont l-iskema tal-allokazzjoni tal-kost T2S) u biex iħallsu l-ishma tagħhom fil-kost lill-kont tal-proġett T2S skont l-iskeda għall-ħlas approvata mill-Kunsill Governattiv.

3.   Il-President jordna l-ħlas tal-pagamenti akkont mill-kont tal-proġett T2S, mingħajr ħsara għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord T2S. Il-ħlas ta’ pagament akkont lill-4BĊ huwa meqjus bħala approvat formalment mill-Bord T2S la darba huwa jkun ivvalida u aċċetta prodott finali tal-4BĊ u din il-validazzjoni u aċċettazzjoni hija formalment approvata fil-minuti tal-laqgħa tal-Bord T2S. Il-ħlas ta’ pagament akkont lill-BĊE iseħħ fil-bidu ta’ kull sena skont il-ftehim stabbilit fl-allokazzjoni finanzjarja.

KAPITOLU V

VERIFIKA

Artikolu 11

Verifika

L-attivitajiet tal-Bord T2S huma soġġetti għar-rieżami tal-IAC.


ANNESS III

BORD T2S

KODIĊI TA’ KONDOTTA

Introduzzjoni

Il-Bord T2S huwa kompost minn membri maħtura mill-Kunsill Governattiv. Il-membri għandhom jaġixxu biss fl-aqwa interess tal-Programm T2S, skont il-Prinċipji Ġenerali tat-T2S, u għandhom jallokaw ħin biżżejjed għax-xogħol marbut mal-Programm T2S.

Il-Bord T2S jassisti lill-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) biex jiżguraw it-tlestija b’suċċess u f’waqtha tal-Programm T2S u jirrapporta lill-Kunsill Governattiv. Huwa essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet informati u indipendenti tal-Kunsill Governattiv illi x-xogħol tal-Bord T2S ma jkunx effettwat minn kwalunkwe ċirkostanzi li jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess ta’ xi membru.

Huwa wkoll essenzjali għar-reputazzjoni tajba u l-kredibbiltà tal-Eurosistema/Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) u għas-sodizza legali tal-Programm T2S illi l-membri huma ggwidati u jidhru bħala li jkunu ggwidati mill-interess ġenerali tal-Eurosistema, u mill-interess tal-Programm T2S b’mod partikolari. Għaldaqstant il-membri għandhom bżonn: (a) jevitaw sitwazzjonijiet fejn jeżistu jew jidhru li jeżistu kunflitti ta’ interess; (b) jaġixxu biss fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-Eurosistema u tat-T2S fit-trattattivi tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi, banek ċentrali, rappreżentanti tal-industrija u partijiet oħra interessati esterni involuti fid-disinn, l-iżvilupp u t-tħaddim tat-T2S; u (c) jiżguraw l-oġġettività, in-newtralità u l-kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri potenzjali b’interess fil-programm T2S.

L-obbligu tas-segretezza professjonali ddikjarat f’Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) japplika kemm għall-istaff tal-BĊE kif ukoll għal staff ta’ bank ċentrali nazzjonali (BĊN) li jwettaq kompiti tas-SEBĊ, u jkopri informazzjoni kunfidenzjali li tirrigwarda s-sigrieti tan-negozju jew informazzjoni li għandha valur kummerċjali. Obbligu ekwivalenti japplika għall-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali. Membri tal-bord li mhumiex minn bank ċentrali għandhom jikkonformaw ukoll ma’ kwalunkwe regoli ta’ kondotta addizzjonali li għalihom jista’ jkun hemm provvediment fl-ittra tal-ħatra tagħhom u fil-kuntratt tagħhom mal-BĊE.

Huwa xieraq u skont il-prattiċi ta’ amministrazzjoni tajba li jiġu stabbiliti standards ta’ etika li jikkonċernaw l-integrità professjonali, il-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta, l-iskansament ta' kunflitti ta' interess u l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali prodotta mill-Eurosistema jew ipprovduta minn partijiet terzi, filwaqt illi jiġu ppreservati l-kompetenza u l-esperjenza fl-oqsma relevanti tal-Programm T2S fi ħdan il-Bord T2S għall-benefiċċju ġenerali tal-Eurosistema/tas-SEBĊ. Barra minn dan, huwa xieraq u skont il-prattiċi ta’ amministrazzjoni tajba illi l-Kundizzjonijiet tal-Impieg applikabbli għall-membri li huma membri tal-istaff tal-BĊE, u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti applikabbli għal membri li huma membri tal-istaff ta’ BĊN, għandhom jipprovdu għal kumpens legali għal ksur ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta (minn hawn ’il quddiem il-“Kodiċi”). Dispożizzjoni ekwivalenti tapplika għall-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali.

Dan il-Kodiċi huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżiti li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ta’ etika oħrajn li jistgħu jkunu applikabbli għall-membri tal-Bord T2S fil-funzjoni tagħhom bħala membri tal-istaff tal-BĊE jew ta' BĊN.

1.   Definizzjonijiet

Ghall-finijiet ta’ dan il-Kodiċi:

(a)

‘Chairperson’ tfisser il-persuna maħtura mill-Kunsill Governattiv biex tippresiedi l-Bord T2S;

(b)

‘Deputat Chairperson’ tfisser il-persuna maħtura mill-Kunsill Governattiv biex tieħu post iċ-Chairperson f’każ ta’ assenza;

(c)

‘informazzjoni kunfidenzjali’ tfisser, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tas-segretezza professjonali fl-Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-SEBĊ jew ta’ dokumenti kklassifikati skont ir-reġim tal-kunfidenzjalità li huma pprovduti lil kull membru tal-Bord T2S: (c) sigrieti tan-negozju tal-Eurosistema jew ta’ partijiet terzi u kull informazzjoni li għandha valur kummerċjali ħlief għall-finijiet tax-xogħol tal-Bord T2S; (ii) kull informazzjoni li l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jagħmel ħsara lill-interessi essenzjali tal-Eurosistema; u (iii) kwalunkwe informazzjoni illi persuna raġonevoli tqis bħala kunfidenzjali; 'informazzjoni kunfidenzjali' ma tinkludix informazzjoni li: (i) hija jew issir ġeneralment disponibbli għall-pubbliku, minbarra permezz ta' ksur ta' dan il-Kodiċi; jew (ii) hija żviluppata indipendentement minn parti terza mingħajr ebda aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali; jew (iii) billi hija soġġetta għal Taqsima 3, tenħtieġ li tiġi żvelata mil-liġi;

(d)

‘membru tal-bord li mhuwiex minn bank ċentrali’ tfisser membru tal-Bord T2S li mhuwiex membru tal-istaff tal-BĊE jew ta’ BĊN;

(e)

‘mandat’ tfisser il-mandat stipulat f’Anness I;

(f)

‘membru’ tfisser membru tal-Bord T2S, inkluż iċ-Chairperson;

(g)

‘fornituri potenzjali’ tfisser entitajiet kummerċjali li għandhom interess fil-provvista ta’ merkanzija u/jew servizzi relatati mat-T2S lil bank ċentrali taż-żona tal-euro jew li mhuwiex fiż-żona tal-euro li intrabat li jagħmel saldu tal-munita nazzjonali permezz tat-T2S.

2.   Evitar ta' kunflitti ta’ interess

2.1

Kunflitt ta’ interess jirriżulta fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija u/jew servizzi relevanti għall-mandat tal-Bord T2S fejn membru għandu interess kummerċjali jew professjonali, jew sehem, f’fornitur potenzjali, kemm permezz ta’ proprjetà, kontroll, investiment jew mod ieħor, li jinfluwenza jew jista’ jinfluwenza t-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet tiegħu bħala membru.

2.2

Il-membri jaġixxu fl-interess ġenerali tal-Eurosistema u tal-Programm T2S. Huma jevitaw kwalunkwe sitwazzjonijiet li x’aktarx twassal għal kunflitt ta’ interess.

2.3

Jekk jirriżulta jew x’aktarx jirriżulta kunflitt ta’ interess b’konnessjoni mal-kompiti tal-Bord T2S, il-membru kkonċernat għandu jgħarraf b’dan il-kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali lill-awtorità għall-konformità tal-bank ċentrali tiegħu (jew, f’każ ta’ membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE) permezz tal-formola stipulata f’Appendiċi 2 u fl-istess ħin jinforma liċ-Chairperson b’dan. Jekk l-awtorità għall-konformità (jew, f’każ ta’ membru li mhuwiex minn bank ċentrali, l-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE) tikkonkludi illi jeżisti kunflitt ta’ interess, hija tagħti r-rakkomandazzjoni tagħha lill-Gvernatur tal-bank ċentrali kkonċernat (jew f’każ ta’ membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-President tal-BĊE) fir-rigward tal-ġestjoni xierqa tal-kunflitt ta’ interess, u l-Gvernatur/President jinforma liċ-Chairperson b’dan mingħajr dewmien żejjed. Il-Gvernatur/President jipprovdi d-dettalji neċessarji sabiex iċ-Chairperson ikun jista’ jkollu opinjoni informata dwar il-ġestjoni xierqa tal-kunflitt ta interess.

2.4

Jekk, matul laqgħa tal-Bord T2S, membru jkollu raġuni biex jemmen illi l-parteċipazzjoni ta membru ieħor fid-diskussjoni, votazzjoni jew proċedura bil-miktub tal-Bord T2S tista’ toħloq kunflitt ta' interess, huwa għandu jinforma liċ-Chairperson immedjatament.

2.5

Iċ-Chairperson jistieden lill-membru li jkun identifika kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali skont it-Taqsima 2.3 jew li dwaru jkun tqajjem tħassib dwar kunflitt ta’ interess skont it-Taqsima 2.4 biex jiddikjara jekk jeżistix kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali. Jekk iċ-Chairperson ma jkunx kuntent bid-dikjarazzjoni tal-membru, kull punt relevanti jiġi rtirat mill-aġenda. Iċ-Chairperson jinforma lill-awtorità għall-konformità tal-bank ċentrali kkonċernat (jew f'każ ta' membru tal-bord li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE) dwar kull każ bħal dan mingħajr dewmien żejjed u, jekk meqjus neċessarju, lill-Kunsill Governattiv.

2.6

Jekk iċ-Chairperson huwa mħasseb dwar Taqsimiet 2.3, 2.4 jew 2.5, iċ-Chairperson għandu jinforma lid-Deputat Chairperson.

2.7

Membru m’għandux jivvota dwar kwistjoni li fir-rigward tagħha għandu kunflitt ta interess. Dan japplika wkoll għal membru li huwa membru tal-istaff tal-4BĊ jekk il-Bord T2S qed jiddeċiedi dwar il-validazzjoni tal-prodotti tal-4BĊ.

3.   Użu tajjeb ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

3.1

Il-membri jużaw l-informazzjoni kunfidenzjali għall-finijiet ta’ u fl-interessi tal-Eurosistema u l-Programm T2S biss u skont il-mandat tal-Bord T2S.

3.2

Il-membri m’għandhomx jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil partijiet terzi u, f’dak li jirrigwarda membri li huma membri tal-istaff tal-BĊE jew ta’ BĊN, huma jistgħu jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali lil membri biss. Informazzjoni kunfidenzjali mmarkata “membri biss” tista’ fil-prinċipju ma tiġix żvelata minn membri lil membri tal-istaff tal-bank ċentrali tagħhom jew lil banek ċentrali oħrajn sakemm ma jkun ġie miftiehem mod ieħor mill-Bord T2S.

3.3

Il-membri kollha jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipprevjenu l-iżvelar aċċidentali ta’ jew l-aċċess mhux awtorizzat għall-informazzjoni kunfidenzjali.

3.4

Il-membri m’għandhomx jużaw l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni kunfidenzjali għall-benefiċċju ta’ entità barra l-Eurosistema jew mingħajr ġustifikazzjoni adegwata għall-benefiċċju tal-bank ċentrali tagħhom.

3.5

Sa fejn membru huwa ordnat minn qorti jew awtorità regolatorja, superviżorja jew kompetenti oħra li għandha ġurisdizzjoni fuq dak il-membru sabiex jiżvela jew jagħmel disponibbli informazzjoni kunfidenzjali, huwa għandu:

(a)

meta permess mil-liġi, jagħti minnufih avviż bil-miktub ta' ordni bħal dan liċ-Chairperson u lill-awtorità għall-konformità (jew, f’każ ta’ membru li mhuwiex minn bank ċentrali, lill-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE) tal-bank ċentrali tiegħu, bl-aktar dettal possibbli;

(b)

jikseb parir legali espert għal dak li jirrigwarda l-legalità u l-infurzabbiltà ta’ ordni bħal din, jekk meqjus neċessarju miċ-Chairperson;

(c)

jikkoopera mal-banek ċentrali kollha kkonċernati u jipprovdu l-assistenza li ċ-Chairperson jista’ jitlob raġonevolment sabiex il-Bord T2S jew il-bank ċentrali tal-membru kkonċernat jitħalla jfittex rimedji legali biex jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali;

(d)

jinnotifika lill-qorti jew lill-awtorità kkonċernata bin-natural kunfidenzjali tal-informazzjoni u jitlob lill-qorti jew awtorità biex tippreżerva l-kunfidenzjalita tal-informazzjoni, sa fejn hu permess mil-liġi.

Jekk iċ-Chairperson huwa mħasseb minn din it-Taqsima, huwa jinforma lill-Viċi Chairperson.

4.   Trasparenza u onestà

4.1

Bla ħsara għar-rekwiżiti li jirrigwardaw l-informazzjoni kunfidenzjali, fil-kuntatti tagħhom ma’ fornituri potenzjali jew għaqdiet tan-negozju li jirrappreżentaw fornituri potenzjali, il-membri jħabirku biex tinżamm kompetizzjoni ġusta u jipprovdu informazzjoni oġġettiva u pertinenti lil dawn il-fornituri potenzjali jew rappreżentanti b’mod ikkoordinat u mhux diskriminatorju. Skont l-informazzjoni li għandha tingħata, dan il-għan jista’ jinkiseb billi huma jiġu involuti fi djalogu kostruttiv u billi tinqasam id-dokumentazzjoni magħhom fi gruppi konsultattivi.

4.2

Membru jagħti l-kunsiderazzjoni xierqa lil kull komunikazzjoni bil-miktub indirizzata lilu minn fornituri potenzjali jew organizzazzjonijiet tan-negozju li jirrappreżentaw lil fornituri potenzjali. Il-membri jittrattaw dawn il-komunikazzjonijiet bħala kunfidenzjali, sakemm ma jiġix espressament iddikjarat il-kuntrarju mill-fornitur potenzjali jew ir-rappreżentant.

4.3

It-Taqsimiet 4.1 u 4.2 m’għandhomx ikunu miftehma bħala li jimpedixxu kuntatti bejn il-Bord T2S u fornituri potenzjali jew għaqdiet tan-negozju li jirrappreżentaw fornituri potenzjali. Madankollu, il-membri jwettqu skambji regolari ta' informazzjoni fi ħdan l-Eurosistema fir-rigward tal-kuntatti tagħhom ma’ dawn il-fornituri potenzjali jew rappreżentanti.

5.   Parir fuq mistoqsijiet ta’ etika

Jekk membru jkollu xi mistoqsija dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi, huwa għandu jitlob parir mingħand l-Uffiċjal għall-Etika tal-BĊE.

6.   Sanzjonijiet u dispożizzjonijiet finali

6.1

Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-proċeduri dixxiplinari inklużi fil-kundizzjonijiet tal-impieg tagħhom jew għal kull penali kriminali, dixxiplinari, amministrattiva jew kuntrattwali applikabbli, membru li jikser dan il-Kodiċi għandu jitkeċċa immedjatament mill-Bord T2S u mibdul skont il-proċeduri stabbiliti f’Anness I.

6.2

Meta membru jkun waqaf minn dmirijietu, huwa għandu jkompli jkun marbut minn Taqsima 3.

6.3

Min kien membru ma għandux juża informazzjoni kunfidenzjali sabiex jikseb impieg ma’ fornitur potenzjali, jew jiżvela jew juża informazzjoni kunfidenzjali miksuba permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Bord T2S bħala impjegat ta’ fornitur potenzjali.

6.4

Matul l-ewwel sena wara li jkunu waqfu minn dmirijiethom, il-membri jkomplu jevitaw kull kunflitt ta’ interess li jista’ jinqala’ minħabba attività professjonali ġdida jew ħatra. B’mod partikolari, huma għandhom jinformaw bil-miktub lill-Bord T2S dwar jekk għandhomx il-ħsieb jinvolvu ruħhom f'xi attività professjonali jew jaċċettaw ħatra, u għandhom jitolbu l-parir tal-Bord T2S qabel ma jintrabtu.

6.5

Jekk ex membru ma jirrispettax ir-rekwiżiti stipulati f’Taqsimiet 6.3 u 6.4, il-Bord T2S jista’ jinforma lil min iħaddmu illi jirriżulta kunflitt ta’ interess bejn il-pożizzjoni l-ġdida tiegħu u dik li kellu qabel.

7.   Indirizzati u distribuzzjoni

Dan il-Kodiċi huwa indirizzat lill-membri tal-Bord T2S. Titqassam kopja lil kull membru eżistenti u lil membri ġodda mal-ħatra. Il-Membri huma mitluba jiffirmaw l-Appendiċijiet 1 u 2 qabel ma jipparteċipaw f’laqgħat tal-Bord T2S

Appendiċi 1

DIKJARAZZJONI TA’ KONFORMITÀ MAL-KODIĊI TA’ KONDOTTA

B’din id-Dikjarazzjoni, jiena naċċetta l-Kodiċi anness u nirrikonoxxi l-obbligi tiegħi hawn taħt, b’mod partikolari l-obbligu tiegħi biex (a) inżomm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kunfidenzjali miksuba minni; u (b) nevita u niddikjara sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu kunflitt ta’ interess fit-twettiq ta’ dmirijieti bħala membru tal-Bord T2S fir-rigward tal-Programm T2S.

(Firma u data)

(Isem sħiħ)

(Indirizz)

Appendiċi 2

DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI  (1)

(Isem sħiħ)

(Indirizz)

(Xogħol)

Il-Programm T2S huwa effettwat direttament jew indirettament (eż. fir-rigward ta’ membru tal-familja) mill-interessi ta’ flus u/jew mhux ta’ flus, li jistgħu joħolqu kunflitt ta’ interess fi ħdan it-tifsira ta’ dan il-Kodiċi (2):

Investiment (eż. dirett jew indirett f’entità kummerċjali, inkluż sussidjarji jew entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp korporattiv, li għandu interess bħala fornitur potenzjali lill-Programm T2S, sakemm ma jkunx miżmum permezz ta’ fondi ta’ investiment jew tal-pensjonijiet jew xi ħaġa simili):

Pożizzjoni (eż. kurrenti jew preċedenti, imħallsa jew mhux imħallsa, ma’ entità kummerċjali illi għandha interess bħala fornitur potenzjali lill-Programm T2S):

Introjtu jew rigali (eż. remunerazzjoni kurrenti, preċedenti jew mistennija, inkluż benefiċċji differiti, għażliet li għandhom jiġu eżerċitati fi stadju aktar tard u trasferimenti ta’ drittijiet tal-pensjoni, jew rigali, riċevuti mingħand entità kummerċjali li għandha interess bħala fornitur potenzjali lill-Programm T2S):

Oħrajn:

Jien b’dan niddikjara, fuq l-unur tiegħi, illi sa fejn naf jien l-informazzjoni żvelata hija vera u kompleta.

(Firma u data)

(Isem sħiħ)


(1)  Jekk membru m’għandu ebda interess relevanti, dan għandu jkun indikat billi jiddikjara “l-ebda” fil-parti(jiet) relevanti.

(2)  Membru b’interess relevanti għandu jiddeskrivi l-fatti u ċ-ċirkostanzi relevanti kollha, billi juża wkoll spazju addizzjonali jekk meħtieġ.


ANNESS IV

PROĊEDURI U REKWIŻITI GĦALL-GĦAŻLA, IL-ĦATRA U L-BIDLA TAL-MEMBRI TAL-BORD T2S LI MHUMIEX MINN BANK ĊENTRALI

1.   Avviż ta’ Kompetizzjoni

1.1

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jippubblika avviż ta’ kompetizzjoni sabiex jinħatru esperti bħala membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali u għall-ħolqien ta’ lista ta’ riżerva. L-avviż ta' kompetizzjoni għandu jsir skont id-Deċiżjoni BĊE/2007/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (1) u kif implimentata aktar f’Kapitolu 8 tal-Business Practice Handbook tal-BĊE. Madankollu, sa ċertu punt huwa jiddevja, b’mod partikolari, minn Artikolu 16a tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5 u għandu jirrispetta tal-anqas il-prinċipji ewlenin tal-akkwist pubbliku u jiżgura kompetizzjoni xierqa u trasparenti.

1.2

L-avviż ta’ kompetizzjoni jistabbilixxi, inter alia: (a) l-irwol tal-Bord T2S; (b) l-irwol tal-membri li mhumiex minn bank ċentrali fi ħdan il-Bord T2S; (c) il-kriterji tal-għażla; (d) l-aspetti ekonomiċi tal-mandat; u (e) il-proċedura tal-applikazzjoni, inkluż skadenza għar-riċevuta tal-applikazzjonijiet.

1.3

L-avviż ta’ kompetizzjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq il-websajt tal-BĊE fl-istess ħin. Fejn xieraq, il-BĊE jista’ juża mezzi addizzjonali biex jirriklama l-avviż ta’ kompetizzjoni. F’każ ta’ diskrepanzi, il-verżjoni ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew għandha tieħu l-preċedenza fuq verżjonijiet oħra.

1.4

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tal-kandidati għandha tkun tal-anqas 21 jum kalendarju wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ kompetizzjoni f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-proċedura tal-għażla

2.1

Il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi fuq il-kompożizzjoni tal-Bord T2S abbażi ta’ proposta tal-Bord Eżekuttiv u jaħtar il-membri kollha tal-Bord T2S

2.2

F’dak li jirrigwarda l-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali, il-Kunsill Governattiv jevalwa l-kandidati skont il-kriterji tal-għażla f’Taqsima 3.

2.3

Iċ-Chairperson tal-Bord T2S, rappreżentanti mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, u staff tal-BĊE jistgħu jagħtu appoġġ lill-Bord Eżekuttiv fil-mili tal-formoli għall-evalwazzjoni tal-kandidati, li jinkludu sommarju tal-merti u n-nuqqasijiet fir-rigward tal-kriterji tal-għażla u rakkomandazzjoni dwar jekk kandidat huwiex adatt biex jinħatar.

2.4

Bil-kontra tal-Artikolu 16a(6) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5, żewġ kandidati għandhom jinħatru immedjatament u għandha tiġi stabbilita lista ta’ riżerva għal kandidati potenzjali għal postijiet fil-futur.

3.   Il-kriterji tal-għażla

Il-kriterji tal-għażla huma:

(a)

kompetenza fin-negozju tas-saldu ta’ titoli, jew bħala fornitur ta’ servizz jew bħala utent ta’ servizzi f’dan il-qasam, kif ukoll kompetenza fir-rigward tas-settur finanzjarju aktar wiesgħa tal-Unjoni;

(b)

mill-anqas 10 snin esperjenza ta’ interazzjoni mal-parteċipanti ewlenin fis-swieq finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

preferibbilment esperjenza fil-ġestjoni ta’ proġett;

(d)

Il-lingwa li biha jaħdem il-Bord T2S hija l-Ingliż; għalhekk, il-membri li mhumiex minn bank ċentrali għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw bl-Ingliż b’mod effettiv.

4.   Lista ta’ riżerva

4.1

Il-BĊE ser iżomm lista ta’ riżerva ta’ kandidati potenzjali.

4.2

F’każ ta’ post battal fil-Bord T2S, il-Bord Eżekuttiv jista’ jagħżel kandidat mil-lista ta’ riżerva skont il-klassifikazzjoni tagħhom f’din il-lista ta’ riżerva u jipproponihom lill-Kunsill Governattiv bħala membru tal-Bord T2S għal mandat ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded darba.

4.3

Il-lista ta’ riżerva tibqa’ valida għal perjodu ta' sentejn la darba tkun ġiet approvata mill-Kunsill Governattiv. Il-validità tal-lista ta’ riżerva tista’ tiġġedded jekk meħtieġ, għal perijodu ieħor ta’ sentejn.

4.4

Bil-kontra tal-Artikolu 16a(7) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5, il-lista ta’ riżerva mhijiex miftuħa għal applikanti ġodda.

4.5

B’devjazzjoni minn Artikolu 16a(8) ta’ Deċiżjoni BĊE/2007/5, il-kandidati jistgħu jaċċessaw, jaġġornaw jew jikkoreġu d-dejta tagħhom iżda ma jistgħux jaġġornaw jew jikkoreġu l-kriterji tal-eliġibbiltà u l-kriterji tal-għażla tagħhom wara d-data tal-għeluq tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

5.   Ħatra

5.1

Il-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali jinħatru f’kapaċità personali. Huma ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew parti terza.

5.2

Il-ħatriet kollha huma soġġetti għall-firma minn min jinħatar ta’ kuntratt tal-ħatra mingħand iċ-Chairperson tal-Bord T2S, ta’ kuntratt mal-BĊE dwar l-indennizz u r-rimborż tal-ispejjeż, u tad-dikjarazzjonijiet imsemmija f’Taqsima 6.1.

5.3

Il-Kunsill Governattiv jaħtar membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali bħala membri mingħajr vot tal-Bord T2S għal mandat ta’ sentejn, li jiġġedded darba.

6.   Dikjarazzjonijiet

6.1

Il-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali jintrabtu li jimxu mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bord T2S. Għal dan il-għan, huma mitlubin jiffirmaw id-‘Dikjarazzjoni ta’ konformità mal-Kodiċi ta’ Kondotta’ f’Appendiċi 1 ta’ Anness III u li jimlew u jiffirmaw id-‘Dikjarazzjoni tal-interessi’ f’Appendiċi 2 ta’ Anness III.

6.2

Il-membri tal-Bord T2S li mhumiex minn bank ċentrali huma mitlubin ukoll jiffirmaw id-dikjarazzjonijiet ipprovduti mal-avviż.

7.   Terminazzjoni u bidla

7.1

Il-Kunsill Governattiv jista’ jittermina l-mandat ta’ membru tal-Bord T2S li mhuwiex minn bank ċentrali f’każ ta’ kunflitt ta’ interess, ksur ta’ dmir, l-inabbiltà li jwettaq dmirijietu, ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta jew nuqqas serju fl-imġieba.

7.2

Il-mandat jitqies bħala itterminat meta l-membru li mhuwiex minn bank ċentrali jirriżenja jew jiskadilu l-mandat mingħajr ma jiġi mġedded.

7.3

Jekk mandat jiġi tterminat qabel ma jintemm perjodu ta’ sentejn, japplikaw it-Taqsimiet 4.2 u 4.3.


(1)  ĠU L 184, 14.7.2007, p. 34.


Fuq