EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32013D0013(01)

2013/220/UE: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 2 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri temporani marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru (BĊE/2013/13)

ĠU L 133, 17.5.2013, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 27/06/2013; Imħassar b' 32013D0021(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/220(1)/oj

17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 133/26


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-2 ta’ Mejju 2013

dwar miżuri temporani marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru

(BĊE/2013/13)

(2013/220/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikol 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1), u b’mod partikolari t-Taqsima 1.6 u t-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.2 u 6.4.2 tal-Anness I tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2013/4 tal-20 ta’ Marzu 2013 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikoli 5 u 7 tagħha,

Billi:

(1)

Bis-saħħa tal-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊNi) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kriterji standard li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet ta’ operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stipulati f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(2)

Bis-saħħa ta’ Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema. Bis-saħħa tat-Taqsima 6.3.1 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew garanti jissodisfa r-rekwiżiti tagħha għal standards għoljin fuq il-bażi ta’ kull informazzjoni li hija tista’ tqis relevanti.

(3)

Strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru preżentement ma jissodisfawx ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi ta’ kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli, kif stabbilit f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(4)

Il-Kunsill Governattiv ikkunsidra l-Memorandum ta’ Ftehim konkluż bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-Kummissjoni Ewropea u approvat mill-Istati Membri, li jirrifletti l-programm ta’ aġġustament ekonomiku u finanzjarju għal Ċipru.

(5)

Il-Kunsill Governattiv iqis dan il-programm bħala xieraq, sabiex l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru jkollhom standard ta’ kwalità suffiċjenti biex jiġġustifika l-eliġibbiltà tagħhom bħala kollateral għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn kull valutazzjoni ta’ kreditu esterna.

(6)

Il-Kunsill Governattiv għalhekk iddeċieda illi jrodd l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ telf impost speċifiku lil strumenti bħal dawn illi huwa differenti minn dak stipulat fit-Taqsima 6.4.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(7)

Skont l-Artikolu 7 tal-Linja Gwida BĊE/2013/4, il-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema ma japplikax għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta’ Stati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix illi l-Istat Membru rispettiv ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku. Madankollu, skont l-Artikolu 1(3) tal-istess Linja Gwida, għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża biss huma meqjusa bħala Stati Membri taż-żona tal-euro konformi ma’ programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali. Għaldaqstant, hija meħtieġa deċiżjoni addizzjonali tal-Kunsill Governattiv sabiex jiġi rrinunzjat il-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru.

(8)

Din il-miżura eċċezzjonali ser tapplika b’mod temporanju sakemm il-Kunsill Governattiv iqis illi tista’ terġa’ tiddaħħal l-applikazzjoni normali tal-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Eurosistema u l-qafas għall-kontroll tar-riskju għal operazzjonijiet tal-politika monetarja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 u l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru

1.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għall-kwalità tal-kreditu, kif speċifikat fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal ċerti assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom jiġu sospiżi għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru. Għalhekk, għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 7 tal-Linja Gwida BĊE/2013/4, ir-Repubblika ta’ Ċipru għandha titqies bħala Stat Membru taż-żona tal-euro konformi ma’ programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta’ Ċipru huma suġġetti għall-applikazzjoni tat-telf impost speċifiku stipulat fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   F’każ ta’ xi diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni, il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u l-Linja Gwida BĊE/2013/4, f’kull każ kif implimentata f’livell nazzjoanli mill-BĊNi, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Artikolu 2

Dhul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-9 ta’ Mejju 2013.

Magħmul fi Bratislava, it-2 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 95, 5.4.2013, p. 23.


ANNESS

Skeda ta’ telf impost applikabbli għal strumenti ta’ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-repubblika ta’ Ċipru

Bonds tal-Gvern

Maturity bucket

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

14,5

14,5

1-3

27,5

29,5

3-5

37,5

40,0

5-7

41,0

45,0

7-10

47,5

52,5

> 10

57,0

71,0

Bonds ta’ bank iggarantiti mill-gvern u bonds ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji ggarantiti mill-gvern

Maturity bucket

Telf impost għal kupuni fissi u floaters

Telf impost għal kupun żero

0-1

23,0

23,0

1-3

37,0

39,0

3-5

47,5

50,5

5-7

51,5

55,5

7-10

58,0

63,0

> 10

68,0

81,5


Fuq