EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea
Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 32007D0005(01)
2007/497/EC: Decision of the European Central Bank of 3 July 2007 laying down the Rules on Procurement (ECB/2007/5)
2007/497/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (BĊE/2007/5)
2007/497/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta’ Lulju 2007 li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (BĊE/2007/5)
ĠU L 184, 14.7.2007, p. 34–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 007 P. 34 - 48
M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 14/04/2016; Revokat u sostitwit bi 32016D0002
14.7.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 184/34 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-3 ta’ Lulju 2007
li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti
(BĊE/2007/5)
(2007/497/KE)
IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 11.6 ta’ l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta’ Frar 2004 li adottat ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa impenjat li jħares il-prinċipju ta’ l-effiċjenza fl-infiq u jfittex l-aħjar valur għall-flus minfuqin biex jiġu akkwistati oġġetti, servizzi u xogħlijiet. |
(2) |
Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (2) (“id-Direttiva ta’ l-Akkwisti”) u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”) ma japplikawx għall-BĊE. |
(3) |
Il-BĊE jirrispetta l-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-akkwisti kif riflessi fid-Direttiva ta’ l-Akkwisti u r-Regolament Finanzjarju, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
REGOLI ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“kuntratti” huma kuntratti għall-interess monetarju konklużi bil-miktub bejn il-BĊE ma’ fornitur wieħed jew iżjed u li għandhom bħala l-oġġett tagħhom l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi; |
(b) |
“kuntratti ta’ xogħlijiet” huma kuntratti li għandhom bħala oġġett tagħhom jew l-eżekuzzjoni, jew kemm id-disinn kif ukoll l-eżekuzzjoni, ta’ xogħlijiet. “Xogħol” ifisser ir-riżultat ta’ xogħlijiet ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili meħudin b’mod kumplessiv li huwa biżżejjed minnu nnifsu biex jaqdi funzjoni ekonomika jew teknika; |
(ċ) |
“kuntratti ta’ provvista” huma kuntratti, li m’humiex dawk imsemmijin fil-paragrafu b, li għandhom bħala l-oġġett tagħhom ix-xiri, il-kiri jew ix-xiri bin-nifs, b’għażla ta’ xiri jew mingħajrha, ta’ prodotti. Kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu l-provvista ta’ prodotti u li jkopri wkoll, inċidentalment, operazzjonijiet ta’ tqegħid u installazzjoni għandu jiġi kkunsidrat li huwa “kuntratt ta’ provvista”; |
(d) |
“kuntratti ta’ servizzi” huma kuntratti li m’humiex ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista li għandhom bħala oġġett tagħhom il-provvista ta’ servizzi. Kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu kemm prodotti kif ukoll servizzi għandu jiġi kkunsidrat li huwa “kuntratt ta’ servizz” jekk il-valur stmat tas-servizzi in kwistjoni jaqbeż dak tal-prodotti koperti mill-kuntratt. Kuntratt li għandu bħala l-oġġett tiegħu servizzi inklużi attivitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ xogħlijiet li huma biss inċidentali għall-oġġett prinċipali tal-kuntratt għandu jiġi kkunsidrat bħala kuntratt ta’ servizz; |
(e) |
“ftehim qafas” huwa ftehim bejn il-BĊE u fornitur wieħed jew iżjed, li għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perjodu definit, partikolarment fir-rigward tal-prezz u, meta xieraq, il-kwantità maħsuba; |
(f) |
“fornitur” huwa persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawn il-persuni u/jew korpi li joffru fis-suq, rispettivament, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, prodotti jew servizzi; Fornitur li jibgħat applikazzjoni biex jipparteċipa fi proċedura ristretta jew innegozjata jew djalogu kompetittiv għandu jissejjaħ “kandidat”. Fornitur li jibgħat offerta għandu jissejjaħ “min jagħmel offerta”; |
(ġ) |
“proċedura miftuħa” hija proċedura ta’ offerta fejn il-fornitur interessat jista’ jagħmel offerta; |
(g) |
“proċedura ristretta” tfisser proċedura fejn kull fornitur jista’ jitlob li jipparteċipa u fejn dawk il-kandidati mistednin biss mill-BĊE jistgħu jagħmlu offerta; |
(h) |
“proċedura nnegozjata” tfisser proċedura fejn kull fornitur BĊE jikkonsulta lill-fornituri ta’ l-għażla tiegħu u jinnegozja l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma’ wieħed minnhom jew iżjed; |
(ħ) |
“djalogu kompetittiv” hija proċedura fejn kull fornitur jista’ jitlob li jipparteċipa u fejn il-BĊE jkollu djalogu mal-kandidati ammessi f’dik il-proċedura, bil-għan li jiġu żviluppati alternattiva jew iżjed aktar xierqa li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu; |
(i) |
“sistema ta’ xiri dinamika” huwa proċess kompletament elettroniku biex isir ix-xiri l-aktar komuni, li l-karatteristiċi tiegħu, kif jinsab ġeneralment fis-suq, jissodisfa lill-BĊE. Is-sistema hija limitata fiż-żmien u miftuħa matul il-validità tagħha għal kull fornitur li jissodisfa l-kriterji ta’ l-għażla u jkun bagħat offerta indikattiva li tikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjoni; |
(j) |
“irkant elettroniku” huwa proċess ripetittiv li jinvolvi tagħmir elettroniku għall-preżentazzjoni ta’ prezzijiet ġodda, li jiġu rriveduti ‘l isfel, u/jew valuri ġodda dwar ċerti elementi ta’ l-offerti, li jiġru wara valutazzjoni sħiħa eventwali ta’ l-offerti biex ikunu jistgħu jitpoġġew f’ordni bl-użu ta’ metodi ta’ valutazzjoni awtomatiċi; |
(k) |
“stedina għal offerta” hija l-istedina mibgħuta lill-kandidati jew ‘il-fornituri biex jibagħtu offerta u li tispeċifika l-proċedura, il-ħtiġijiet tal-BĊE u l-pattijiet u l-kundizzjonijiet kuntrattwali; |
(l) |
“miktub” jew “bil-miktub” ifisser kwalunkwe kliem li jikkonsisti fi kliem jew figuri li jistgħu jinqraw, jiġu riprodotti jew ikkommunikati wara. Jista’ jinkludi informazzjoni li tiġi trażmessa u maħżuna b’mezzi elettroniċi; |
(m) |
“jiem” tfisser jiem tal-kalendarju. |
Artikolu 2
Għan
1. Il-BĊE għandu jagħmel sejħiet għal offerti għal kuntratti ta’ provvista, servizzi u xogħlijiet għalih innifsu skond ir-regoli stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.
2. Il-BĊE jista’ jagħmel ukoll skond din id-Deċiżjoni proċeduri għal sejħa għal offerti konġunta f’ismu u f’isem bank ċentrali nazzjonali wieħed jew iżjed (BĊNi) u/jew istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali. F’dawn il-każijiet, il-BĊE għandu jispeċifika fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti liema awtoritajiet kuntrattwali oħrajn jipparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għal offerti u l-istruttura maħsuba tar-relazzjonijiet kuntrattwali.
3. Din id-Deċiżjoni ma tapplikax għal kuntratti għal:
(a) |
l-għoti ta’ servizzi u l-provvista ta’ oġġetti mill-BĊNi lill-BĊE fit-twettiq tal-ħidmiet pubbliċi tagħhom fl-Eurosistema/SEBĊ; |
(b) |
proċeduri ta’ akkwisti organizzati mill-BĊNi jew l-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità jew organizzazzjoni internazzjonali fejn il-BĊE jipparteċipa iżda r-regoli li jikkonċernaw dawn il-proċeduri ta’ akkwisti għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-akkwisti; |
(ċ) |
kull ftehim ma’ istituzzjonijiet u korpi Komunitarji jew organizzazzjonijiet internazzjonali li l-BĊE jintrabat bih biex jissodisfa l-ħidmiet pubbliċi tiegħu; |
(d) |
l-akkwist tal-karti tal-flus irregolat mil-Linja ta’ Gwida BĊE/2004/18 tas-16 ta’ Settembru 2004 dwar l-akkwist ta’ karti tal-flus euro (4); |
(e) |
il-ħruġ, il-bejgħ, ix-xiri jew it-trasferiment ta’ titoli jew strumenti finanzjarji oħrajn u servizzi finanzjarji marbutin ma’ dawn it-tranżazzjonijiet; |
(f) |
l-akkwist jew il-kiri, b’kull mezz finanzjarju, ta’ art, bini eżistenti jew proprjetà immobbli oħra jew dwar drittijiet marbutin magħhom; |
(ġ) |
kuntratti ta’ impjieg bejn il-BĊE u l-istaff tiegħu konklużi skond il-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg tal-BĊE; |
(g) |
servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni; u |
(h) |
servizzi ta’ riċerka u żvilupp sakemm il-benefiċċji relatati mas-servizzi ikunu esklużivament għall-BĊE għall-użu tiegħu u s-servizzi pprovduti jkunu mħallsin għal kollox mill-BĊE. |
Artikolu 3
Prinċipji ġenerali
Kull proċedura ta’ akkwisti għandha ssir skond il-prinċipji ġenerali tat-trasparenza u l-pubbliċità, aċċess ekwu u trattament ugwali, kif ukoll il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta.
Artikolu 4
Limiti
1. Kuntratti li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, huwa daqs jew jaqbeż il-limitu ta’ ammonti stabbilit fil-paragrafu 3, għandhom jitpoġġew għal sejħa għal offerti skond il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu II.
2. Kuntratti li l-valur stmat tagħhom, nett mill-VAT, huwa anqas mil-limitu ta’ ammonti, għandhom jitpoġġew għal sejħa għal offerti skond il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu III.
3. Għandhom japplikaw dawn il-limiti ta’ ammonti:
(a) |
EUR 211 000 għal kuntratti ta’ provvista u servizz; |
(b) |
EUR 5 300 000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet. |
Artikolu 5
Kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt
1. Il-kalkolu tal-valur tal-kuntratt għandu jkun ibbażat fuq l-ammont totali pagabbli, nett mill-VAT, kif stmat mill-BĊE. Il-kalkolu għandu jinkludi spejjeż anċillari, partikolarment spejjeż fir-rigward ta’ klawżoli fejn hemm għażliet, tiġdid ta’ kuntratti, ħlasijiet ta’ premiums, imgħax, kummissjoni, spejjeż ta’ l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni, premjijiet jew ħlasijiet lil kandidati jew min jagħmel l-offerta.
2. L-istima għandha tkun valida fil-mument meta l-BĊE jiddeċiedi fuq il-proċedura ta’ akkwisti xierqa.
3. L-ebda akkwist ma jista’ jinqasam bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
4. Il-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet għandu jikkunsidra l-ispejjeż totali relatati ma’ l-eżekuzzjoni tax-xogħol inkluż il-valur tal-provvisti meħtieġa biex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet u mpoġġijin għad-dispożizzjoni tal-kuntrattur mill-BĊE. L-ispejjeż relatati mad-disinn u l-ippjannar tax-xogħol għandhom ikunu inklużi wkoll jekk jiffurmaw parti mill-kuntratt tax-xogħlijiet.
5. Fir-rigward ta’ kuntratt għall-provvista kontinwa ta’ oġġetti u servizzi, il-valur li għandu jittieħed bħala l-bażi għall-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt, meta jkun xieraq, għandu jkun:
(a) |
fil-każ ta’ kuntratti b’terminu fiss: il-valur sħiħ għat-terminu kollu; |
(b) |
fil-każ ta’ kuntratti mingħajr terminu fiss: il-valur ta’ kull xahar immultiplikat bi 48. |
6. Fil-każ ta’ kuntratti ta’ provvista, servizz jew xogħlijiet suċċessivi ta’ l-istess tip il-kalkolu tal-valur stmat tal-kuntratt għandu jkun ibbażat fuq il-valur totali attwali tal-kuntratti suċċessivi mogħtijin matul it-12-il xahar ta’ qabel. L-istima għandha tiġi aġġustata, jekk ikun possibbli biex jiġi kkunsidrat it-tibdil fil-kwantità u l-valur li huwa mistenni li jkun hemm matul it-12-il xahar wara l-kuntratt inizjali.
7. Jekk kuntratt jinqasam f’diversi lottijiet, jew jekk diversi kuntratti li għandhom jingħataw huma interrelatati mill-qrib u għandhom l-istess ħidmiet bħall-għan tagħhom, għandu jiġi kkunsidrat il-valur totali tal-lottijiet kollha jew il-kuntratti individwali. Jekk il-valur totali huwa daqs jew jaqbeż il-limitu ta’ ammonti stabbilit fl-Artikolu 4(3), il-proċeduri preskritti fil-Kapitolu II ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw għal-lottijiet u l-kuntratti kollha. Iżda l-BĊE jista’ japplika l-proċedura preskritta fl-Artikolu 29 jew, jekk japplika, fl-Artikolu 31 fir-rigward tal-lottijiet/kuntratti individwali li l-valur stmat tagħhom huwa anqas minn EUR 80 000, nett mill-VAT, għall-provvisti u servizzi u anqas minn EUR 1 miljun, nett mill-VAT, għal xogħlijiet, iżda l-valur stmat totali tal-lottijiet kollha eżentati m’għandhomx jaqbżu l-20 % tal-valur stmat totali tal-lottijiet kollha.
8. Il-valur ta’ ftehim qafas għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur massimu stmat, nett mill-VAT, tal-kuntratti kollha maħsubin għat-terminu kollu tal-ftehim qafas.
Artikolu 6
Eċċezzjonijiet
1. Fil-każijiet li ġejjin il-BĊE jista’ jagħti kuntratt direttament lil fornitur wieħed jew ma jsegwix l-obbligi proċedurali speċifiċi:
(a) |
meta, għal raġunijiet obbligatorji, il-kuntratt jista’ jingħata biss lill-fornitur wieħed. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu ta’ natura teknika, artistika jew legali, imma mhux ekonomika; |
(b) |
meta għal raġunijiet ta’ urġenza kbira li tinqala’ minħabba ġrajjiet mhux previsti għall-BĊE, it-termini taż-żmien għall-proċeduri ta’ l-akkwisti ma jkunux jistgħu jitħarsu; |
(ċ) |
meta l-BĊE ikun ikklassifika l-kuntratt bħala sigriet jew meta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt għandha tiġi akkumpanjata minn miżuri ta’ sigurtà speċjali, skond ir-regoli tal-BĊE dwar sigurtà jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tal-BĊE jkunu jeħtieġu hekk; |
(d) |
fl-każ ta’ provvisti meta l-prodotti involuti huma immanifatturati sempliċiment għall-iskop ta’ riċerka, esperimentazzjoni, studju jew żvilupp; din id-dispożizzjoni ma testendix għall-produzzjoni fil-kwantità biex tiġi stabbilita l-vijabbiltà kummerċjali jew biex jinġabru l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp; |
(e) |
fil-każ ta’ xiri ta’ provvisti b’kundizzjonijiet vantaġġużi ħafna, jew minn fornitur li jkun qed jillikwida l-attivitajiet kummerċjali tiegħu, jew ir-riċevituri jew l-istralċjarji f’falliment, arranġament mal-kredituri, jew proċedura simili skond il-liġijiet nazzjonali jew regolamenti. |
2. Irrispettivament mill-valur tal-kuntratt, il-BĊE jista’ jagħmel sejħa għal offerti għal kuntratt skond l-Artikolu 29 jekk l-oġġett prinċipali tal-kuntratt huwa wieħed mis-servizzi li ġejjin:
(a) |
servizzi tal-lukandi u r-ristoranti; |
(b) |
servizzi legali; |
(ċ) |
l-ippostjar tal-persunal u servizzi ta’ provvista; |
(d) |
servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ sigurtà; |
(e) |
servizzi edukattivi u ta’ edukazzjoni vokazzjonali; |
(f) |
servizzi rikreattivi, kulturali u sportivi. |
Artikolu 7
Perjodu ta’ żmien u estensjonijiet
1. Bħala regola kuntratt m’għandux idum aktar minn erba’ snin ħlief f’każijiet ġustifikati.
2. Jekk kuntratt jiġi konkluż għal terminu fiss, dan it-terminu jista’ jiġi estiż għal aktar mit-terminu inizjali bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-avviż ta’ kuntratt jew, fil-każ ta’ proċedura skond il-Kapitolu III it-talba għal proposta, kienu jaħsbu għall-possibbiltà ta’ estensjonijiet; u |
(b) |
l-estensjonijiet possibbli huma debitament ġġustifikati; u |
(ċ) |
l-estensjonijiet possibbli tqiesu meta ġie kkalkulat il-valur tal-kuntratt skond l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni. |
L-estensjonijiet kollha m’għandhomx jaqbżu t-terminu inizjali tal-kuntratt.
3. Altrimenti, it-terminu ta’ kuntratt b’terminu fiss jista’ jiġi estiż biss skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6.
Artikolu 8
Provvisti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali
1. Il-BĊE jista’ jordna provvisti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali mill-kuntrattur li inizjalment kien ingħata l-kuntratt iżda:
(a) |
id-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti għandha taħseb għal provvisti, servizzi u xogħlijiet addizzjonali bħala għażla; u |
(b) |
il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali kienu tqiesu meta ġie kkalkolat l-valur tal-kuntratt skond l-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni. |
2. Barra minn dan, il-BĊE jista’ jordna mingħand il-kuntrattur inizjali l-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali li jinqala’ l-bżonn tagħhom biex jintlaħaq l-iskop tal-kuntratt minħabba ċirkustanzi mhux previsti, iżda:
(a) |
il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali ma jkunux jistgħu teknikament jew ekonomikament jiġu separati mill-kuntratt inizjali mingħajr inkonvenjent kbir; jew |
(b) |
il-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali, għalkemm separabbli mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt inizjali, huma strettament meħtieġa biex jitlesta. |
Iżda, l-valur aggregat tal-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet m’għandux jaqbeż bħala regola l-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt inizjali.
3. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma jiġux sodisfatti, kuntratti għall-provvisti, is-servizzi u x-xogħlijiet addizzjonali jistgħu jingħataw biss skond l-Artikoli 4 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni.
KAPITOLU II
PROĊEDURI TA’ SEJĦIET GĦAL OFFERTI PUBBLIĊI
TAQSIMA 1
Tipi ta’ proċeduri
Artikolu 9
Deskrizzjoni fil-qosor
1. Il-BĊE għandu jagħti kuntratti li l-valur stmat tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ ammonti stabbiliti iktar ‘il fuq bi proċedura miftuħa. F’każijiet ġustifikati l-BĊE jista’ japplika proċedura ristretta, proċedura nnegozjata jew djalogu kompetittiv skond il-kundizzjonijiet ta’ hawn taħt.
2. Il-BĊE jista’ jagħmel ukoll ftehim ta’ qafas jew sistemi ta’ xiri dinamiċi u jagħti kuntratti fuq dik il-bażi skond il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt fl-Artikoli 15 u 16 rispettivament.
3. Il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiżdiedu b’irkant elettroniku kif deskritt hawn isfel fl-Artikolu 17.
4. Il-BĊE jista’ jniedi wkoll kompetizzjonijiet għal disinn. Il-proċedura għal kompetizzjoni għal disinji għandha tiġi stabbilita fl-avviż tal-kompetizzjoni u tikkonforma mal-prinċipji ġenerali tal-kompetizzjonijiet għal disinji.
Artikolu 10
Pubblikazzjoni ta’ opportunitajiet għal akkwisti
1. Jekk il-BĊE jkun irid jagħmel proċedura għal sejħa għal offerti skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu II għandu jippubblika avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u permezz tal-websajt tal-BĊE. Kull meta jkun xieraq, il-BĊE jista’ jagħmel riklami fil-medja rilevanti oħra. L-avviżi fuq il-websajt u/jew medja oħrajn m’għandhomx jippreċedu l-pubblikazzjoni ta’ l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-każ ta’ diskrepanzi bejn il-verżjonijiet differenti ta’ l-avviż, il-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali hija awtentika u għandha tieħu preċedenza fuq il-verżjonijiet l-oħrajn.
2. Il-BĊE jista’ jippubblika wkoll avviż ta’ informazzjoni minn qabel li jindika l-valur stmat totali tal-kuntratti, skond il-kategorija ta’ servizzi jew gruppi ta’ prodotti, u l-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti tax-xogħol li fiħsiebu jagħti matul sena ta’ l-estimi. F’dan il-każ, it-termini biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet u l-offerti skond l-Artikolu 18(4) jistgħu jitqassru għall-akkwisti kollha indikati fl-avviż.
Artikolu 11
Proċedura miftuħa
1. Mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, il-fornituri kollha interessati jistgħu jitolbu l-konsenja ta’ l-istedina għal offerti jekk mhijiex disponibbli elettronikament. Il-BĊE għandu jipprovdi l-istedina għal offerti fi żmien sitt ijiem minn meta jirċievi t-talba iżda t-talba għandha issir fiż-żmien biżżejjed qabel it-terminu biex jintbagħtu l-offerti.
2. Dawk interessati li jagħmlu l-offerta għandhom jibagħtu l-offerta tagħhom fit-termini ffissati mill-BĊE u jinkludu d-dokumentazzjoni kollha mitluba mill-BĊE.
3. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min jagħmel offerta li tissodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt/l-istedina għal offerti.
Artikolu 12
Proċedura ristretta
1. Il-BĊE jista’ japplika l-proċedura ristretta jekk:
(a) |
il-ħtiġijiet tal-BĊE jistgħu jiġu ddefiniti f’tant dettall li s-sejħiet għal offerti jistgħu jitqabblu ma’ xulxin u l-kuntratt jista’ jingħata mingħajr aktar negozjati ma’ min jagħmel l-offerta; u |
(b) |
jkun meħtieġ li jiġi ristrett in-numru ta’ sejħiet għal offerti għal raġunijiet amministrattivi jew minħabba n-natura ta’ l-akkwist. |
2. Meta jiġi ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt fornituri interessati jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ristretta. Għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom fl-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.
3. Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikanti skond il-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden ta’ l-anqas ħames kandidati eliġibbli li jissodisfaw l-kriterji ta’ l-għażla biex jibagħtu offerta, iżda għandu jkun hemm numru suffiċjenti ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla. L-istedina għal offerti għandha tintbagħat bil-miktub b’mod simultanju lill-kandidati kollha mistiedna biex jibagħtu offerta.
4. Dawk mistiedna għandhom jibagħtu l-offerta tagħhom fit-terminu ffissat mill-BĊE u jinkludu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.
5. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil dak li jagħmel l-offerta li tissodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-istedina għal offerta.
Artikolu 13
Proċedura nnegozjata
1. Il-BĊE jista’ japplika proċedura nnegozjata fil-każijiet eċċezzjonali li ġejjin:
(a) |
meta n-natura tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi jew ir-riskji li hemm magħhom ma jippermettux li jkun hemm prezz globali minn qabel; jew |
(b) |
fejn in-natura tas-servizzi hija tali li l-ispeċifikazzjonijiet ma jistgħux ikunu stabbiliti bi preċiżjoni suffiċjenti biex il-kuntratt ikun jista’ jingħata bl-għażla ta’ l-aħjar offerta skond ir-regoli li jiggvernaw proċeduri miftuħin jew ristretti. |
2. Il-BĊE jista’ juża wkoll l-proċedura nnegozjata meta ma jkunu nkisbu l-ebda offerti aċċettabbli b’risposta għal proċedura miftuħa jew ristretta jew djalogu kompetittiv sakemm il-kundizzjonijiet oriġinali tal-kuntratt ma jkunux inbidlu b’mod sostanzjali. Il-BĊE jista’ ma jippubblikax avviż ta’ kuntratt ġdid jekk jinkludi fil-proċedura nnegozjata esklużivament kull min għamel l-offerti u pparteċipa fil-proċedura ta’ qabel, issodisfa l-kriteri ta’ l-għazla u bagħat l-offerta tiegħu skond il-ħtiġijiet formali ta’ l-offerta. Jekk ma tkun inkisbet l-ebda offerta jew l-ebda offerta li tissodisfa l-ħtiġijiet formali tas-sejħa għal offerti l-BĊE jista’ jibda wkoll proċedura nnegozjata mingħajr avviż skond l-Artikolu 29.
3. Meta jiġi ppubblikat avviż ta’ kuntratt, fornituri interessati jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni fil-proċedura nnegozjata. Għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sa l-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.
4. Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skond il-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet kandidati eliġibbli li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla biex jagħmlu offerta, iżda għandu jkun hemm numru biżżejjed ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla. L-istedina għal offerta għandha tintbagħat bil-miktub u b’mod simultanju lill-kandidati kollha mistiedna biex jibagħtu offerta.
5. Wara l-valutazzjoni ta’ l-offerti, il-BĊE jista’ jinnegozja ma’ min jagħmel offerta biex l-offerta tiegħu tiġi konformi mal-ħtiġijiet tal-BĊE. Il-BĊE jista’ jibda negozjati jew:
(a) |
ma’ min ikun għamel l-aħjar offerta. Jekk in-negozjati ma’ dan ifallu, il-BĊE jista’ jibda negozjati ma’ min ikun għamel it-tieni l-aħjar offerta; jew |
(b) |
b’mod simultanju ma’ kull min għamel offerta li essenzjalment tissodisfa il-ħtiġijiet tekniċi u kummerċjali tal-BĊE. F’dak il-każ, in-numru ta’ dawk li jkunu għamlu l-offerti li jiġu ammessi għan-negozjati jista’ jitnaqqas fi stadji suċċessivi bl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta. |
Qabel ma jibdew in-negozjati, il-BĊE għandu jinforma lil kull min għamel l-offerta fuq kif ser jitmexxew in-negozjati.
6. L-ambitu tan-negozjati jista’ jinkludi l-offerti tekniċi ta’ min jagħmel l-offerta, offerti kummerċjali u l-pattijiet u l-kundizzjonijiet kuntrattwali iżda l-ambitu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti m’għandux jinbidel b’mod sostanzjali. Il-BĊE jista’ jistieden ukoll lil min jagħmel offerta biex jibgħat offerta riveduta. Matul in-negozjati l-BĊE għandu jiżgura t-trattament ugwali ta’ kull min jagħmel offerta li jiġi mistieden għan-negozjati.
7. Meta jagħlqu n-negozjati, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min ikun issodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti fl-offerta tiegħu kif stabbilit fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerti.
Artikolu 14
Djalogu kompetittiv
1. Il-BĊE jista’ jagħmel djalogu kompetittiv fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi meta ma jkunx possibbli li jiġu definiti l-ħtiġijiet tal-BĊE b’mod li l-kuntratt jista’ jingħata permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta.
2. Mal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, fornituri interessati jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni fid-djalogu. Għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom sa l-iskadenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt u jipprovdu d-dokumentazzjoni mitluba mill-BĊE.
3. Il-BĊE għandu jivverifika l-eliġibbiltà tal-kandidati u jivvaluta l-applikazzjonijiet skond il-kriterji ta’ l-għażla stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt. Il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet kandidati eliġibbli biex jipparteċipaw fid-djalogu u jipprovdihom b’talba għal proposta li tispjega l-ħtiġijiet tal-BĊE. L-għan tad-djalogu huwa biex tiġi identifikata s-soluzzjoni li hija l-aktar xierqa biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-BĊE. Il-BĊE jista’ jiddiskuti l-aspetti kollha tal-kuntratt mal-kandidati magħżulin.
4. Matul id-djalogu, il-BĊE għandu jiżgura trattament ugwali mal-kandidati kollha. Barra minn hekk, il-BĊE m’għandux jiżvela lill-kandidati l-oħrajn soluzzjonijiet proposti jew informazzjoni konfidenzjali oħra kkommunikata minn kandidat li jipparteċipa fid-djalogu mingħajr il-ftehim tagħhom bil-miktub.
5. Il-BĊE għandu jkompli d-djalogu sakemm ikun jista’ jidentifika s-soluzzjoni jew soluzzjonijiet, jekk meħtieġ wara li jqabbilhom, li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħu. Jekk ikun pprovdut hekk fl-avviż ta’ kuntratt jew it-talba għal proposta, il-BĊE jista’ jagħmel id-djalogu fi stadji suċċessivi biex inaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet li jiġu diskussi matul l-istadju tad-djalogu. Il-BĊE għandu jagħżel soluzzjonijiet biex jiġu kkunsidrati billi jiġu applikati l-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew it-talba għal proposta.
6. Meta jiddikjara li d-djalogu ġie konkluż, il-BĊE għandu jistaqsi lill-kandidati parteċipanti fid-djalogu biex jibagħtu l-offerti finali fuq il-bażi tas-soluzzjonijiet ppreżentanti u speċifikati matul id-djalogu.
7. Il-BĊE għandu jivvaluta l-offerti li jirċievi skond l-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew it-talba għal proposta. Il-BĊE jista’ jitlob lil kull min jagħmel offerta biex jikkjarifika jew jispeċifika ċerti aspetti ta’ l-offerta tagħhom jew biex jiġu kkonfermati impenji li jinsabu fl-offerta iżda dan m’għandux ikollu l-effett li jimmodifika aspetti sostanzjali ta’ l-offerta jew jgħawweġ il-kompetizzjoni jew jikkawża d-diskriminazzjoni. Meta titlesta l-valutazzjoni, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil dak li jkun għamel l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament.
Artikolu 15
Ftehim qafas
1. Il-BĊE jista’ juża ftehim qafas f’każijiet fejn b’mod regolari jikkonkludi kuntratti għal provvisti, servizzi jew xogħlijiet simili, mingħajr ma jkun jista’ jiddefinixxi l-ħinijiet ta’ konsenja eżatti u/jew il-ħtiġijiet ddettaljati.
2. Għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt li huwa ftehim qafas, il-BĊE għandu jsegwi l-proċeduri msemmijin iktar ‘il fuq għall-fażijiet kollha sakemm jingħata l-ftehim qafas. Jekk il-BĊE ikun irid jikkonkludi ftehim qafas ma’ diversi fornituri għandu jagħti ta’ l-anqas tliet ftehim iżda għandu jkun hemm numru suffiċjenti ta’ fornituri li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-għażla u ta’ għoti. L-avviż ta’ kuntratt għandu jispeċifika l-firxa u n-numru ta’ ftehim qafas li għandu jingħata.
Il-kuntratti ibbażati fuq il-ftehim qafas għandhom jingħataw skond il-proċeduri stabbiliti f’dan l-Artikolu.
3. Meta ftehim qafas jiġi konkluż ma’ fornitur wieħed, kuntratti bbażati fuq dak il-ftehim għandhom jingħataw fil-limiti tat-termini stabbiliti fil-ftehim qafas. Safejn ikun meħtieġ, il-BĊE jista’ jitlob lill-fornitur bil-miktub biex jissupplimenta l-offerta inizjali tiegħu. Dawn l-offerti supplimentari m’għandhomx iġibu bidliet sostanzjali għall-pattijiet u l-kundizzjonijiet preskritti fil-ftehim qafas.
4. Meta ftehim qafas jiġi konkluż ma’ diversi fornituri, il-kuntratti jistgħu jingħataw jew:
(a) |
bl-applikazzjoni ta’ kriterji stabbiliti fil-ftehim qafas mingħajr ma jerġa’ jkun hemm kompetizzjoni; jew |
(b) |
meta kriterji bħal dawn ma jkunux definiti, il-BĊE jista’ jerġa’ jniedi kompetizzjoni fost il-fornituri li magħhom ikun hemm ftehim qafas. |
Fl-aħħar każ, il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt skond il-proċedura li ġejja:
— |
il-BĊE għandu jistieden lill-fornituri bil-miktub biex jibagħtu offerta qabel it-terminu speċifikat fit-talba għal proposta. It-talba għal proposta għandha tispeċifika wkoll il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom ser jingħata l-kuntratt, u |
— |
il-fornituri għandhom jibagħtu l-offerti tagħhom bil-miktub fit-terminu stabbilit tal-BĊE, u |
— |
il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min ikun għamel l-aħjar offerta fuq il-bażi tal-kriterji ta’ l-għoti stabbilit fit-talba għal proposta. |
Artikolu 16
Sistemi ta’ xiri dinamiċi
1. Il-BĊE jista’ jakkwista oġġetti, servizzi u xogħlijiet użati b’mod komuni permezz ta’ sistemi ta’ xiri dinamiċi. Sakemm ma jkunx speċifikat xort’oħra f’dan l-Artikolu, il-proċedura għandha ssegwi r-regoli tal-proċedura miftuħa.
2. Għall-finijiet tat-twaqqif ta’ sistema ta’ xiri dinamika, il-BĊE għandu:
(a) |
jippubblika avviż ta’ kuntratt li jgħid li qed tintuża sistema ta’ xiri dinamika u jkun fih referenza għall-indirizz fuq l-Internet fejn jistgħu jinstabu l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerta; u |
(b) |
joffri b’mezzi elettroniċi, mal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż u sa ma tiskadi s-sistema, aċċess bla restrizzjonijiet, dirett u sħiħ għall-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti u kull dokument addizzjonali ieħor; u |
(ċ) |
jindika fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti, fost affarijiet oħrajn, il-kriterji ta’ l-għażla u ta’ għoti, in-natura tax-xiri maħsub taħt dik is-sistema, kif ukoll l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar is-sistema tax-xiri, it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti tal-konnessjoni teknika u l-ispeċifikazzjonijiet. |
3. Kemm iddum miftuħa s-sistema għandha tkun disponibbli għall-kwalunkwe fornitur li jissodisfa l-kriterji ta’ l-għażla u jkun bagħat offerta indikattiva li tikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Min jagħmel offerta jista’ f’kull ħin itejjeb l-offerta indikattiva tiegħu iżda għandu jibqa’ jikkonforma mal-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. L-ebda drittijiet m’għandhom jintalbu mingħand min jagħmel offerta.
4. Meta jirċievi l-offerti indikattivi, il-BĊE għandu jivverifika fi żmien raġonevoli l-eliġibbiltà u l-konformità ta’ min jagħmel offerta mal-kriterji ta’ l-għażla. Għandu jivverifika wkoll jekk l-offerti indikattivi jissodisfawx il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti. Il-BĊE għandu jinforma lil min jagħmel offerta ma’ l-ewwel opportunità li jkun ġie ammess fis-sistema ta’ xiri dinamika jew li jkun ġie miċħud.
5. Kull kuntratt speċifiku li l-valur tiegħu jaqbeż il-limiti ta’ l-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) għandu jkollu stedina għal offerta separata. Qabel ma toħroġ din l-istedina, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta’ kuntratt simplifikat fil-Ġurnal Uffiċjali fejn jistieden il-fornituri kollha interessati biex jibagħtu offerta indikattiva, f’terminu li m’għandux ikun anqas minn 15-il jum mid-data meta jintbagħat l-avviż sempliċi. Il-BĊE m’għandux ikompli bis-sejħa għal offerti sakemm ma jkunx lesta l-valutazzjoni ta’ l-offerti kollha indikattivi li jkunu ġew irċevuti sa dak it-terminu.
6. Meta titlesta l-valutazzjoni, il-BĊE għandu jistieden lil kull min għamel l-offerta li jkun ġie ammess fis-sistema biex jibgħat offerta fi żmien raġonevoli. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min ikun għamel l-aħjar offerta skond il-kriterji ta’ l-għoti stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt għat-twaqqif ta’ sistema ta’ xiri dinamika. Jekk ikun xieraq dawk il-kriterji jistgħu jiġu fformulati b’mod aktar preċiż fl-istedina għal offerti.
7. Jekk il-valur ta’ kuntratt speċifiku huwa anqas mil-limitu ta’ ammonti stabbiliti fl-Artikolu 4(3) il-BĊE jista’ jistieden ħames jew tliet persuni li jkunu għamlu offerta ammessi fis-sistema skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.
8. Sistema ta’ xiri dinamika m’għandhiex tibqa’ għal aktar minn erba’ snin, ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati.
Artikolu 17
Irkantijiet elettroniċi
1. Ħlief għal djalogi kompetittivi, il-BĊE jista’ jissupplimenta l-proċeduri tas-sejħiet għal offerti imsemmijin iktar ‘il fuq b’irkant elettroniku iżda l-ispeċifikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni.
L-irkant elettroniku għandu jkun ibbażat fuq:
(a) |
jew il-prezzijiet biss meta l-kuntratt jingħata skond l-orħos prezz, jew |
(b) |
skond il-prezzijiet u/jew il-valuri l-ġodda tal-karatteristiċi tas-sejħa għal offerti indikati fis-sejħa għal offerti meta l-kuntratt jingħata lill-offerta li tkun l-aktar vantaġġuża ekonomikament. |
2. Jekk il-BĊE jkun irid jagħmel irkant elettroniku għandu jgħid dan fl-avviż ta’ kuntratt. Barra minn hekk, l-istedina għal offerti għandha tinkludi, fost l-oħrajn, id-dettalji li ġejjin:
(a) |
il-karatteristiċi, li l-valuri għalihom ikunu s-suġġett ta’ l-irkant elettroniku, iżda dawk il-karatteristiċi għandhom ikunu kwantifikabbli u jistgħu jiġu mfissrin f’figuri jew perċentwali; |
(b) |
kull limitu fuq il-valuri li jistgħu jintbagħtu, kif jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet dwar is-suġġett tal-kuntratt; |
(ċ) |
l-informazzjoni li ssir disponibbli lil min jagħmel offerta matul l-irkant elettroniku u, meta jkun xieraq, meta tkun disponibbli għalihom; |
(d) |
l-informazzjoni rilevanti dwar il-proċess ta’ irkant elettroniku; |
(e) |
il-kundizzjonijiet li taħthom min jagħmel offerta jkun jista’ joffri u, b’mod partikolari, id-differenzi minimi li, meta jkun xieraq, ikunu meħtieġa meta ssir l-offerta tal-prezz; |
(f) |
l-informazzjoni rilevanti dwar it-tagħmir elettroniku użat u l-arranġamenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnessjoni. |
3. L-irkant elettroniku għandu jinbeda biss wara li jintbagħtu l-offerti u ssir l-valutazzjoni inizjali. Kull min jagħmel offerta ammissibbli għandu jiġi mistieden simultanjament b’mezzi elettroniċi biex jibgħat prezzijiet u/jew valuri ġodda; l-istedina għandu jkollha l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-konnessjoni individwali mat-tagħmir elettroniku li qed jintuża u għandha ssemmi d-data u l-ħin ta’ l-irkant elettroniku. L-irkant elettroniku jista’ jsir f’numru ta’ fażijiet suċċessivi. L-irkant elettroniku ma jistax jibda qabel jumejn tax-xogħol wara d-data meta jkunu ħarġu l-istediniet.
4. Meta l-kuntratt għandu jingħata fuq il-bażi ta’ l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, l-istedina għandha tkun akkumpanjata bl-eżitu tal-valutazzjoni sħiħa ta’ min ikun għamel l-offerta rilevanti. L-istedina għandha ssemmi ukoll il-formula matematika li għandha tintuża fl-irkant elettroniku għad-determinazzjoni tar-rikklassifikar awtomatiku fuq il-bażi tal-prezzijiet il-ġodda u/jew il-valuri ġodda mibgħutin. Dik il-formula għandha tinkorpora l-ippeżar tal-kriterji fissi kollha għad-determinazzjoni ta’ l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, kif indikat fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokumenti ta’ l-offerta; għal dak il-għan, kull medda għandha madankollu, titnaqqas minn qabel għal valur speċifikat. Meta jiġu awtorizzati varjanti għandha tiġi pprovduta formula separata għal kull varjant.
5. Matul kull fażi ta’ irkant elettroniku l-BĊE għandu b’mod istantanju jikkomunika, ma’ kull min jagħmel offerta, ta’ l-anqas biżżejjed informazzjoni biex ikun jista’ jaċċerta l-ikklassifikar relattiv tiegħu f’kull mument. Jista’ jikkomunika wkoll informazzjoni oħra dwar prezzijiet jew valuri oħra sottomessi, bil-kundizzjoni li dak huwa stipulat fid-dokumenti ta’ l-offerta. F’kull ħin jista’ wkoll iħabbar in-numru ta’ parteċipanti f’dik il-fażi ta’ l-irkant. Madankollu l-BĊE m’għandux jiżvela l-identità ta’ kull min jagħmel offerta matul kwalunkwe fażi ta’ l-irkant elettroniku.
6. Il-BĊE għandu jagħlaq irkant elettroniku wara l-iskadenza tat-terminu indikat fl-istedina għall-parteċipazzjoni fl-irkant. It-terminu jista’ jingħata bħala data u ħin speċifiku jew bħala perjodu ta’ żmien li għandu jgħaddi wara s-sottomissjoni ta’ l-aħħar offerta bi prezzijiet jew valuri ġodda. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-istedina l-orarju għall-irkantijiet li jsiru f’fażijiet.
7. Wara li jagħlaq irkant elettroniku il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-irkant elettroniku.
Artikolu 18
Termini biex jiġu rċevuti l-applikazzjonijiet u biex jiġu rċevuti l-offerti
1. Meta jiġu ffissati t-termini biex jiġu rċevuti l-offerti jew l-applikazzjonijiet, il-BĊE għandu jikkunsidra partikolarment il-kumplessità tal-kuntratt u l-ħin meħtieġ għat-tħejjija ta’ l-offerti, mingħajr preġudizzju għat-termini minimi ffissati minn dan l-Artikolu.
2. Fil-każ ta’ proċeduri miftuħin, it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-offerti għandu jkun ta’ 52 jum mid-data meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt.
3. Fil-każ ta’ proċeduri ristretti, proċeduri nnegozjati u d-djalogu kompetittiv:
(a) |
it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-applikazzjonijiet għandu jkun ta’ 37 jum mid-data meta jintbagħat l-avviż ta’ kuntratt; u |
(b) |
it-terminu biex jiġu rċevuti l-offerti għandu jkun ta’ 40 jum mid-data meta tintbagħat l-istedina għal offerti. |
4. Meta l-BĊE jkun ippubblika avviż ta’ informazzjoni minn qabel skond l-Artikolu 10(2), li jkun intbagħat mill-anqas 52 jum qabel l-avviż ta’ kuntratt, it-terminu minimu biex jiġu rċevuti l-offerti, bħala regola ġenerali, għandu jitqassar għal 36 jum, imma taħt l-ebda ċirkustanza għal anqas minn 22 jum.
5. Meta avviżi ta’ kuntratt jitħejjew u jiġu trażmessi b’mezzi elettroniċi skond il-format u l-proċeduri għat-trażmissjoni preskritti mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej it-termini biex jiġu rċevuti l-offerti u l-applikazzjonijiet jistgħu jitqassru għal sebat ijiem.
6. It-termini biex jiġu rċevuti l-offerti jistgħu jitnaqqsu b’ħamest ijiem jekk il-BĊE joffri aċċess mhux ristrett u dirett permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-istedina għal offerta mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ kuntratt u jekk it-test ta’ l-avviż jispeċifika l-indirizz ta’ l-Internet fejn din id-dokumentazzjoni hija aċċessibbli. Dan it-tnaqqis jista’ jiżdied ma’ dak imsemmi fil-paragrafu 5.
7. Jekk, fi proċedura miftuħa, l-istedina għal offerta, għalkemm mitluba fi żmien, ma ssirx f’sitt ijiem, jew meta l-offerti jistgħu jsiru biss wara żjara fil-post jew wara spezzjoni fil-post tad-dokumenti li jakkumpanjaw l-istedina għal offerti, it-termini biex jiġu rċevuti l-offerti għandhom jiġu estiżi biex il-fornituri kollha jkollhom biżżejjed żmien biex jippreparaw l-offerti.
8. Fil-każ ta’ proċeduri ristretti u proċeduri nnegozjati, il-BĊE jista’ japplika proċedura aċċellerata, fejn minħabba l-urġenza t-termini stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jkunux prattiċi. F’dak il-każ għandhom japplikaw it-termini li ġejjin:
(a) |
terminu għall-irċevuta ta’ applikazzjonijiet li jistgħu ma jkunux anqas minn 15-il jum mid-data meta l-avviż ta’ kuntratt ikun intbagħat, jew inqas minn 10 ijiem jekk l-avviż intbagħat b’mezzi elettroniċi, skond il-format u l-proċedura biex jintbagħtu l-avviżi; u |
(b) |
terminu biex jiġu rċevuti l-offerti li m’għandux ikun anqas minn 10 ijiem mid-data ta’ meta tiġi rċevuta l-istedina għal-offerta. |
9. Qabel id-data ta’ l-iskadenza, il-BĊE jista’ jestendi t-termini stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew id-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti jekk jimmodifika d-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti jew f’każijiet oħrajn debitament iġġustifikati.
TAQSIMA 2
Kif titmexxa l-proċedura
Artikolu 19
Komunikazzjoni mal-kandidati u ma’ min jagħmel l-offerta
1. Matul il-proċedura tas-sejħa għal offerti, il-kandidati u min jagħmel offerta għandhom jikkomunikaw biss mal-persuna(i) ta’ kuntatt indikati mill-BĊE. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt u/jew stedina għal offerta l-mezz ta’ komunikazzjoni li għandu jintuża. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni għandhom ikunu disponibbli b’mod ġenerali u mhux diskriminatorji.
2. Il-kandidati/min jagħmel offerta għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet/offerti tagħhom bil-miktub skond il-ħtiġijiet stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt/stedina għal offerta.
3. Il-BĊE jista’ jagħmel proċeduri għal sejħa għal offerti elettroniċi skond il-ħtiġijiet ġenerali għall-akkwist elettroniku kif rifless fl-Artikolu 42 tad-Direttiva ta’ l-Akkwist fir-rigward ta’ l-Anness X. F’dan il-każ, l-avviż ta’ kuntratt għandu jispeċifika partikolarment il-ħtiġijiet formali li għandhom jiġu osservati mill-kandidati/min jagħmel offerta u kif isir l-aċċess għall-pjattaforma elettronika. Il-BĊE jista’ jiddetermina li jaċċetta biss applikazzjonijiet/offerti elettroniċi.
4. Kandidati jew min jagħmel l-offerti jistgħu jibagħtu domandi bil-miktub dwar l-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom lill-BĊE skond il-kundizzjonijiet preskritti fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta. Il-BĊE għandu jirrispondi dawn id-domandi f’termini raġonevoli, u għandu jikkomunika r-risposti lill-kandidati/min jagħmel l-offerti fuq bażi anonima jekk huma ta’ rilevanza għalihom kollha.
5. Il-BĊE għandu jiżgura li l-informazzjoni pprovduta mill-kandidati u minn min jagħmel offerta tiġi ttrattat u tinħażen skond il-prinċipju tal-kunfidenzjalità u, safejn tingħata data personali, skond ir-Regolament 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tad-data (5).
Artikolu 20
Talbiet għal aktar dokumentazzjoni u kjarifiki
Wara li l-BĊE jkun fetaħ l-applikazzjonijiet jew l-offerti, jista’ jitlob lil kandidati u min jagħmel offerta biex jissupplimentaw id-dokumentazzjoni pprovduta jew biex jiġu kkjarifikati punti speċifiċi. Dawn it-talbiet m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni ġusta bejn jew iwasslu għal trattament mhux ugwali bejn il-kandidati/min jagħmel offerta u m’għandhomx iwasslu għal bidla fit-termini ta’ l-applikazzjonijiet jew l-offerti.
Artikolu 21
Rettifika tad-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti
1. Jekk il-BĊE jiskopri, qabel l-iskadenza tat-termini biex jintbagħtu l-applikazzjonijiet jew l-offerti, żball, nuqqas ta’ preċiżjoni, ommissjoni jew xi tip ieħor ta’ żball fit-test ta’ l-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom, għandu jirrettifika l-iżball u jinforma lill-kandidati jew lil min ikun għamel l-offerta b’mod xieraq.
2. Jekk il-kandidati jew min jagħmel offerta jikkonsidraw li l-ħtiġijiet tal-BĊE preskritti fl-avviż ta’ kuntratt, l-istedina għal offerta jew id-dokumenti li jakkumpanjawhom m’humiex kompleti, m’humiex konsistenti jew huma illegali għandhom jinnotifikaw it-tħassib tagħhom lill-BĊE bil-miktub. Il-kandidat/min jagħmel offerta għandhom jinnotifikaw it-tħassib tagħhom mingħajr dewmien wara li jsiru jafu bl-irregolarità jew meta setgħu jsiru jafu biha. Il-BĊE mbagħad jew jikkoreġi jew jissupplimenta l-ħtiġijiet kif mitlub jew jiċħad it-talba u jindika r-raġunijiet għal dan. L-oġġezzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-BĊE li ma jiġux ikkommunikati lill-BĊE mingħajr dewmien ma jistgħux jitqajmu fi stadju aktar tard.
Artikolu 22
Stedina għal offerta
1. Bħala regola, l-istedina għal offerta għandu jkollha ta’ l-anqas:
(a) |
referenza għall-avviż ta’ kuntratt ippubblikat; |
(b) |
il-ħtiġijiet formali tas-sejħa għal offerti, b’mod partikolari t-terminu biex jiġu rċevuti l-offerti, l-indirizz fejn iridu jintbagħtu l-offerti, il-lingwa jew lingwi li bihom iridu jkunu miktubin l-offerti u l-forma li fiha għandhom jintbagħtu l-offerti u l-perjodu li matulu għandha tibqa’ valida l-offerta; u |
(ċ) |
l-għażliet dwar ix-xogħlijiet, is-servizzi u l-provvisti supplimentari, kif ukoll in-numru ta’ tiġdid u estensjonijiet possibbli; u |
(d) |
il-lista ta’ dokumenti li għandhom jintbagħtu minn min jagħmel l-offerta; u |
(e) |
l-ippeżar relattiv tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt jew, meta jkun xieraq, l-ordni dejjem tonqos fl-importanza ta’ dawn il-kriterji, jekk ma jingħatawx fl-avviż ta’ kuntratt. |
2. L-istedina għal offerta għandha tinkludi:
(a) |
kopja ta’ l-ispeċifikazzjonijiet li tfisser il-ħtiġijiet tal-BĊE jew, fil-każ ta’ djalogu kompetittiv, kopja ta’ talba għal proposta li tiddefinixxi l-ħtiġijiet tal-BĊE; u |
(b) |
kopja ta’ l-abbozz tal-kuntratt, tal-pattijiet u kundizzjonijiet ġenerali tal-BĊE jew tad-dokument li jispeċifika l-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt; u |
(ċ) |
kull dokumentazzjoni oħra li l-BĊE jikkonsidra ta’ rilevanza. |
Jekk dawn id-dokumenti isiru disponibbli b’mezzi elettroniċi l-istedina għal offerta għandha tispeċifika kif min jagħmel offerta jista’ jkollu aċċess għalihom.
TAQSIMA 3
Valutazzjoni
Artikolu 23
Ġenerali
1. Il-BĊE għandu jivvaluta l-offerti kollha skond il-kriterji ta’ l-għoti kif imsemmi fl-Artikolu 26 wara li jkun
— |
ivverifika l-ħtiġijiet formali tas-sejħa għal offerti, u |
— |
ivverifika l-eliġibbiltà ta’ min jagħmel l-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 24, u |
— |
ivvaluta jekk ġewx sodisfatti l-kriterji ta’ l-għażla msemmijin fl-Artikolu 25. |
2. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil min jagħmel offerta li tissodisfa l-aħjar il-kriterji ta’ l-għoti.
3. L-applikazzjonijiet u l-offerti m’għandhomx jinfetħu qabel l-iskadenza tad-data ta’ meta jridu jintbagħtu. L-applikazzjonijiet u l-offerti għandhom jinfetħu fil-preżenza ta’ mill-inqas żewġ membri ta’ l-istaff; il-ftuħ għandu jitniżżel f’minuti. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-kandidati jew min jagħmel offerta ma jistgħux jattendu l-ftuħ.
4. Il-proċess ta’ valutazzjoni u l-eżitu għandu jiġi ddokumentat fir-rapport tal-valutazzjoni.
Artikolu 24
L-eliġibbiltà tal-kandidati/min jagħmel l-offerta
1. Bla ħsara għall-paragrafi li ġejjin, il-persuni kollha naturali jew legali residenti jew li jinsabu fl-UE huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proċeduri tas-sejħa għal offerti. Il-proċeduri tas-sejħa għal offerti għandhom ikunu miftuħin ukoll b’kundizzjonijiet ugwali għall-persuni naturali u legali kollha residenti jew li jinsabu f’pajjiż terz li rratifika il-Ftehim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fuq l-Akkwisti mill-Gvern jew li kkonkludew ma’ l-UE ftehim bilaterali fuq l-akkwisti bil-kundizzjonijiet preskritti f’kull ftehim imsemmi. Fornituri minn pajjiżi terzi oħrajn jistgħu jiġu ammessi biex jipparteċipaw fid-diskrezzjoni tal-BĊE biss.
2. Gruppi temporanji ta’ fornituri jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri tas-sejħa għal offerti skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-istedina għal offerta. Il-BĊE jista’ jeżiġi li gruppi temporanji jadottaw forma legali speċifika jekk il-kuntratt jingħatalhom, jekk din il-forma tkun meħtieġa għall-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt.
3. Il-BĊE għandu jeskludi kandidati jew min jagħmel offerta minn parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti jekk kellhom kontrihom sentenza li għaddiet in ġudikat għall-frodi, korruzzjoni, money laundering, involviment f’attività f’organizzazzjoni kriminali jew attività illegali oħra li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, tal-BĊE jew tal-BĊNi.
4. Il-BĊE jista’ jeskludi kandidati jew min jagħmel offerta mill-parteċipazzjoni f’kull ħin jekk:
(a) |
huma falluti jew fi stralċ, jew huma taħt amministrazzjoni ġudizzjarja, daħlu f’arranġament mal-kredituri, issospendew l-attivitajiet tan-negozju, huma suġġetti għal proċeduri fuq dawn l-affarijiet, jew qegħdin f’kull sitwazzjoni analoga li tiġi minn proċedura bħal din irregolata minn leġiżlazzjoni jew regolamenti nazzjonali; |
(b) |
instabu ħatjin ta’ reat dwar l-aġir professjonali tagħhom b’sentenza li għandha forza ta’ ġudikat; |
(ċ) |
kienu ħatjin ta’ mġiba ħażina gravi professjonali; |
(d) |
ma ħarsux l-obbligi tagħhom dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali jew il-ħlas ta’ taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn huma stabbiliti jew ma’ dawk il-pajjiżi ta’ l-awtorità kontraenti jew tal-pajjiż fejn trid issir l-eżekuzzjoni tal-kuntratt; |
(e) |
ġew iddikjarati minn qorti jew tribunal ta’ l-arbitraġġ li kisru b’mod gravi kuntratt billi ma osservawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom wara proċedura oħra ta’ sejħa għal offerti; |
(f) |
il-maniġment, l-istaff jew l-aġenti huma suġġetti għal kunflitt ta’ interess; |
(ġ) |
huma ħatjin ta’ qerq fl-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa mill-BĊE; |
(g) |
jikkuntattjaw kandidati jew min jagħmel offerta oħrajn biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni. |
5. Kandidati jew min jagħmel offerta għandhom jiċċertifikaw li m’humiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fuq u/jew jipprovdu l-evidenza speċifikata fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta. Jekk jinqalgħu ċirkustanzi bħal dawn matul il-proċedura l-kandidat/min jagħmel l-offerta għandu jinforma lill-BĊE mingħajr dewmien b’dan.
Artikolu 25
Kriterji ta’ l-għażla
1. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt il-kriterji ta’ l-għażla għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-kandidat/min jagħmel l-offerta biex jiġi eżegwit il-kuntratt. Il-kriterji ta’ l-għażla għandhom jikkonċernaw il-kapaċità ekonomika, finanzjarja, teknika jew professjonali tal-kandidat jew ta’ min jagħmel l-offerta.
2. Il-BĊE jista’ jistabbilixxi l-livelli ta’ kapaċità minimi li taħthom ma jkunx jista’ jagħżel kandidati jew min jagħmel offerta. Dawn il-livelli minimi għandhom jiġu speċifikati fl-avviż ta’ kuntratt.
3. Barra minn dan, il-BĊE jista’ jitlob lill-kandidati jew lil min jagħmel offerta biex jippruvaw li huma awtorizzati li jeżegwixxu kuntratt skond il-liġi nazzjonali, kif jidher mill-inklużjoni f’reġistru kummerċjali jew professjonali, jew dikjarazzjoni bil-miktub jew ċertifikat, is-sħubija f’organizzazzjoni speċifika, awtorizzazzjoni espressa, jew daħla fir-reġistru tal-VAT.
4. Il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt id-dokumenti li għandhom jintbagħtu minn kandidati jew min jagħmel offerta bħala prova tal-kapaċità finanzjarja, ekonomika, teknika u professjonali tagħhom. Id-dokumentazzjoni mitluba m’għandhiex tmur lil hinn mis-suġġett tal-kuntratt u għandha tikkunsidra l-interessi leġittimi tal-fornituri fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti tekniċi u tan-negozju.
5. Jekk, għal xi raġuni eċċezzjonali li l-BĊE jikkunsidra ġġustifikata, min jagħmel l-offerta jew il-kandidat ma jkunux jistgħu jipprovdu d-dokumenti meħtieġa, jistgħu jippruvaw il-kapaċità tagħhom b’kull mezz ieħor li l-BĊE jikkonsidra xieraq.
6. Fornitur jista’, meta jkun xieraq u għal kuntratt partikolari, jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn, immaterjalment min-natura legali tar-rabtiet li jkollu magħhom. F’dak il-każ għandu jipprova lill-BĊE li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu r-riżorsi meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Taħt l-istess kundizzjonijiet, grupp temporanju ta’ fornituri jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet tal-parteċipanti fil-grupp.
Artikolu 26
Kriterji ta’ l-għoti
1. Il-BĊE jista’ jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew l-istedina għal offerta huwiex fiħsiebu jagħti l-kuntratt lil min jagħmel l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament jew lil dawk li joffru l-orħos prezz.
2. Meta l-għotja ssir għall-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, il-BĊE għandu jispeċifika fl-avviż ta’ kuntratt jew fl-istedina għal offerta jew, f’każ ta’ djalogu kompetittiv, fit-talba għal proposta:
(a) |
il-kriterji kwalitattivi li magħhom jiġu vvalutati l-offerti. Dawn il-kriterji għandhom jintrabtu mas-suġġett tal-kuntratt in kwistjoni u jistgħu jinkludu per eżempju l-kwalità, il-mertu tekniku, il-karatteristiċi tekniċi, l-ispejjeż ta’ kuljum, ta’ benefiċċju biżżejjed ipparagunat man-nefqa, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-assistenza teknika, id-data tal-konsenja u l-perjodu tal-konsenja jew l-perjodu tat-tlestija; u |
(b) |
l-ippeżar relattiv li jagħti lil kull kriterju magħżul biex jiddetermina l-aktar offerta vantaġġuża ekonomikament. Dak l-ippeżar jista’ jitfisser billi tiġi pprovduta medda b’firxa massima xierqa. |
Meta, fil-fehma tal-BĊE, l-ippeżar mhux possibbli għal raġunijiet li jistgħu jiġu ppruvati, għandu jindika l-kriterji f’ordni dejjem tonqos ta’ importanza.
Artikolu 27
Offerti baxxi b’mod anormali
1. Il-BĊE jista’ jirrifjuta offerti li jidhru baxxi żżejjed fir-rigward ta’ l-oġġetti, ix-xogħlijiet jew is-servizzi offruti.
2. Qabel ma jiġu rrifjutati dawn l-offerti, il-BĊE għandu jitlob bil-miktub id-dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li jikkonsidra rilevanti. Id-dettalji jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari:
(a) |
l-ekonomija tal-proċess ta’ manifattura, ta’ għoti tas-servizzi jew tal-metodu kostruttiv; jew |
(b) |
is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kull kundizzjoni favorevoli eċċezzjonali disponibbli għal min jagħmel l-offerta; jew |
(ċ) |
l-oriġinalità ta’ l-offerta; jew |
(d) |
il-konformità mad-dispożizzjoniiet dwar il-protezzjoni ta’ impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-seħħ fil-post fejn ser isir ix-xogħol, is-servizz jew il-provvista. |
Il-BĊE għandu jivverifika dawk l-elementi kostitwenti billi jikkunsidra l-ispjegazzjonijiet u l-evidenza li tiġi rċevuta.
3. Jekk min jagħmel l-offerta ikun irċieva l-għajnuna mill-Istat, il-BĊE jista’ jirrifjuta l-offerta fuq dik il-bażi biss sakemm min jagħmel l-offerta jkun jista’ jipprova, b’terminu fissat mill-BĊE, li l-għajnuna ngħatat legalment skond il-proċeduri u d-deċiżjonijiet speċifikati fir-regoli Komunitarji fuq l-għajnuna mogħtija mill-Istat.
Artikolu 28
Notifika tad-deċiżjonijiet dwar l-għażla u l-għoti
1. Mill-aktar fis kemm jista’ jkun għall-BĊE huwa għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu bil-miktub lil kull kandidat jew lil kull min jagħmel offerta li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom ġew miċħudin.
2 In-notifika għandha tinħareġ mill-anqas 15-il jum qabel il-firma tal-kuntratt mill-BĊE.
3. Kandidati u min jagħmel offerta jistgħu sa 15-il jum minn meta tiġi rċevuta n-notifika jitolbu lill-BĊE biex jipprovdi r-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ l-applikazzjoni jew l-offerta tagħhom. Dawk li ma jkollhomx suċċess fl-offerta tagħhom imma li l-offerta tagħhom kienet ammissibbli jistgħu jitolbu wkoll l-isem ta’ min ikun rebaħ l-offerta kif ukoll il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-offerta tiegħu.
4. Iżda, il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jżomm ċerta informazzjoni meta r-rilaxx ta’ din l-informazzjoni taffettwa l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ fornituri oħrajn, ittellef l-applikazzjoni tal-liġi jew tkun b’xi mod kontra l-interess pubbliku.
5. Barra minn dan, il-BĊE għandu jippubblika avviż ta’ għoti fil-Ġurnal Uffiċjali fuq l-eżitu tal-proċedura ta’ l-akkwist. L-avviż għandu jintbagħat fi 48 jum wara l-firma tal-kuntratt.
KAPITOLU III
AKKWISTI TAĦT IL-LIMITI
Artikolu 29
Proċedura mingħajr pubblikazzjoni ta’ avviż
1. Kuntratti li l-valur stmat totali tagħhom huwa taħt il-limiti speċifikati fl-Artikolu 4(3) u kuntratti ta’ servizz elenkati fl-Artikolu 6(2) għandhom jingħataw skond il-proċedura li ġejja.
2. Jekk il-valur tal-kuntratt jaqbeż jew huwa sa EUR 50 000 għall-oġġetti u servizzi jew EUR 500 000 għal xogħlijiet il-BĊE għandu jistieden mill-anqas ħames fornituri xierqa, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta fit-terminu stabbilit mill-BĊE.
Jekk il-valur tal-kuntratt jaqbeż jew huwa sa EUR 10 000 il-BĊE għandu jistieden mill-anqas tliet fornituri xierqa, jekk ikun hemm, biex jibagħtu offerta.
Fiż-żewġ każijiet, il-BĊE għandu jipprovdi lill-fornituri b’talba għal proposta li tispeċifika l-ħtiġijiet tal-BĊE u l-kriterji għall-għoti tal-kuntratt. Meta jistabbilixxi terminu biex jintbagħtu l-offerti l-BĊE għandu jikkunsidra l-kumplessità tal-kuntratt u l-ħin meħtieġ għat-tħejjija ta’ l-offerta.
3. Il-BĊE għandu jagħżel l-fornituri mistiedna biex jipparteċipaw fil-proċedura għall-offerti jew fost kull min ġie ammess biex għamel offerta fis-sistema tax-xiri dinamika jew, meta ma jkunx hemm sistema bħal din, minn lista ta’ fornituri rreġistrati jew, meta m’hemmx lista bħal din, fuq il-bażi ta’ analiżi tas-suq xierqa. L-għażla minn qabel ta’ fornituri xierqa hija fid-diskrezzjoni tal-BĊE biss. Il-lista ta’ fornituri rreġistrati għandha tkun miftuħa għal kull fornitur interessat li jipprovdi t-tip ta’ provvisti, servizzi u xogħlijiet li għalihom tħejjiet il-lista. Il-BĊE għandu jirreklama regolarment b’mezzi xierqa l-possibbiltà li wieħed jirreġistra f’dawn il-listi.
4. Alternattivament, il-BĊE jista’ jippubblika avviż ta’ kuntratt fuq il-websajt tiegħu jew juża medja oħra xierqa. F’dak il-każ it-talba għal proposta għandha tintbagħat lill-fornituri kollha li ddikjaraw l-interess tagħhom biex jipparteċipaw fit-terminu stabbilit mill-BĊE.
5. L-offerti li jiġu rċevuti għandhom ikunu vvalutati skond il-kriterji stabbiliti fit-talba għal proposta. Wara l-valutazzjoni ta’ l-offerti bil-miktub, il-BĊE jista’ jidħol f’negozjati ma’ min ikun għamel offerta jekk dik il-possibbiltà tkun ġiet imħabbra fit-talba għal proposta. In-negozjati jistgħu jsiru bħala negozjati konsekuttivi skond l-ordni li fih qegħdin dawk li għamlu l-offerta jew bħala negozjati paralleli magħhom kollha.
6. Il-BĊE għandu jagħti l-kuntratt lil dak li l-offerta tiegħu tissodisfa l-aħjar il-kriterji stabbiliti fit-talba għal proposta.
7. Il-proċedura għandha ssir skond il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3. L-Artikoli 19, 20, 21, 24 u 27 għandhom japplikaw skond il-każ.
Artikolu 30
Notifika lil min jagħmel l-offerta u lista ta’ kuntratturi
1. Wara d-deċiżjoni ta’ għoti, il-BĊE għandu jinforma bil-miktub lil kull min għamel l-offerta bl-eżitu tal-proċedura tas-sejħa għal offerti.
2. Min għamel l-offerta għandu fi żmien 15-il jum minn meta jirċievi n-notifika jitlob lill-BĊE biex jipprovdi r-raġunijiet ewlenin għaliex l-offerta ġiet rifjutata. L-Artikolu 28(4) għandu japplika skond il-każ.
3. Il-BĊE għandu jippubblika kull sena lista ta’ kuntratti b’valur ‘il fuq minn EUR 50 000 li ngħataw skond l-Artikolu 29 jew li għalihom saret eċċezzjoni skond l-Artikolu 6(1). Il-lista għandha tispeċifika l-isem tal-kuntratturi li ngħatawlhom kuntratti, is-suġġett u l-valur tal-kuntratti.
Artikolu 31
Għoti immedjat
Il-BĊE jista’ jagħti kuntratti fuq il-bażi ta’ offerta waħda jekk il-valur stmat tal-kuntratt huwa anqas minn EUR 10 000, nett mill-VAT, jew jekk saret eċċezzjoni skond Artikolu 6(1).
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 32
Tħassir tal-proċedura tas-sejħa għal offerti
1. Il-BĊE jista’ jħassar proċedura ta’ sejħa għal offerti f’kull mument qabel ma jiġi ffirmat l-kuntratt mingħajr l-kandidati jew min jagħmel offerta ma jkunu intitolati jitolbu xi kumpens.
2. Id-Deċiżjoni tal-BĊE biex tagħmel it-tħassir għandha tirrispetta l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3.
3. Il-BĊE għandu jissostanzja d-deċiżjoni u jġibha għall-attenzjoni tal-kandidati jew min jagħmel offerta.
Artikolu 33
Proċedura ta’ appell
1. Fi proċeduri ta’ sejħiet pubbliċi għall-offerti taħt il-Kapitolu II, kandidati/min jagħmel offerta jistgħu jisfidaw bil-miktub id-deċiżjoni tal-BĊE ta’ rifjut ta’ l-applikazzjoni jew offerta tagħhom fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 28(3) jew, jekk ma tintalab l-ebda informazzjoni, fi żmien 15-il jum minn meta jirċievu n-notifika. L-appell għandu jinkludi l-informazzjoni kollha ta’ appoġġ u l-oġġezzjonijiet immotivati.
2. L-appell għandu jiġi indirizzat mill-Korp ta’ Reviżjoni ta’ l-Akkwisti tal-BĊE (PRB). Jekk il-PRB jikkunsidra li d-deċiżjoni għar-rifjut ta’ l-applikazzjoni jew l-offerta ta’ l-appellant tikser din id-deċiżjoni jew il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-akkwisti għandu jordna li jew l-proċedura ta’ sejħa għal offerti jew partijiet minnha tittenna jew jieħu deċiżjoni finali. Jekk le l-appell jiġi miċħud. Il-PRB għandu jinnotifika lill-appellant bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu sa xahar wara li jirċievi l-appell. Id-deċiżjoni għandha tkun immotivata.
3. L-appell m’għandux ikollu effett ta’ sospensjoni. Jekk jara li jkun xieraq, il-PRB jista’ jissospendi l-proċedura ta’ akkwisti jew l-għoti tal-kuntratt.
Artikolu 34
Ġurisdizzjoni
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’kull tilwima bejn il-BĊE u fornitur dwar din id-Deċiżjoni jew xi proċedura speċifika ta’ akkwist. Jekk hemm lok ta’ proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 33 l-appellant għandu jistenna d-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-appell qabel ma jressaq l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. It-termini stabbiliti fit-Trattat għandhom jibdew jgħaddu minn meta tiġi rċevuta d-deċiżjoni ta’ appell.
Artikolu 35
Dħul fis-seħħ
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2007 u għandha tħassar u tissostitwixxi ċ-Ċirkolari Amministrattiva 05/2006 tas-27 ta’ Ġunju 2006 fuq akkwisti mill-BĊE.
2. Il-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti li nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jintemmu skond ċ-Ċirkolari Amministrattiva 05/2006. Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni proċedura ta’ sejħa għal offerti titqies li bdiet fil-jum meta l-avviż ta’ kuntratt intbagħat lill-Ġurnal Uffiċjali jew, fil-każijiet meta dan l-avviż mhux meħtieġ, fil-jum meta l-BĊE stieden fornitur wieħed jew iżjed biex jibgħat offerta.
Magħmula fi Frankfurt am Main, 3 ta’ Lulju 2007.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33.
(2) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2005, p. 1).
(4) ĠU L 320, 21.10.2004, p. 21.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).