EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32011R0883

Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 883/2011 tal- 25 ta’ Awwissu 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 25/2009 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2008/12) (BĊE/2011/12)

ĠU L 228, 3.9.2011, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 005 P. 183 - 185

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/12/2014; Imħassar b' 32013R1071

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/883/oj

3.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/13


REGOLAMENT TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (UE) Nru 883/2011

tal-25 ta’ Awwissu 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 25/2009 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2008/12)

(BĊE/2011/12)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (3)awtorizzat lil persuni legali biex joħorġu flus elettroniċi mingħajr il-ħtieġa li jiksbu l-istat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(2)

Bħala konsegwenza ta’ dan u sabiex jitkompla l-ġbir ta' statistika fis-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFMi) dwar l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li huma prinċipalment involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja bħala dawk li joħorġu l-flus elettroniċi, huwa meħtieġ illi d-definizzjoni ta’ IFMi tiġi aġġustata, u li għalhekk jiġu emendati wkoll id-definizzjonijiet ta’ ‘istituzzjoni ta’ flus elettroniċi’ u ta’ ‘flus elettroniċi’ f’dan ir-Regolament. Istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi fi ħdan is-settur tal-IFMi għandhom ikunu kklassifikati taħt il-kategorija ‘IFMi oħra’.

(3)

L-emendi għad-definizzjoni ta’ u r-rekwiżiti imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi skont id-Direttiva 2009/110/KE għamlu lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/32) (4) dwar l-għoti ta’ derogi għar-rekwiżiti ta’ rappurtar lil istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi skaduti u għalhekk id-dispożizzjonijiet rispettivi tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) għandhom jitħassru.

(4)

Il-linji gwida dwar definizzjoni komuni tal-fondi tas-swieq tal-flus Ewropei (MMFs) maħruġin fid-19 ta’ Mejju 2010 mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (CESR), il-predeċessur tal-Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq, għandhom l-għan li jtejbu l-protezzjoni tal-investitur billi jistabbilixxu l-kriterji li għandhom jiġu applikati minn kull fond li jixtieq jippromwovi lilu nnifsu bħala MMF u jservu bħala rakkomandazzjoni għal-leġiżlaturi nazzjonali Ewropej għal finijiet superviżorji. Fid-dawl ta’ dan, huwa xieraq illi fir-Regolament BĊE/2008/32 jiddaħħlu kriterji ta’ identifikazzjoni ġodda korrispondenti għall-MMFs għal finijiet ta’ statistika tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali sabiex il-popolazzjoni tal-MMFs tiġi allinjata mal-kriterji ta’ identifikazzjoni li huma mistennija li japplikaw għal finijiet superviżorji skont il-fuq imsemmija Linji Gwida tal-CESR. Fl-istess waqt, din il-bidla għandha l-għan li żżid it-trasparenza fis-suq u tiffaċilita r-rappurtar dwar il-ġestjoni tal-fondi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif gej:

(a)

L-ewwel inċiż huwa sostitwit b’li ġej:

“—

“istituzzjoni finanzjarja monetarja” (IFM) tfisser istituzzjoni ta’ kreditu residenti li tappartjeni għal wieħed mis-setturi li ġejjin:

(i)

banek ċentrali;

(ii)

istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE;

(iii)

IFMi oħra, jiġifieri (1) istituzzjonijiet finanzjarji oħra li n-negozju tagħhom huwa li (i) jirċievu depożiti u/jew sostituti viċini għal depożiti mingħand entitajiet li mhumiex IFMi; u (ii) f’isimhom, tal-anqas f’termini ekonomiċi, jagħtu kreditu u/jew jagħmlu investimenti f’titoli; jew (2) dawk l-istituzzjonijiet ta’ flus elettroniċi li huma prinċipalment involuti f’intermedjazzjoni finanzjarja fil-forma ta’ ħruġ ta’ flus elettroniċi;

(iv)

fondi tas-swieq tal-flus (MMFs) kif definiti fl-Artikolu 1a.

Fir-rigward tal-kriterju fil-punt (iii)(1)(i) aktar ‘il fuq, il-grad ta’ sostitwibbiltà bejn l-istrumenti maħruġin minn IFMi oħrajn u d-depożiti mpoġġija ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiddeterminaw il-klassifikazzjoni tagħhom bħala IFMi, sakemm jissodisfaw il-kriterju fil-punt (iii)(1)(ii),”.

(b)

It-tmien inċiż huwa sostitwit b’li ġej:

“—

“istituzzjoni ta’ flus elettroniċi” u “flus elettroniċi” ifissru istituzzjoni ta' flus elettroniċi u flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2(1) u 2(2) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7.”"

2.

L-Artiklu 1a li ġej huwa mdaħħal:

“Artikolu 1a

Identifikazzjoni ta’ MMFs

Għall-finijiet ta’ dan l-att legali, l-impriżi ta’ investiment kollettiv li jikkonformaw mal-kriterji kollha li ġejjin għandhom jiġu ttrattati bħala MMFs, fejn huma:

(a)

jagħmlu investiment bil-għan li jinżamm il-kapital ta’ fond u jingħata rendiment skont ir-rati ta’ imgħax ta’ strumenti tas-suq tal-flus;

(b)

jinvestu fi strumenti tas-suq tal-flus li jikkonformaw mal-kriterji għall-istrumenti tas-suq tal-flus stabbiliti f’Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (**), jew depożiti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew, bħala alternattiva, jiżguraw illi l-likwidità u l-valutazzjoni tal-portafoll li jinvestu fih jiġu evalwati fuq bażi ekwivalenti;

(c)

jiżguraw illi l-istrumenti tas-suq tal-flus li jinvestu fihom ikunu ta’ kwalità għolja, kif determinat mill-kumpanija għall-ġestjoni. Il-kwalità ta’ strument tas-suq tal-flus għandha tiġi kkunsidrata, inter alia, fuq il-bażi tal-fatturi li ġejjin:

il-kwalità tal-kreditu tal-istrument tas-suq tal-flus;

it-tip ta' klassi tal-attiv irrappreżentat mill-istrument tas-suq tal-flus;

għal strumenti finanzjarji strutturati, ir-riskju operattiv u tal-kontroparti inerenti fit-tranżazzjoni finanzjarja strutturata;

il-profil tal-likwidità;

(d)

jiżgura illi l-portafoll tagħhom ikollu maturità b’medja ppeżata (WAM) ta’ mhux aktar minn sitt xhur u tul tal-medja ppeżata (WAL) ta’ mhux aktar minn 12-il xahar;

(e)

jipprovdu valur nett tal-assi (NAV) ta’ kuljum u kalkolu tal-prezz tal-ishma/unitajiet tagħhom, u sottoskrizzjoni u fidi ta’ ishma/unitajiet ta’ kuljum;

(f)

jillimitaw l-investiment fit-titoli għal dawk b’maturità residwa sad-data tal-fidi legali ta’ anqas minn jew ekwivalenti għal sentejn, bil-patt illi ż-żmien li jkun baqa’ sad-data li jmiss li fiha terġa tiġi ssettjata mill-ġdid ir-rata ta’ imgħax ikun anqas minn jew ekwivalenti għal 397 jum filwaqt li t-titoli b’rata varjabbli għandhom jiġu ssettjati mill-ġdid għal rata jew indiċi tas-suq tal-flus;

(g)

jllimitaw l-investiment f’impriżi ta’ investiment kollettiv oħra għal dawk li jikkonformaw mad-definizzjoni ta’ MMFs;

(h)

ma jesponix ruħhom direttament jew indirettament għall-ekwità jew materja prima inkluż permezz ta’ derivati u li jużaw biss id-derivati skont l-istrateġija għall-investiment fis-suq tal-flus tal-fond. Derivati li jesponu l-kambju barrani jistgħu jintużaw biss għal finijiet ta’ iħħeġġjar. Investiment f’titoli li mhumiex f’munita bażi huwa permess sakemm l-iskopertura tal-munita tkun iħħeġġjata kollha;

(i)

għandhom NAV kostanti jew varjabbli.

(**)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.”"

3.

Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 4 huwa mħassar.

4.

Mingħajr preġudizzju għal Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, f’Parti 1 ta’ Anness I, Taqsima 2 hija sostitwita b’li ġej:

Taqsima 2:     Speċifikazzjonjiet għall-kriterji għall-identifikazzjoni tal-MMFs

Għall-finijiet ta’ Artikolu 1a ta’ dan ir-Regolament:

(a)

l-istrument tas-suq tal-flus għandu jkun meqjus bħala ta’ kwalita ta’ kreditu għolja, jekk ikun ingħata wieħed mill-ogħla żewġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq żmien qasir disponibbli minn kull aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rikonoxxuta li tkun ikklassifikat l-istrument jew, jekk l-istrument mhux ikklassifikat, ikun ta’ kwalità ekwivalenti kif determinat mill-proċess ta’ klassifikazzjoni intern tal-kumpanija għall-ġestjoni. Fejn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu rikonoxxuta taqsam l-ogħla klassifikazzjoni fuq żmien qasir f’żewġ katergoriji, żewġ klassifikazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala kategorija waħda u għaldaqstant l-ogħla klassifikazzjoni disponibbli;

(b)

il-fond tas-suq tal-flus jista’ bħala eċċezzjoni għar-rekwiżit fil-paragrafu (a), iżomm ħruġ sovran li huwa mill-anqas ta’ kwalita’ ta’ klassifika ta’ investiment, fejn ‘ħruġ sovran’ tfisser strumenti tas-suq tal-flus maħruġin jew iggarantiti minn awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali jew bank ċentrali ta’ Stat Membru, il-BĊE, l-Unjoni Ewropea jew il-Bank Ewropew għall-Investiment;

(c)

meta jkun qed jiġi kkalkolat il-WAL għal titoli, inklużi strumenti finanzjarji strutturati, il-kalkolazzjoni tal-maturità hija bbażata fuq il-maturità residwa sal-fidi legali tal-istrumenti. Madankollu, fejn strument finanzjarju jkollu opzjoni ta’ bejgħ integrata, id-data tat-twettiq tal-opzjoni ta’ bejgħ tista’ tintuża minflok il-maturità residwa legali biss jekk il-kundizzjonijet li ġejjin ikunu sodisfatti f’kull ħin:

l-opzjoni ta’ bejgħ tista’ tiġi eżerċitata liberament mill-kumpanija għall-ġestjoni fid-data tal-eżerċitar tagħha;

il-prezz tal-eżerċitar tal-opzjoni ta’ bejgħ jibqa’ viċin tal-valur mistenni tal-istrument fid-data tal-eżerċitar li jmiss;

l-istrateġija għall-investiment tal-MMF timplika illi hemm probabbiltà għolja illi l-opzjoni tiġi eżerċitata fid-data tal-eżerċitar li jmiss;

(d)

meta jkunu qed jiġu kkalkulati kemm il-WAL kif ukoll il-WAM, l-impatt tal-istrumenti finanzjarji derivati, id-depożiti u t-tekniċi ta’ ġestjoni tal-portafoll effiċjenti għandhom jiġu kkunsidrati;

(e)

‘maturità b’medja ppeżata’ (WAM) għandha tfisser kejl tat-tul ta’ żmien medju sal-maturità tat-titoli sottostanti kollha fil-fond ippeżat sabiex jirrifletti l-investimenti relattivi f’kull strument, bl-assunzjoni illi l-maturità ta’ strument b’rata varjabbli hija ż-żmien li għad baqa’ sakemm tiġi ssettjata mill-ġdid ir-rata ta’ imgħax għar-rata tas-suq tal-flus, minflok iż-żmien li għad baqa’ qabel ma jkollu jitħallas lura l-valur prinċipali tat-titolu. Fil-prattika, il-WAM jintuża biex titkejjel is-sensittività ta’ MMF għat-tibdil fir-rati ta’ imgħax tas-suq tal-flus;

(f)

‘tul tal-medja ppeżata’ (WAL) għandha tfisser il-medja ppeżata taż-żmien li għad fadal sal-maturità ta' kull titolu miżmum f'fond, jiġifieri ż-żmien sakemm il-kapital jitħallas lura kollu, filwaqt li jiġi injorat l-imgħax u mingħajr skont. Bil-kontra tal-kalkolazzjoni tal-WAM, il-kalkolazzjoni tal-WAL għal titoli b’rata varjabbli u strumenti finanzjarji strutturati ma tippermettix l-użu ta’ dati biex jiġu ssettjati mill-ġdid id-dati tal-imgħax u minflok tuża biss il-maturità finali ddikjarata ta’ titolu. il-WAL jintuża biex jitkejjel ir-riskju ta’ kreditu, peress illi aktar ma jdum jiġi pospost ir-rimborż tal-kapital, aktar ikun għoli r-riskju ta’ kreditu. Il-WAL jintuża wkoll biex jiġi limitat ir-riskju tal-likwidità;

(g)

‘strumenti tas-suq tal-flus’ tfisser strumenti li normalment jiġu negozjati fis-suq tal-flus li huma likwidi u għandhom valur li jista’ jiġi determinat b’mod preċiż f’kull ħin;

(h)

‘kumpanija għall-ġestjoni’ tfisser kumpanija li n-negozju regolari tagħha huwa l-ġestjoni tal-portafoll ta’ MMF.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżitorja

Il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) jistgħu jkomplu jiġbru tagħrif statistiku taħt ir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) mingħand l-MMFs residenti fl-Istati Membri tagħhom identifikati skont il-verżjoni preċedenti ta’ Taqsima 2 ta’ Parti 1 ta’ Anness I għar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2012. Huma għandhom jinnotifikaw lill-MMFs kollha kkonċernati bid-deċiżjoni tagħhom li japplikaw din id-dispożizzjoni tranżitorja. Il-BĊNi għandhom jibdew jiġbru t-tagħrif statistiku mingħand l-MMFs identifikati skont l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Frar 2012.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, pġ. 8

(2)  C(2011) 5090 finali

(3)  ĠU L 267, 10.10.2009, pġ. 7

(4)  ĠU L 15, 20.1.2009, p. 14.


Fuq