EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32011D0017(01)

2011/744/: Deċizjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 3 ta’ Novembru 2011 fuq l-implimentazzjoni tat-tieni programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti (BĊE/2011/17)

ĠU L 297, 16.11.2011, p. 70–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/10/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/744/oj

16.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 297/70


DEĊIZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Novembru 2011

fuq l-implimentazzjoni tat-tieni programm ta’ xiri ta’ bonds iggarantiti

(BĊE/2011/17)

(2011/744/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, fost affarijiet oħra, jixtru u jbiegħu strumenti negozjabbli b’mod definittiv.

(2)

Fis-7 ta’ Mejju 2009 u sussegwentement fl-4 u fit-18 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Governattiv iddeċieda, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali prevalenti fis-suq f’dak il-ħin, li jniedi programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (minn hawn ’il quddiem il-“programm”), b’ammont nominali totali mmirat ta’ EUR 60 biljun skont id-Deċiżjoni BĊE/2009/16 tat’2 ta’ Lulju 2009 fuq l-implimentazzjoni tal-programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (1). Taħt il-programm, il-BĊNi u, b’mod eċċezzjonali, il-BĊE f’kuntatt dirett mal-kontropartijiet jistgħu, skont is-sehem allokat lilhom, jiddeċiedu li jixtru bonds garantiti eliġibbli b’mod definittiv mingħand kontropartijiet eliġibbli fis-swieq primarji u sekondarji. Billi jitqiesu l-ħtiġjiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema u l-għanijiet tax-xiri ta’ bonds garantiti, il-programm kien imfassal bħala miżura temporanja għal perijodu ta’ tnax-il xahar u skada fit-30 ta’ Ġunju 2010.

(3)

Il-Kunsill Governattiv ideċieda illi t-tieni programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (minn hawn ’il quddiem it-“tieni programm”) għandu jitnieda. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom il-ħsieb li jimplimentaw it-tieni programm gradwalment, billi jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u l-ħtiġijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. L-għanijiet tat-tieni programm huma li jikkontribwixxi biex: (a) jittaffew l-kundizzjonijiet tal-iffinanzjar għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u impriżi; u (b) istituzzjonijiet ta’ kreditu jiġu inkoraġġiti biex iżommu u jkabbru s-self lill-klijenti tagħhom.

(4)

Bħala parti mill-politika monetarja waħdanija, ix-xiri b’mod definittiv ta’ bonds iggarantiti eliġibbli mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt it-tieni programm għandu jiġi implimentat b’mod uniformi, skont din d-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Twaqqif u ambitu tax-xiri b’mod definittiv ta’ bonds iggarantiti

L-Eurosistema stabbilixxiet it-tieni programm li taħtu l-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jixtru bonds iggarantiti eliġibbli b’ammont nominali mmirat ta’ EUR 40 biljun. Taħt it-tieni programm, bonds iggarantiti eliġibbli jistgħu jinxtraw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema mingħand kontropartijiet eliġibbli fis-swieq primarji u sekondarji skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà li jinsabu f’din id-Deċiżjoni. Il-Linja Gwida BĊE/2000/7 tal-31 ta’ Awwissu 2000 dwar l-istrumenti tal-politika monetarja u l-proċeduri tal-Ewrosistema (2) m’għandhiex tapplika għax-xiri b’mod definittiv ta’ bonds iggarantiti minn bank ċentrali tal-Eurosistema taħt it-tieni programm.

Artikolu 2

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal bonds iggarantiti

Bonds iggarantiti li huma: (a) eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja kif definiti fil-Linja Gwida BĊE/2000/7; (b) iddenominati f’euro; u (c) miżmumin u saldati fiż-żona euro, għandhom ikunu eliġibbli għal xiri b’mod definittiv taħt it-tieni programm, sakemm ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin:

1.

Huma għandhom ikunu jew: (a) bonds iggarantiti maħruġin skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE (3) (minn hawn ’il quddiem il-“bonds iggarantiti konformi mal-UCITS”); jew (b) bonds iggarantiti strutturati li joffru salvagwardji simili għal dawk ta’ bonds iggarantiti konformi mal-UCITS kif definiti f’Taqsima 6.2.3 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7.

2.

Kull ħruġ ta’ bonds iggarantiti għandu jkollu daqs ta’ ħruġ minimu ta’ EUR 300 miljun.

3.

Il-ħruġ ta’ bonds iggarantiti għandu jkollu klassifikazzjoni minima ta’ “BBB-” jew ekwivalenti, mogħtija minn tal-anqas waħda mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ewlenin.

4.

Il-bonds iggarantiti għandhom jinħarġu skont il-leġiżlazzjoni li tirregola l-bonds iggarantiti li tkun fis-seħħ fi Stat Membru taż-żona euro. F’każ ta’ bonds iggarantiti strutturati, il-liġi li tirregola d-dokumentazzjoni tal-bonds iggarantiti għandha tkun il-liġi ta’ Stat Membru taż-żona euro.

5.

Il-ħruġ ta’ bonds iggarantiti għandu jkollu maturità li għad fadlilha massimu ta’ 10,5 snin fil-ħin tax-xiri tat-titolu.

Artikolu 3

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontrpartijiet eliġibbli għat-tieni programm: (a) kontropartijiet domestiċi li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema kif definita f’Taqsima 2.1 ta’ Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2000/7; u (b) kull kontroparti oħra li tintuża minn bank ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta’ investiment tagħhom iddenominati f’euro.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finali

(1)   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

(2)   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Ottubru 2012.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Novembru 2011.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 175, 4.7.2009, p. 18

(2)  ĠU L 310, 11.12.2000, p. 1.

(3)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).


Fuq