EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32007D0015(01)

2007/850/KE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 22 ta’ Novembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2001/16 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 (BĊE/2007/15)

ĠU L 333, 19.12.2007, p. 86–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/12/2010; Impliċitament imħassar minn 32010D0023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/850/oj

19.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 333/86


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-22 ta’ Novembru 2007

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2001/16 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002

(BĊE/2007/15)

(2007/850/KE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa, ‘l quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”), b’mod partikolari l-Artikolu 32,

Billi:

(1)

L-Artikolu 32 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jistabbilixxi regoli ġenerali għall-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ta’ Stati Membri li adottaw l-euro. Ir-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ japplikaw ukoll għad-dħul li jirriżulta mill-kanċellament ta’ karti ta’ flus euro li jkunu ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni.

(2)

L-Artikolu 32.5 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ jispeċifika li s-somma tad-dħul monetarju tal-BĊNi hija allokata lill-BĊNi f’proporzjon ma’ l-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital tal-BĊE. Skond l-Artikolu 32.7 ta’ l-Istatut tas-SEBĊ, il-Kunsill Governattiv huwa kompetenti biex jieħu l-miżuri l-oħra kollha meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 32. Dan jinkludi l-kompetenza li jqis il-fatturi l-oħra meta jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tad-dħul li jirriżulta mill-kanċellament ta’ karti ta’ flus euro li jkunu ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni. F’dan il-kuntest, il-prinċipji tat-trattament ugwali u fairness jeħtieġu li jitqies il-perijodu ta’ żmien li matulu l-karti ta’ flus euro irtirati jkunu nħarġu. L-iskema ta’ allokazzjoni għal dan id-dħul speċifiku għandha għalhekk tirrifletti kemm is-sehem relevanti fil-kapital tal-BĊE u kemm it-tul tal-fażi tal-ħruġ.

(3)

L-irtirar ta’ karti ta’ flus euro jeħtieġ li jkun irregolat b’deċiżjonijet separati li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 ta’ l-20 ta’ Marzu 2003 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, l-iskambju u l-irtirar ta’ karti ta’ flus euro (1).

(4)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-passivi t’awtoritajiet tal-ħruġ, skond id-Deċiżjoni BĊE/2001/15 tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħruġ ta’ karti ta’ flus euro (2).

(5)

L-Artikolu 14(2) tal-Linja Gwida BĊE/2007/2 tas-26 t’April 2007 dwar is-Sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (3) jistabbilixxi li s-sistema TARGET2 se tissostitwixxi s-sistema TARGET ta’ bħalissa. Il-BĊNi ta’ l-Istati Membri li adottaw l-euro se jemigraw għat-TARGET2 skond l-iskeda speċifikata fl-Artikolu 13 tal-Linja Gwida BĊE/2007/2. Barra minn dan, ċerti BĊNi ta’ l-Istati Membri li m’adottawx l-euro se jikkunnettjaw mat-TARGET2 abbażi ta’ ftehim separat mal-BĊE u l-BĊNi ta’ l-Istati Membri li adottaw l-euro. Jinħtieġ għalhekk li jiġu aġġornati r-referenzi għat-“TARGET” fid-Deċiżjoni BĊE/2001/16 tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 (4).

(6)

Jinħtieġu wkoll xi tibdiliet oħra għad-Deċiżjoni BĊE/2001/16 fir-rigward tal-kejl tad-dħul monetarju u t-trattament ta’ karti ta’ flus euro frontloaded,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni BĊE/2001/16 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

Jiddaħħlu d-definizzjonijiet li ġejjin wara d-definizzjoni ta’ “rata ta’ referenza ta’ kuljum tal-kambju fi flus barranin”:

“(n)

‘karti ta’ flus euro irtirati’ tfisser kull tip jew serje ta’ karta ta’ flus euro li jkunu ġew irtirati miċ-ċirkolazzjoni b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv meħuda skond l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4;

(o)

‘skema tal-ħruġ’ tfisser l-iskema medja tal-kapital sottoskritt matul il-fażi tal-ħruġ ta’ xi tip jew serje ta’ karti ta’ flus euro irtirati;

(p)

‘fażi tal-ħruġ’, fir-rigward ta’ tip jew serje ta’ karta ta’ flus euro, tfisser il-perijodu li jibda mid-data li fiha l-ewwel ħarġa ta’ karta ta’ flus euro ta’ dan it-tip jew serje tiġi rreġistrata fil-bażi tar-riżerva, u li jispiċċa fid-data li fiha l-aħħar ħarġa ta’ karta ta’ flus euro ta’ dan it-tip jew serje tiġi rreġistrata fil-bażi tal-passiv;

(q)

‘tikkanċella’ tfisser l-eliminazzjoni ta’ karti ta’ flus euro irtirati mill-partita tal-karta tal-bilanċ ‘karti ta’ flus fiċ-ċirkolazzjoni’.”

2.

L-Artikolu 3(3) huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Fejn il-valur ta’ dak l-attiv li jista’ jiġi assenjat ta’ xi BĊN jeċċedi jew ikun anqas mill-valur tal-bażi tiegħu tal-passiv, id-differenza għandha tiġi bbilanċjata billi tiġi applikata r-rata ta’ referenza għall-valur tad-differenza.”

3.

Jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej wara l-Artikolu 5:

“Artikolu 5a

Kalkolu w allokazzjoni tad-dħul li jirriżulta mill-kanċellament ta’ karti ta’ flus euro

1.   Karti ta’ flus euro għandhom jibqgħu parti mill-bażi tal-passiv sakemm jiġu skambjati jew ikkanċellati, liema minnhom iseħħ l-ewwel.

2.   Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi li l-kanċellament ta’ karti ta’ flus euro irtirati, f’liema każ għandu jispeċifika d-data tal-kanċellament u l-ammont totali tal-provvediment li għandu jsir għal dawk il-karti ta’ flus euro irtirati li jkun mistenni li jkunu għad iridu jiġu skambjati.

3.   Karti ta’ flus euro għandhom jiġu kkanċellati kif ġej:

(a)

Fid-data tal-kanċellament, il-partiti tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE u tal-BĊNi ‘karti ta’ flus fiċ-ċirkolazzjoni’ għandhom jitnaqqsu bl-ammont totali ta’ karti ta’ flus euro irtirati li jkunu għadhom fiċ-ċirkolazzjoni. Għal dan l-iskop, l-ammonti attwali ta’ karti ta’ flus euro irtirati li jkunu tqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni għandhom jiġu aġġustati għall-ammonti pro-rata tagħhom ikkalkulati skond l-iskema tal-ħruġ, u d-differenzi għandhom jiġu settled bejn il-BĊE u l-BĊNi.

(b)

L-ammont aġġustat ta’ karti ta’ flus euro irtirati għandu jiġi kkanċellat mill-partita tal-karta tal-bilanċ ‘karti ta’ flus fiċ-ċirkolazzjoni” lill-kontijiet tal-profitt u t-telf tal-BĊNi.

(ċ)

Kull BĊN għandu jistabbilixxi provvediment għal karti ta’ flus euro irtirati li jkun mistenni li jkunu għad iridu jiġu skambjati. Il-provvediment għandu jkun ekwivalenti għas-sehem tal-BĊN relevanti fl-ammont totali tal-provvediment ikkalkulat bl-użu ta’ l-iskema tal-ħruġ.

4.   Karti ta’ flus euro irtirati li huma skambjati wara d-data tal-kanċellament għandhom ikunu rreġistrati fil-kotba tal-BĊN li jkun aċċettahom. Il-fluss ‘il ġewwa ta’ karti ta’ flus euro irtirati għandu jkun iddistribwit mill-ġdid bejn il-BĊNi ta’ lanqas darba f’sena, billi tiġi applikata l-iskema tal-ħruġ, u d-differenzi għandhom jiġu settled bejniethom. Kull BĊN għandu jpaċi l-ammont pro-rata kontra l-provvediment tiegħu jew, fil-każ li l-fluss ‘il ġewwa jeċċedi l-provvediment, jirreġistra spiża korrispondenti fil-kont tiegħu tal-profitt u t-telf.

5.   Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi kull sena l-ammont totali tal-provvediment.”

4.

L-Anness I huwa emendat skond l-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni.

5.

L-Anness II huwa emendat skond l-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.

6.

Ir-referenzi kollha fid-Deċiżjoni BĊE/2001/16 għat-“TARGET” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għat-“TARGET2” ladarba l-BĊN relevanti jkun emigra għat-TARGET2.

Artikolu 2

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 22 ta’ Novembru 2007.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 78, 25.3.2003, p. 16.

(2)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 52. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni BĊE/2006/25 (ĠU L 24, 31.1.2007, p. 13).

(3)  ĠU L 237, 8.9.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 337, 20.12.2001, p. 55. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni BĊE/2006/7 (ĠU L 148, 2.6.2006, p. 56).


ANNESS I

L-Anness I mad-Deċiżjoni BĊE/2001/16 huwa emendat kif ġej.

Jiddaħħal is-subparagrafu li ġej fit-tmiem tal-paragrafu 1 f’Parti A:

“Fil-każ li d-data tal-bidla tal-flus kontanti hija jum li fih it-TARGET/TARGET2 tkun magħluqa, il-passiv ta’ BĊN ġdid ta’ l-Ewrosistema li jirriżulta minn karti ta’ flus ewro li jkunu ġew frontloaded skond il-Linja Gwida BĊE/2006/9 ta’ l-14 ta’ Lulju 2006 dwar ċerti preparazzjonijiet għall-bidla tal-flus kontanti għall-ewro u dwar il-frontloading u s-sub-frontloading ta’ karti ta’ flus u muniti ewro barra ż-żona ta’ l-ewro (1), u li jkunu mbagħad daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti, jagħmel parti mill-bażi tal-passiv (bħala parti mill-kontijiet korrispondenti taħt il-partita tal-passiv 10.4 tal-HBS) sakemm il-passiv isir parti mill-passiv intra-Ewrosistema li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet tat-TARGET/TARGET2.



ANNESS II

L-Anness II mad-Deċiżjoni BĊE/2001/16 huwa emendat kif ġej.

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej fit-tmiem ta’ Parti A, wara t-tmiem tal-paragrafu li jgħid “skond kif fil-31 ta’ Diċembru 2002”:

“6.

talbiet li jirriżultaw minn karti ta’ flus ewro li jkunu ġew frontloaded skond il-Linja Gwida BĊE/2006/9 u li jkunu mbagħad daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti (parti mill-partita ta’ l-attiv 4.1 tal-HBS sad-data tal-bidla tal-flus kontanti u minn hemm ’il quddiem parti mill-kontijiet korrispondenti taħt il-partita ta’ l-attiv 9.5 tal-HBS), imma sakemm biss dik it-talba ssir parti mit-talbiet intra-Ewrosistema li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet tat-TARGET/TARGET2.”


Fuq