EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32012O0025

2012/791/UE: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 26 ta’ Novembru 2012 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2012/25)

ĠU L 348, 18.12.2012, p. 30–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Edizzjoni speċjali bil-Kroat: Kapitolu 10 Volum 006 P. 62 - 73

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 30/04/2015; Imħassar b' 32014O0060

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2012/791/oj

18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/30


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-26 ta’ Novembru 2012

li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema

(BĊE/2012/25)

(2012/791/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikoli 12.1, 14.3 u 18.2, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kisba ta’ politika monetarja waħdanija tinvolvi d-definizzjoni tal-istrumenti u l-proċeduri li jridu jintużaw mill-Eurosistema sabiex tiġi implimentata politika bħal din b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro.

(2)

Numru ta’ aġġornamenti huma meħtieġa biex jiġu indirizzati, fost oħrajn, l-introduzzjoni gradwali ta’ ħtiġijiet ta’ rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self fuq titoli ggarantiti minn assi, l-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tad-definizzjonijiet ta’ kupuni, id-dejta tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kalkolazzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji għal non-konformità ma’ obbligi tal-kontroparti.

(3)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emenda ta’ Anness I

Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 huwa emendat skont l-Anness ta’ din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Verifika

Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) għandhom jippreżentaw id-dettalji tat-testi u l-mezzi li permezz tagħhom huma għandhom il-ħsieb li jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara l-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mit-3 ta’ Jannar 2013.

Artikolu 4

Indirizzati

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-26 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.


ANNESS

L-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 huwa emendat kif ġej:

1.

Fit-Taqsima 5.1.3, qed tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Il-BĊE jirriżerva d-dritt li jieħu kull azzjoni illi jqis xierqa sabiex jikkoreġi żball fl-avviż tas-sejħa għall-offerti, inkluż it-tħassir jew l-interruzzjoni tal-esekuzzjoni ta’ sejħa għall-offerti.”;

2.

Fit-Taqsima 5.1.6, qed tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Jekk ir-riżultat tas-sejħa għall-offerti jkun fih informazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-fuq imsemmija, il-BĊE jirriżerva d-dritt li jieħu kull azzjoni li jqis xierqa biex tiġi korretta din l-informazzjoni żbaljata.”;

3.

It-Taqsima 6.2.1.1 hija mibdula b’li ġej:

“6.2.1.1.   Tip ta’ attiv

1.   Rekwiżiti komuni għall-eliġibbiltà

Huwa għandu jkun strument ta’ dejn li jkollu:

(a)

ammont prinċipali li huwa fiss u mingħajr kundizzjoni (*); u

(b)

kupun li ma jistax jirriżulta fi fluss negattiv ta’ flus kontanti u huwa wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

kupuni fissi, żero, u multi-step, i.e. strumenti bi skeda ta’ kupuni predefinita u valuri tal-kupun predefiniti;

(ii)

kupuni flat varjabbli marbutin ma’ indiċi wieħed biss li jikkorrispondi ma’ rata tas-suq tal-flus tal-euro eż. EURIBOR, LIBOR u indiċijiet simili, jew rata kostanti ta’ tpartit ta’ maturità, eż. indiċijiet CMS, EIISDA, EUSA;

(iii)

kupuni varjabbli marbutin ma’ indiċi wieħed biss li jikkorrispondi ma’ rata tas-suq tal-flus tal-euro eż. EURIBOR, LIBOR u indiċijiet simili, jew rata kostanti ta’ tpartit ta’ maturità, eż. indiċijiet CMS, EIISDA, EUSA;

(iv)

kupuni varjabbli, flat, leveraged u de-leveraged marbutin mar-rendiment ta’ bond tal-gvern taż-żona tal-euro li għandu maturità ta’ sena jew anqas (jew indiċi jew rendiment tal-punt ta’ referenza gross);

(v)

floaters tal-inflazzjoni flat marbutin ma’ indiċijiet tal-inflazzjoni taż-żona tal-euro, li ma fihom ebda discrete range, range accrual, ratchet jew strutturi komplessi simili.

L-istrutturi ta’ kupun li ġejjin huma esklużi: il-floaters kollha marbutin ma’ rati ta’ imgħax ta’ valuta barranija, indiċijiet u rati ta’ imgħax ta’ komoditajiet u ekwitajiet, dual floaters u floaters marbutin ma’ firxiet ta’ tpartit (swap spreads) jew ma’ kombinazzjoni oħra ta’ indiċijiet, u kull tip ta’ ratchet u kupuni ta’ range accrual, kif ukoll floaters inversi u kupuni li jiddependu fuq klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn dan, huma esklużi strutturi ta’ termini kumplessi bħal ma huma target redemption notes u opzjonijiet biex jinbidel it-tip ta’ kupun permezz tal-użu ta’ drittijiet ta’ bejgħ addizzjonali.

Kupuni eliġibbli m’għandhomx ikollhom opzjonijiet għall-emittent, jiġifieri m’għandhomx jawtorizzaw bidliet fid-definizzjoni ta’ kupun matul il-ħajja tal-istrument li huma kontinġenti fuq deċiżjoni tal-emittent. Barra minn dan, jekk jeżistu limiti minimi jew massimi, dawn għandhom ikunu fissi u predefiniti. Il-klassifikazzjoni ta’ strument fir-rigward tal-kupun tiegħu, f’każ li l-kupun huwa multi-step, għandha tkun ibbażata fuq perspettiva li tħares ‘il quddiem.

In-nonkonformità mal-fuq imsemmija kriterji ta’ eliġibbiltà tipprekludi wkoll assi milli jkunu eliġibbli anke jekk japplikaw biss għal partijiet tal-istruttura ta’ remunerazzjoni (bħal ma huwa premium) u anke jekk ħlas ta’ kupun li mhuwiex negattiv u l-ħlas lura ta’ mill-anqas l-ammont prinċipali huma espliċitament iggarantiti.

Ir-rekwiżiti fil-paragrafu 1(a) u (b) japplikaw sakemm l-obbligu jkun twettaq. Strumenti ta’ dejn ma jistgħux jirriżultaw fi drittijiet għall-kapital u/jew l-imgħax li jkunu subordinati għad-drittijiet ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ dejn oħrajn tal-istess emittent.

2.   Kriterji ta’ eliġibbiltà addizzjonali applikabbli għal titoli ggarantiti minn assi

Għall-finijiet tal-qafas legali tal-Eurosistema fir-rigward tal-politika monetarja, bonds koperti mhumiex meqjusin bħala titoli ggarantiti minn assi.

Paragrafu 1(a) ma japplikax għal titoli ggarantiti minn assi. L-Eurosistema tivvaluta l-eliġibbiltà ta’ titoli ggarantiti minn assi fil-konfront tal-kriterji addizzjonali stabbiliti f’din it-Taqsima.

It-titoli li jiġġeneraw il-fluss ta’ kontanti li jiggarantixxu t-titoli ggarantitii minn assi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-akkwist ta’ dawn l-assi għandu jkun irregolat mil-liġi ta’ Stat Membu tal-UE;

(b)

huma għandhom jinkisbu mill-oriġinatur jew mingħand intermedjarju permezz tal-istrument ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali b’mod li l-Eurosistema tqis bħala ‘bejgħ ta’ veru’ li huwa inforzabbli kontra kull terza persuna, u lil hinn mill-kontroll tal-oriġinatur u l-kredituri tiegħu jew tal-intermedjarju u l-kredituri tiegħu, inkluż f’każ ta’ insolvenza tal-oriġinatur jew tal-intermedjarju (**);

(c)

huma għandhom joriġinaw u jinbiegħu lill-emittent minn oriġinatur inkorporat fiż-ŻEE u, jekk applikabbli, intermedjarju inkorporat fiż-ŻEE;

(d)

huma m’għandhomx jikkonsistu, kollha kemm huma jew parzjalment, attwalment jew potenzjalment, minn segmenti ta’ titoli ggarantiti minn assi oħrajn (***), Barra minn dan, huma m’għandhomx jikkonsistu, kollha kemm huma jew parzjalment, minn noti marbutin mal-kreditu, swaps jew strumenti oħra ta’ derivati (****) jew titoli sintetiċi;

(e)

jekk huma talbiet ta’ kreditu, l-obbliganti u l-kredituri għandhom ikunu inkorporati (jew, jekk persuni naturali, residenti) fiż-ŻEE u, jekk relevanti, it-titolu relatat għandu jkun fiż-ŻEE. Il-liġi li tirregola dawk it-talbiet ta’ kreditu għandha tkun il-liġi ta’ pajjiż taż-ŻEE. Jekk ikunu bonds, l-emittenti għandhom ikunu inkorporati fiż-ŻEE, għandhom jinħarġu f’pajjiż taż-ŻEE taħt il-liġi ta’ pajjiż taż-ŻEE u kull titolu relatat għandu jkun fiż-ŻEE.

Kif stabbilit Fit-Taqsima 6.2.1.7, l-emittent ta’ titolu ggarantit minn assi għandu jkun stabbilit fiż-ŻEE.

F’każijiet fejn oriġinaturi jew, jekk applikabbli, intermedjarji, kienu inkorporati fiż-żona tal-euro, jew fir-Renju Unit, l-Eurosistema vverifikat illi ma kien hemm ebda dispożizzjonijiet clawback severi f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet. Jekk l-oriġinatur jew, jekk applikabbli, l-intermedjarju, huwa inkorporat f’pajjiż ieħor taż-ŻEE, it-titoli ggarantiti minn assi jistgħu jiġu meqjusa bħala eliġibbli biss jekk l-Eurosistema tigura illi d-drittijiet tagħha jkunu protetti b’mod xieraq kontra dispożizzjonijiet clawback meqjusin relevanti mill-Eurosistema taħt il-liġi tal-pajjiż taż-ŻEE relevanti. Għal dan il-għan, għandha tiġi ppreżentata valutazzjoni legali indipendenti f’forma aċċettabbli lill-Eurosistema li tistipula r-regoli clawback applikabbli fil-pajjiż, qabel ma t-titoli ggarantiti minn assi jkunu jistgħu jitqiesu eliġibbli. Biex tiddeċiedi jekk id-drittijiet tagħha humiex protetti b’mod xieraq kontra r-regoli clawback, l-Eurosistema tista’ titlob dokumenti oħrajn, inkluż ċertifikat ta’ solvenza mingħand id-destinatarju tat-trasferiment, għall-perijodu suspettat. Regoli clawback li l-Eurosistema tqis li huma severi u għalhekk mhux aċċettabbli jinkludu regoli li taħthom il-bejgħ ta’ assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus u li jappoġġaw it-titoli sostnuti minn assi jista’ jkun invalidat mill-likwidatur abbażi biss li jkun ġie konkluż fi żmien ċertu perijodu (perijodu suspettat) qabel id-dikjarazzjoni tal-insolvenza tal-bejjiegħ (oriġinatur/intermedjarju), jew fejn din l-invalidazzjoni tista’ titwaqqaf biss mid-destinatarju tat-trasferiment jekk ikun jista’ juri illi ma kienx jaf bl-insolvenza tal-bejjiegħ (oriġinatur/intermedjarju) fil-ħin tal-bejgħ.

Fi ħdan ħruġ strutturat, sabiex ikun eliġibbli, segment (jew sub-segment) ma jistax ikun subordinat għal segmenti oħrajn tal-istess ħruġ. Porzjon ta’ ishma (jew sub-porzjon) jitqies bħala mhux subordinat fil-konfront ta’ porzjonijiet oħra (jew sub-porzjonijiet) tal-istess ħruġ jekk, skont il-prijorità ta’ pagament applikabbli wara l-konsenja ta’ avviż ta’ infurzar, kif stabbilit fiċ-ċirkolari tal-offerta, ebda porzjon (jew sub-porzjon) ieħor ma jingħata prijorità fuq dak il-porzjon jew sub-porzjon fir-rigward tar-riċevuta ta’ ħlas (kapital u imgħax), u b’hekk dak il-porzjoni (jew sub-porzjon) ikun l-aħħar wieħed li jġarrab telf fir-rigward tal-porzjonijiet jew sub-porzjonijiet differenti ta’ ħruġ strutturat. Għal ħarġiet strutturati fejn il-prospett jistipula l-konsenja ta’ avviż ta’ aċċelerazzjoni u wieħed ta’ infurzar, li porzjon (jew sub-porzjon) mhuwiex subordinat għandu jkun żgurat taħt il-prijorità ta’ ħlasijiet marbutin kemm mal-avviż ta’ aċċelerazzjoni kif ukoll ma’ dak ta’ infurzar.

Biex titoli ggarantiti minn assi jsiru jew jibqgħu eliġibbli għal operazzjonijet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, l-Eurosistema teħtieġ li dejta komprensiva u standardizzata tal-livell ta’ self fuq il-pul ta’ assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti sottostanti għal titolu ggarantit minn assi tiġi ppreżentata mill-partijiet konċernati fit-titolu ggarantit minn assi, b’konformità ma’ Appendiċi 8.

Biex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta’ titoli ggarantiti minn assi, l-Eurosistema tikkunsidra d-dejta mdaħħla fl-oqsma obbligatorji tal-mudell għar-rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self relevanti, fl-ambitu tat-tifsira ta’ Appendiċi 8. Fil-valutazzjoni tagħha tal-eliġibbiltà l-Eurosistema tqis: (a) kull nuqqas li tiġi kkonsenjata d-dejta; u (b) il-frekwenza li fiha jinstab li l-oqsma ta’ dejta individwali dwar il-livell ta’ self ma fihom ebda dejta sinifikanti.

Sabiex ikun eliġibbli, titolu ggaranti minn assi għandu jkun appoġġat minn assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti li l-Eurosistema tqis li huma omoġenji, jiġifieri li l-assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti li jappoġġaw titolu ggarantit minn assi jikkonsistu minn tip wieħed biss ta’ assi li jappartjenu jew lil ipoteki residenzjali, ipoteki kummerċjali fuq proprjetà immobbli, self lil impriżi żgħar u ta’ daqs medju, self għax-xiri ta’ karozzi, self għal finanzjament tal-konsumatur jew ammonti riċevibbli għal kiri. Titoli ggarantiti minn assi mhumiex eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jekk il-pul ta’ assi sottostanti għalihom jikkonsisti minn assi eteroġenji, peress illi ma jistgħux jiġu rrapportati permezz ta’ galvu wieħed għall-klassi speċifika ta’ assi (*****).

L-Eurosistema tirriżerva d-dritt li titlob mingħand kwalunkwe terza persuna, eż l-emittent, l-oriġinatur jew min jagħmel l-arranġamenti, kwalunkwe kjarifika u/jew konferma legali li jidhrilha meħtieġa biex tivvaluta l-eliġibbiltà ta’ titoli ggarantiti minn assi u fir-rigward tal-provvista ta’ dejta fuq il-livell ta’ self.. Nonkonformità ma’ talbiet bħal dawn tista’ twassal għal sospensjoni ta’ jew ċaħda tal-għoti ta’ eliġibbiltà lit-tranżazzjoni tat-titolu ggarantit minn assi kkonċernat.

3.   Kriterji ta’ eliġibbiltà addizzjonali applikabbli lil bonds koperti.

Mill-31 ta’ Marzu 2013, bonds koperti huma suġġetti għall-ħtiġijiet addizzjonali li ġejjin:

Il-pul ta’ kopertura ta’ bond kopert m’għandux ikun fiha titoli ggarantiti minn assi, bl-eċċezzjoni ta’ titoli ggarantiti minn assi li:

(a)

jikkonformaw mal-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE fir-rigward ta’ titoli ggarantiti minn assi f’bonds koperti;

(b)

kienu oriġinati minn membru tal-istess grupp ikkonsolidat li tiegħu huwa wkoll membru l-emittent tal-bonds koperti jew minn entità affiljata mal-istess organu ċentrali li miegħu huwa affiljat ukoll l-emittent tal-bonds koperti;

(c)

jintużaw bħala għodda teknika biex jiġu ttrasferiti ipoteki jew self iggarantit fuq fond immobbli mill-entità li minnha joriġinaw għal ġol-pul ta’ kopertura.

Bonds koperti li kienu fuq il-lista ta’ titoli ggarantiti minn assi eliġibbli mit-28 ta’ Novembru 2012 u li ma kenux jikkonformaw ma’ rekwiżiti (a) sa (c) ser jibqgħu eliġibbli sat-28 ta’ Novembru 2014;

(*)  Bonds b’mandati jew drittijiet simili oħrajn annessi magħhom mhumiex eliġibbli."

(**)  Titolu ggarantit minn assi m’għandux jitqies eliġibbli jekk kwalunkwe mill-assi, li huma parti mill-assi li ġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti li jappoġġaw it-titoli ggarantiti minn assi oriġinaw direttament permezz tal-Istrument ta’ Titolizzazzjoni b’Għan Speċjali (SPV) li joħroġ in-noti ABS."

(***)  Dan ir-rekwiżit ma jeskludix titoli ggarantiti minn assi fejn l-istruttura tal-ħruġ tinkludi żewġ strumenti ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali u r-rekwiżit ta’ ‘bejgħ ta’ veru’ huwa sodisfatt fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali b’mod li l-istrumenti ta’ dejn maħruġin mit-tieni strument ta’ titolizzazzjoni jiġu direttament jew indirettament iggarantiti mill-pul oriġinali ta’ assi u l-fluss kollha ta’ flus kontanti mill-assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti jiġi ttrasferiti mill-ewwel għat-tieni strument ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali."

(****)  Din ir-restrizzjoni ma tinkludix swaps użati fi tranżazzjonijiet ta’ titoli ggarantiti minn assi strettament għal finijiet ta’ hedging."

(*****)  Titoli ggarantiti minn assi li ma jikkonformawx ma’ ħtiġijiet ta’ rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self peress illi jikkonsistu minn puls imħalltin ta’ assi sottostanti eteroġenji u/jew ma jikkonformawx ma’ xi wieħed mill-galvi tal-livell ta’ self jibqgħu eliġibbli sal-31 ta’ Marzu 2014.”"

4.

Fit-Taqsima 6.2.1.7, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 hija mħassra;

5.

Fit-Taqsima 6.2.2, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 60 hija mħassra;

6.

It-Taqsima 6.2.2.1 hija emendata kif ġej:

(a)

il-paragrafu (b) huwa mibdul b’li ġej:

“(b)

It-talba għal kreditu għandha jkollha: (i) ammont prinċipali fiss u mingħajr kundizzjoni; u (i) rata’ ta’ imgħax li ma tistax tirriżulta fi fluss negattiv ta’ fluss kontanti. Dawn il-karatterisitiċi għandhom jinżammu sakemm jinfeda l-obbligu. Barra minn dan, ir-rata ta’ imgħax għandha tkun waħda minn dawn li ġejjin: (i) tat-tip kupun żero; (ii) fiss; (iii) b’rata mhux fissa marbuta ma’ rata ta’ imgħax ta’ referenza oħra. Barra minn dan, talbiet għal kreditu bir-rata ta’ imgħax tagħhom marbuta mar-rata ta’ inflazzjoni huma wkoll eliġibbli.”;

(b)

il-paragrafu (f) huwa sostitwit b’li ġej:

“(f)

Daqs minimu: Fil-ħin meta tiġi ppreżentata biex tintuża bħala kollateral (tressiq) mill-kontroparti, it-talba għal kreditu għandha tissodisfa limitu minimu fid-daqs. Kull BĊN jista’ japplika daqs minimu tal-għażla tiegħu għal talbiet għal kreditu domestiċi. Għal użu transkonfinali, huwa applikabbli limitu minimu komuni ta’ EUR 500 000.”;

7.

Fit-Taqsima 6.2.3, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Minkejja l-eliġibbiltà tagħhom, banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li ma jaċċettawx l-assi negozjabbli jew mhux negozjabbli li ġejjin bħala kollateral mingħand kontroparti:

(a)

strumenti ta’ dejn li jsiru dovuti fil-futur immedjat; u

(b)

strumenti ta’ dejn bi fluss ta’ introjtu, eż ħlas ta’ kupun, li jseħħ fil-futur immedjat.”;

8.

It-Taqsima 6.2.3.2 hija mibdula b’li ġej:

“6.2.3.2.   Regoli għall-użu ta’ assi eliġibbli

Assi mhux negozjabbli jistgħu jintużaw bħala assi sottostanti għal tranżazzjonijiet b’lura f’suq miftuħ u għall-faċilità ta’ self marġinali. Huma ma jintużawx fi tranżazzjonijiet diretti tal-Eurosistema. L-assi negozjabbli u mhux negozjabbli kollha jistgħu jintużaw ukoll bħala assi sottostanti għal kreditu intraday.

Irrispettivament mill-fatt li attiv negozjabbli jew mhux negozjabbli jissodisfa l-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà, kontroparti ma tistax tippreżenta bħala kollateral attiv maħruġ jew iggarantit minnu nnifsu jew minn entità oħra li magħha għandha rabtiet mill-qrib (******).

‘Rabtiet mill-qrib’ tfisser kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet li ġejjin fejn il-kontroparti hija marbuta ma’ emittent/debitur/garanti ta’ assi eliġibbli:

(a)

il-kontroparti tippossjedi direttament, jew indirettament, permezz ta’ impriża waħda jew aktar, 20 % jew aktar tal-kapital tal-emittent/tad-debitur/tal-garanti;

(b)

l-emittent/id-debitur/il-garanti jippossjedi direttament, jew indirettament, permezz ta’ impriża waħda jew aktar, 20 % jew aktar tal-kapital tal-kontroparti;

(c)

terza persuna tippossjedi aktar minn 20 % tal-kapital tal-kontroparti u aktar minn tal-kapital tal-emittent/tad-debitur/tal-garanti, jew direttament jew indirettament, permezz ta’ impriża waħda jew aktar.

Għal finijiet ta’ implimentazzjoni ta’ politika monetarja, b’mod partikolari għall-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli għall-użu ta’ assi eliġibbli fir-rigward ta’ rabtiet mill-qrib, l-Eurosistema internament taqsam tagħrif dwar investimenti kapitali mogħti minn awtoritajiet superviżorji għal dan il-għan. It-tagħrif huwa suġġett għall-istess standards ta’ segretezza applikati minn awtoritajiet superviżorji.

Id-dispożizzjonijiet fuq imsemmija dwar ir-rabtiet mill-qrib ma japplikawx lil: (a) rabtiet mill-qrib bejn il-kontroparti u entità fis-settur pubbliku taż-ZEE li għandha d-dritt timponi taxxi, jew fil-każ fejn strument ta’ dejn huwa ggarantit minn entità fis-settur pubbliku taż-ŻEE li għandha d-dritt timponi taxxi; (b) bonds tal-banek koperti maħruġin skont il-kriterji stipulati f’Parti 1, punti 68 sa 70 ta’ Anness VI tad-Direttiva 2006/.48/KE; (c) każijiet fejn strumenti ta’ dejn huma protetti minn salvagwardji legali paragunabbli ma’ dawk l-istrumenti msemmijin f’(b) bħal ma huwa fil-każ ta: (i) RMBDS mhux negozjabbli li mhumiex titoli; jew (ii) bonds tal-banek koperti li jikkonformaw mal-kriterji kollha stipulati f’Parti 1, punti 68 sa 70 ta’ Anness VI tad-Direttiva 2006/48/KE, ħlief għal-limiti fuq is-self garantit fil-pul ta’ kopertura.

Barra minn dan, kontroparti ma tistax tippreżenta bħala kollateral kwalunkwe titolu ggarantit minn assi jekk il-kontroparti (jew kwalunkwe terza persuna li magħha għandha rabtiet mill-qrib) tipprovdi hedge ta’ munita lit-titolu ggarantit minn assi billi tidħol fi tranżazzjoni ta’ hedge ta’ munita mal-emittent bħala kontroparti ta’ hedge jew tipprovdi appoġġ ta’ likwidità għal 20 % jew aktar mill-ammont li għad irid jitħallas tat-titolu abbażi ta’ assi.

L-assi kollha negozjabbli u mhux negozjabbli għandhom ikunu jistgħu jintużaw f’kuntest transkonfinali fiż-żona tal-euro kollha. Dan jimplika illi l-kontropartijiet kollha tal-Eurosistema għandhom ikunu jistgħu jużaw assi eliġibbli jew permezz ta’ rabtiet mal-SSSs domestiċi tagħhom f’każ ta’ assi negozjabbli jew permezz ta’ arranġamenti eliġibbli oħra biex jirċievu kreditu mill-BĊN tal-Istat Membru li fih il-kontroparti huwa stabbilit (ara Taqsima 6.6).

Kontroparti li tippreżenta titolu ggarantit minn assi li għandu rabtiet mill-qrib mal-oriġinatur tal-assi sottostanti tat-titolu ggarantit minn assi għandu jinforma lill-Eurosistema b’kull modifika ppjanata lil dak it-titolu ggarantit minn assi li jista’ jkollha impatt potenzjali fuq il-kwalità tal-kreditu tiegħu, eż bidla fir-rata ta’ imgħax dovuta fuq in-noti, bidla fil-ftehim tas-swap, bidliet fil-kompożizzjoni tas-self sottostanti li mhux stipulati fil-prospett, bidliet fil-prijorità ta’ ħlasijiet. L-Eurosistema għandha tingħata preavviż ta’ xahar għal kull modifika li ser issir lil titolu ggarantit minn assi li jkun ġie ppreżentat. Barra minn dan, meta jiġi ppreżentat it-titolu ggarantit minn assi, il-kontroparti għandha tagħti tagħrif dwar kull modifika li seħħet fis-sitt xhur preċedenti. Skont Taqsima 6.2, l-Eurosistema ma tagħtix preavviż dwar modifika.

Tabella 4

Assi eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal Eurosistema

Kriterji tal-eli[ibbiltà

Assi negozjabbli (1)

Assi mhux negozjabbli (2)

Tip ta’ attiv

Ċertifikati ta’ dejn tal-BĊE.

Strumenti ta’ dejn negozjabbli oħrajn (3)

Talbiet għal kreditu

RMBDs

Standards tal-kreditu

L-attiv għandu jissodisfa standards tal-kreditu għoljin. L-istandards tal-kreditu għoljin jiġu vvalutati permezz tar-regoli ECAF għall-assi negozjabbli (3).

Id-debitur/garanti għandu jissodisfa standards tal-kreditu għoljin. L-affidabbiltà kreditizja hija vvalutata permezz tar-regoli ECAF għalt-talbiet għal kreditu.

L-attiv għandu jissodisfa standards tal-kreditu għoljin. L-istandards tal-kreditu għoljin jiġu vvalutati permezz tar-regoli ECAF għal RMBDs.

Post tal-ħruġ

ŻEE (3)

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Proċeduri għas-saldu/għall-ipproċessar

Post tas-saldu: żona euro.

L-istrumenti għandhom ikunu ddepożitati b’mod ċentralizzat mal-BĊNi bħala entrata f’reġistru jew SSS li jissodisfa l-istandards minimi tal-BĊE.

Proċeduri tal-Eurosistema

Proċeduri tal-Eurosistema

Tip ta’ emittent/debitur/garanti

BĊNi

Settur pubbliku

Settur privat

Istituzzjoniet internazzjonali u supranazzjonali

Settur pubbliku

Korporazzjonijiet mhus finanzjarji

Istituzzjoniet internazzjonali u supranazzjonali

Istituzzjonijiet ta’ kreditu

Post fejn huma stabbiliti l-emittent, id-debitur u l-garanti

Emittent (3): Pajjiżi fiż-ŻEE jew pajjiżi tal-G10 li mhumiex fiż-ŻEE

Debitur: ŻEE

Garanti (3): ŻEE

Żona euro

Żona euro

Swieq aċċettabbli

Swieq regolati

Swieq mhuw regolati aċċettati mill-BĊE

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

Munita

Euro

Euro

Euro

Daqs minimu

Mhux applikabbli

Limitu minimu tad-daqs fil-ħin li tiġi ppreżentata it-talba għal kreditu

għal użu domestiku: l-għażla tal-BĊN.

Għal użu transkonfinali: limitu minimu komuni ta’ EUR 500 000 .

Mhux applikabbli

Liġijiet applikabbli

Għal titoli ggarantiti minn assi, l-akkwist tal-assi sosttostanti għandu jkun irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru tal-UE. Il-liġi li tirregola it-talbiet għal kreditu sottostanti għandha tkun il-liġi ta’ pajjiż taż-ŻEE.

Liġi applikabbli għall-ftehim dwar it-talba għal kreditu u l-mobilizzazzjoni: il-liġi ta’ Stat Membru

In-numru totali ta’ liġijiet differenti applikabbli lil

(a)

il-kontroparti;

(b)

il-kreditur;

(c)

id-debitur;

(d)

il-garanti (jekk relevanti);

(e)

il-ftehim dwar it-talba għal kreditu; u

(f)

il-ftehim dwar il-mobilizzazzjoni

m’għandux ikun aktar minn tnejn.

Mhux applikabbli

Użu transkonfinali

Iva

Iva

Iva

(******)  F’każ li kontroparti tuża assi li, minħabba identità mal-emittent/mad-debitur/mal-garanti jew l-eżistenza ta’ rabtiet mill-qrib, ma tistax jew ma tistax tibqa’ tużahom biex tikseb kreditu pendenti, hija obbligata li tinnotifika immedjatament dwar dan lill-bank ċentrali nazzjonali relevanti. L-assi jingħataw valur ta’ żero fid-data tal-valutazzjoni li jmiss u jista’ jiġi skattat appell għaż-żamma tal-marġini (ara wkoll Appendiċi 6). Barra minn dan, il-kontroparti għandha tneħħi l-attiv fl-aktar data bikrija possibbli.”;"

9.

Fit-Taqsima 6.3.2, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 72 hija mħassra;

10.

Fit-Taqsima 6.3.4.1, qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“ECAI li tipparteċipa fl-ECAF hija suġġetta għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Eurosistema (ara Taqsima 6.3.5). Flimkien mad-dejta dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni li tiġi ppreżentata, għandha tiġi ppreżentata wkoll ċertifikazzjoni ffirmata miċ-CEO, jew minn firmatarju awtorizzat li huwa responsabbli għall-funzjoni tal-verifika jew tal-konformità fi ħdan l-ECAI, tal-ECAI li tikkonferma l-preċiżjoni u l-validità tat-tagħrif dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni.”;

11.

Fit-Taqsima 6.3.4.4, it-tielet subparagrafu huwa mibdul b’li ġej:

“Fornitur RT li jipparteċipa fl-ECAF jeħtieġ li jissuġġetta ruħu permezz ta’ ftehim għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Eurosistema (*******) (ara Taqsima 6.3.5). Il-fornitur RT huwa obbligat li jistabbilixxi u jżomm l-infrastruttura neċessarja għall-monitoraġġ tal-pul statiku. Il-kostruzzjoni u l-valutazzjoni tal-pul statiku jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti ġenerali dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni taħt l-ECAF. Il-fornitur RT irid jintrabat li jinforma lill-Eurosistema bir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni malli tkun twettqet mill-fornitur RT. Flimkien mad-dejta dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni li tiġi ppreżentata, għandha tiġi ppreżentata wkoll ċertifikazzjoni ffirmata miċ-CEO, jew minn firmatarju awtorizzat li huwa responsabbli għall-funzjoni tal-verifika jew tal-konformità fi ħdan l-RT, li tikkonferma l-preċiżjoni u l-validità tat-tagħrif dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni. Huma għandhom jintrabtu li jżommu rekords interni dwar il-puls statiċi u d-dettalji tal-inadempjenzi għal ħames snin.

(*******)  Il-kontroparti għandha tinforma lill-fornitur RP minnufih b’kull avveniment kreditizju li jista’ jindika deterjorazzjoni tal-kwalità tal-kreditu.”;"

12.

Is-Sezzjoni 6.3.5 hija mibdula b’li ġej:

“6.3.5.   Monitoraġġ tal-prestazzjoni għal sistemi ta’ valutazzjoni tal-kreditu

Is-sistemi kollha ta’ valutazzjoni tal-kreditu huma suġġetti għal monitoraġġ tal-prestazzjoni fi ħdan l-ECAF. Għal kull sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu, il-proċess ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-ECAF jikkonsisti minn paragun annwali ex post ta: (a) ir-rati ta’ inadempjenza osservati għall-entitajiet kollha eliġibbli u l-istrumenti kklassifikati mis-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu, fejn dawn l-entitajiet u l-istrumenti huma miġburin f’puls statiċi ibbażati fuq ċerti karatteristiċi, eż. klassifikazzjoni tal-kreditu, klassi ta’ assi, settur tal-industrija, mudell ta’ valutazzjoni tal-kreditu; u (b) il-limitu minimu xieraq tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema mogħti mill-punt ta’ referenza PD (żewġ punti ta’ referenza PD huma meqjusa: PD ta’ 0,10 % fuq żmien sena li huwa meqjus ekwivalenti għal valutazzjoni tal-kreditu ta’ step 3 tal-kwalità tal-kreditu tal-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema). L-għan ta’ dan il-proċess huwa li jiżgura illi l-immappjar tal-klassifikazzjonijiet mogħtija mis-sistema tal-valutazzjoni tal-kreditu lill-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema jibqgħu xierqa u li r-riżultati mill-valutazzjonijiet tal-kredtu huma paragunabbli bejn is-sistemi u s-sorsi.

L-ewwel element tal-proċess huwa l-kompilazzjoni annwali mill-fornitur tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu tal-lista ta’ entitajiet u strumenti b’valutazzjonijiet tal-kreditu li jissodisfaw il-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema fil-bidu tal-perijodu ta’ monitoraġġ. Din il-lista għandha mbagħad tkun ippreżentata mill-fornitur tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu lill-Eurosistema, permezz tal-galvu pprovdut mill-Eurosistema, li jinkludi oqsma fir-rigward tal-identifikazzjoni, il-klassifikazzjoni u l-valutazzjoni. It-tieni element tal-proċess iseħħ fl-aħħar tal-perijodu ta’ monitoraġġ ta’ 12-il xahar meta l-fornitur tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu jaġġorna d-dejta dwar il-prestazzjoni għall-entitajiet u l-istrumenti fuq il-lista. L-Eurosistema tirriżerva d-dritt li titlob kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jitwettaq monitoraġġ tal-prestazzjoni.

Ir-rata ta’ inadempjenza osservata tal-puls statiċi ta’ sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu rreġistrata fuq perijodu ta’ sena sservi bħala kontribut għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-ECAF, li jinkludi regola annwali u valutazzjoni ta’ aktar minn perijodu wieħed. F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti bejn ir-rata ta’ inadempjenza osservata tal-puls statiċi u l-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu fuq perijodu annwali u/jew multi-annwali. L-Eurosistema tikkonsulta mal-fornitur tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu biex tivvaluta r-raġunijiet għal dik id-devjazzjoni. Din il-proċedura tista’ tirriżulta f’korrezzjoni tal-limitu minimu tal-kwalità tal-kreditu applikabbli lis-sistema in kwistjoni.

L-Eurosistema tista’ tiddeċiedi li tissospendi jew teskludi s-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu fejn l-ebda titjib fil-prestazzjoni ma jiġi osservat fuq numru ta’ snin. Barra minn dan, f’każ ta’ ksur tar-regoli dwar l-ECAF, is-sistema tal-valutazzjoni tal-kreditu tiġi eskluża mill-ECAF. Jekk tagħrif mhux preċiż jew mhux komplut jiġi mogħti minn rappreżentant tas-sistema ta’ valutazzjoni tal-kreditu għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni, l-Eurosistema tista’ tastjeni mill-esklużjoni f’każ ta’ irregolaritajiet minuri.”;

13.

It-Taqsima 6.4.2 hija emendata kif ġej:

(a)

punt (f) huwa mħassar;

(b)

it-tabella 8 hija mħassra;

14.

Fit-Taqsima 6.5.1, il-paragrafi (a) u (b) huma mibdulin b’li ġej:

“(a)

Għal kull attiv negozjabbli eliġibbli, l-Eurosistema tiddefinixxi l-aktar prezz rappreżentattiv li għandu jintuża għall-kalkolazzjoni tal-valur tas-suq.

(b)

Il-valur ta’ attiv negozjabbli huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-aktar rpezz rappreżentattiv fil-jum tan-negozju li jippreċedi d-data tal-valutazzjoni. Fin-nuqqas ta’ prezz rappreżentattiv għal attiv partikolari fil-jum tan-negozju li jippreċedi d-data tal-valutazzjoni, l-Eurosistema tiddefinixxi prezz teoretiku.”;

15.

Fl-Appendiċi 6, it-Taqsima 1 tinbidel b’li gej:

“1.   Penalitajiet Finanzjarji

Jekk kontroparti tikser ir-regoli dwar sejħiet għal offerti (********), tranżazzjonijiet bilaterali (*********), l-użu ta’ assi sottostanti (**********), proċeduri ta’ tmiem il-jum jew kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilità ta’ self marġinali (***********), l-Eurosistema tapplika penalitajiet finanzjarji kif ġej:

(a)

Għal ksur ta’ regoli fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti, tranżazzjonijiet bilaterali u l-użu ta’ assi sottostanti, għall-ewwel u t-tieni ksur li jseħħu fi żmien 12-il xahar għandha tiġi applikata penalità finanzjarja għal kull ksur. Il-penalitajiet finanzjarji huma kkalkolati billi tintuża r-rata ta’ self marġinali li kienet applikabbli meta beda l-ksur biż-żieda ta’ 2,5 punti ta’ persentaġġ.

(i)

Għal ksur ta’ regoli fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti u tranżazzjonijiet bilaterali, il-penalitajiet finanzjarji jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ammont ta’ kollateral jew kontanti illi l-kontroparti ma setgħetx tagħmel saldu tagħhom, immoltiplikat bil-koeffiċjenti X/360, fejn X huwa n-numru ta’ jiem tal-kalendarju, b’massimu ta’ sebgħa, li matulhom il-kontroparti ma setgħetx tikkollateralizza jew tforni l-ammont allokat matul il-maturità ta’ operazzjoni. Tapplika penalità fissa ta’ EUR 500 fejn il-kalkolazzjoni tirrizulta f’ammont ta’ anqas minn EUR 500; u

(ii)

Għal ksur ta’ regoli fir-rigward tal-użu ta’ assi sottostanti (************), il-penalitajiet finanzjarji jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-ammont ta’ assi ineliġibbli, jew assi li ma jistgħux jintużaw mill-kontroparti, illi huma jew: ipprovduti mill-kontroparti lil BĊN jew lill-BĊE; jew mhux imneħħija mill-kontroparti sa jew qabel il-bidu tat-tmiem jum tal-kalendarju wara li jkun seħħ illi l-assi eliġibbli jsiru ineliġibbli jew ma jistgħux jibqgħu jintużaw mill-kontroparti, immoltiplikat bil-koeffiċjenti X/360. Fejn X huwa n-numru ta’ jiem tal-kalendarju, b’massimu ta’ sebgħa, li matulhom il-kontroparti kienet qed tikser ir-regoli fir-rigward tal-użu ta’ assi sottostanti. Tapplika penalità fissa ta’ EUR 500 fejn il-kalkolazzjoni tirrizulta f’ammont ta’ anqas minn EUR 500.

(b)

L-ewwel darba li jinkisru r-regoli għall-proċeduri ta’ tmiem il-jum jew għall-aċċess għall-faċilità ta’ self marġinali, il-penalitajiet finanzjarji applikabbli jiġu kkalkolati bl-użu tar-rata ta’ self marġinali li kienet applikabbli meta beda l-ksur biż-żieda ta 5 punti ta’ persentaġġ. Għal ksur repetut, ir-rata ta’ imgħax tal-penalità tiżdied b’2,5 punti ta’ persentaġġ oħra kull darba li dan iseħħ fi żmien 12-il xahar, ikkalkolata fuq il-bażi tal-ammont tal-aċċess mhux awtorizzat għall-faċilità ta’ self marġinali. Tapplika penalità fissa ta’ EUR 500 fejn il-kalkolazzjoni tirrizulta f’ammont ta’ anqas minn EUR 500.”

(********)  Dan japplika jekk kontroparti tonqos milli tittrasferixxi ammont suffiċenti ta’ assi sottostanti jew flus kontanti (fejn applikabbli, fir-rigward ta’ appell ta’ marġini) biex isir saldu fil-jum tas-saldu, jew biex jiġi kkollateralizzat, sal-maturità tal-operazzjoni permezz ta’ appelli ta’ marġini korrispondenti, l-ammont ta’ likwidità li tkun ġiet allokata f’operazzjoni li tipprovdi l-likwidità, jew jekk tonqos milli tittrasferixxi ammont suffiċenti ta’ flus kontanti biex isir saldu tal-ammont li tkun ġiet allokata f’operazzjoni li tassorbi l-likwidità."

(*********)  Dan japplika jekk kontroparti tonqos milli tittrasferixxi ammont suffiċenti ta’ assi sottostanti eliġibbli jew jekk tonqos milli tittrasferixxi ammont suffiċenti ta’ flus kontanti biex isir saldu tal-ammont miftiehem fi tranżazzjonijiet bilaterali, jew jekk tonqos milli tikkollateralizza tranżazzjoni bilaterali li għad trid issir sal-maturità tagħha permezz ta’ appelli ta’ marġini korrispondenti."

(**********)  Dan japplika jekk kontroparti qed tuża assi li huma jew li saru ineliġibbli jew li ma jistgħux jintużaw mill-kontroparti, eż. minħabba rabtiet mill-qrib bejn, jew l-identità ta’, l-emittent/il-garanti u l-kontroparti."

(***********)  Dan japplika jekk kontroparti jkollha bilanċ negattiv fuq l-ammont tas-saldu fi tmiem il-jum u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-faċilità ta’ self marġinali."

(************)  Id-dispożizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll fejn: (a) il-kontroparti qed tuża assi ineliġibbli jew tat informazzjoni li teffettwa l-valur tal-kollateral b’mod negattiv, eż dwar l-ammont li għad irid jitħallas ta’ talba ta’ kreditu użata li hija jew li kienet falsa jew skaduta; jew (b) il-kontroparti qed tuża assi li huma ineliġibbli minħabba rabtiet mill-qrib bejn l-emittent/il-garanti u l-kontroparti.”;"

16.

L-Appendiċi 7 huwa mibdul b’li ġej:

“Appendiċi 7

ĦOLQIEN TA’ TITOLU VALIDU FUQ TALBIET TA’ KREDITU

Biex jiġi żgurat illi jinħoloq interess f’titolu validu fuq talbiet ta’ kreditu u li t-talbiet ta’ kreditu jistgħu isiru malajr f’każ ta’ inadempjenza tal-kontroparti, iridu jiġu sodisfatti r-rekwiżiti legali addizzjonali li ġejjin:

(a)

Verifika tal-eżistenza ta’ talbiet ta’ kreditu: Bħala minimu, BĊNi għandhom jużaw il-miżuri addizzjonali li ġejjin biex jivverifikaw l-eżistenza ta’ talbiet ta’ kreditu ppreżentati lill-Eurosistema bħala kollateral: (i) ċertifikazzjoni minnha stess u l-impenn tal-kontroparti mal-BĊN, tal-anqas kull trimestru, li tikkonferma l-eżistenza ta’ talbiet ta’ kreditu ppreżentati bħala kollateral, li jistgħu jiġu sostitwiti minn kross-verifiki ta’ informazzjoni miżmuma f’reġistri tal-kreditu ċentrali, fejn dawn jeżistu; (ii) verifika ta’ darba minn BĊNi, superviżuri jew awdituri esterni tal-proċeduri użati mill-kontroparti biex tippreżenta l-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ talbiet ta’ kreditu lill-Eurosistema; (iii) verifiki għall-għarrieda mill-BĊNi, reġistri tal-kreditu relevanti, superviżuri jew awdituri esterni dwar l-kwalità u l-preċiżjoni taċ-ċertifikazzjoni minnhom stess.

Iċ-ċertifikazzjoni minnhom stess fuq bażi trimestrali u l-impenn taħt (i) aktar ‘il fuq jinkludu r-rekwiżit li l-kontropartijiet tal-Eurosistema jagħmlu dan li ġej bil-miktub:

(i)

jikkonfermaw u jiggarantixxu l-konformità ta’ talbiet ta’ kreditu ppreżentati lil BĊN mal-kriterji tal-eliġibbiltà applikati mill-Eurosistema;

(ii)

jikkonfermaw u jiggarantixxu illi ebda talba ta’ kreditu ppreżentata bħala attiv sottostanti ma tintuża fl-istess ħin bħala kollateral għall-benefiċċju ta’ xi terza persuna u jimpenjaw ruħhom illi l-kontroparti ma tressaqx xi talba għal kreditu bħala kollateral lil xi terza persuna;

(iii)

jikkonfermaw u jiggarantixxu illi jikkomunikaw immedjatament lill-BĊN, imma mhux aktar tard minn matul il-jum ta’ negozju li jmiss, kull avveniment illi jeffettwa b’mod materjali r-relazzjoni kuntrattwali attwali bejn il-kontroparti u l-BĊN relevanti, b’mod partikolari ħlasijiet lura li huma bikrija, parzjali jew totali, downgrades u bidliet materjali fil-kundizzjonijiet tat-talba ta’ kreditu.

Biex dawn il-kontrolli jseħħu skont (ii) u (ii), is-superviżuri, il-BĊNi jew l-awdituri esterni għandhom ikunu awtorizzati biex jagħmlu din l-investigazzjoni, permezz ta’ kuntratt jekk meħtieġ jew skont ir-rekwiżiti nazzjonali applikabbli.

(b)

Validità tal-ftehim biex jitressqu talbiet ta’ kreditu; Il-ftehim biex titressaq talba ta’ kreditu bħala kollateral trid ukoll tkun valida bejn il-partijiet (min jittrasferixxi u d-destinatarju tat-trasferiment) fil-liġi nazzjonali. Il-formalitajiet legali l-oħra kollha neċessarji biex tiġi żgurata l-validità tal-ftehim u biex jiġi żgurat li talba ta’ kreditu titressaq bħala kollateral, minbarra n-notifika u r-reġistrazzjoni, għandhom ikunu sodisfatti.

(c)

Effett sħiħ tat-tressiq fir-rigward ta’ terzi persuni: fir-rigward tan-notifika tad-debitur dwar it-tressiq ta’ talba ta’ kreditu bħala kollateral, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ġurisdizzjonijiet differenti involuti, huma meħtieġa dawn li ġejjin:

(i)

F’ċerti Stati Membri fejn in-notifika ta’ debitur tat-tressiq ta’ talba ta’ kreditu bħala kollateral hija meħtieġa sabiex tkun effettiva bis-sħiħ fir-rigward ta’ terzi persuni, u b’mod partikolari għall-prijorità tal-interess tat-titolu tal-BĊN fir-rigward ta’ kredituri oħrajn, kif speċifikat mid-dokumentazzjoni nazzjonali applikabbli, notifika ex ante tad-debitur hija meħtieġa bil-quddiem jew fil-ħin li jsir it-tressiq attwali tat-talba ta’ kreditu bħala kollateral;

(ii)

Fi Stati Membri oħrajn fejn ir-reġistrazzjoni pubblika tat-tressiq ta’ talba ta’ kreditu bħala kollateral hija meħtieġa sabiex tkun effettiva bis-sħiħ fir-rigward ta’ terzi persuni, u b’mod partikolari għall-prijorità tal-interess tat-titolu tal-BĊN fir-rigward ta’ kredituri oħrajn, kif speċifikat mid-dokumentazzjoni nazzjonali applikabbli, din ir-reġistrazzjoni hija meħtieġa bil-quddiem jew fil-ħin li jsir it-tressiq attwali tat-talba ta’ kreditu bħala kollateral;

(iii)

Finalment, fi Stati Membri fejn notifika ex ante tad-debitur jew ir-reġistrazzjoni pubblika tat-tressiq ta’ talba ta’ kreditu bħala kollateral mhijiex meħtieġa skont (i) u (ii), kif speċifikat minn dokumentazzjoni nazzjonali applikabbli, hija meħtieġa notifika ex post tad-debitur. Notifika ex post tad-debitur teħtieġ illi d-debitur jiġi notifikat mill-kontroparti tal-BĊN (kif speċifikat mid-dokumentazzjoni nazzjonali) dwar it-tressiq ta’ talba ta’ kreditu bħala kollateral mill-kontroparti għall-benefiċċju tal-BĊN immedjatament wara avveniment kreditizju. ‘Avveniment kreditizju’ tfisser inadempjenza jew avvenimenti simili kif definit aktar mid-dokumentazzjoni nazzjonali applikabbli.

Ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ notifika f’każijiet fejn it-talbiet ta’ kreditu huma strumenti bearer li għalihom il-liġi nazzjonali applikabbli ma teħtieġx notifika. F’dawn il-każijiet, il-BĊN konċernat jista’ jeħtieġ illi dawn l-istrumenti bearer jiġu trasferiti fiżikament lilu jew lil terza persuna bil-quddiem jew fil-ħin tat-tressiq attwali bħala kollateral.

Il-fuq imsemmija huma rekwiżiti minimi. BĊNi jistgħu jiddeċiedu li jeħtieġu notifika ex ante jew reġistrazzjoni minbarra l-każijiet fuq imsemmija, kif speċifikat minn dokumentazzjoni nazzjonali applikabbli.

Il-formalitajiet legali oħrajn neċessarji biex jiġi żgurat it-tressiq ta’ talba ta’ kreditu bħala kollateral, minbarra n-notifika u r-reġistrazzjoni, għandhom ikunu sodisfatti.

(d)

Assenza ta’ restrizzjonijiet marbutin mas-segretezza bankarja u l-kunfidenzjalità: Il-kontroparti m’għandhiex tkun taħt obbligu biex tikseb l-approvazzjoni tad-debitur għall-iżvelar ta’ informazzjoni dwar it-talba ta’ kreditu u d-debitur li hija meħtieġa mill-Eurosistema għall-finijiet li jiġi żgurat illi jinħoloq titolu validu fuq talbiet ta’ kreditu u li t-talbiet ta’ kreditu jistgħu jimmaterjalizzaw b’ħeffa f’każ ta’ inadempjenza ta’ kotnroparti. Il-kontroparti u d-debitur għandhom jaqblu b’mod kuntrattwali illi d-debitur, mingħajr ebda kundizzjoni, jaċċetta l-iżvelar lill-Eurosistema ta’ dawn id-dettalji dwar it-talba ta’ kreditu u d-debitur. Ebda provvediment bħal dan ma huwa meħtieġ jekk ma hemm ebda regoli li jirrestrinġu l-għoti ta’ informazzjoni bħal din taħt il-liġi nazzjonali, kif speċifikat fid-dokumentazzjoni nazzjonali applikabbli.

(e)

Nuqqas ta’ restrizzjonijiet dwar it-tressiq tat-talba ta’ kreditu: Il-kontropartijiet għandhom jiżguraw illi talbiet ta’ kreditu huma trasferibbli bis-sħiħ u jistgħu jitressqu mingħajr restrizzjoni bħala kollateral għall-benefiċċju tal-Eurosistema. M’għandu jkun hemm ebda dispożizzjonijiet restrittivi dwar it-tressiq fil-ftehim dwar it-talba ta’ kreditu jew f’arranġamenti kuntrattwali oħrajn bejn il-kontroparti u d-debitur, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistipulax illi restrizzjonijiet kuntrattwali bħal dawn huma mingħajr preġudizzju għall-Eurosistema fir-rigward tat-tressiq ta’ kollateral.

(f)

Nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq ir-realizzazzjoni tat-talba ta’ kreditu: Il-ftehim dwar it-talba ta’ kreditu jew arranġamenti kuntrattwali oħrajn bejn il-kontroparti u d-debitur m’għandhomx ikun fihom restrizzjonijiet fir-rigward tar-realizzazzjoni tat-talba ta’kreditu użata bħala kollateral, inkluż kull forma, ħin jew rekwiżit ieħor fir-rigward tar-realizzazzjoni.”;

17.

L-Appendiċi 8 li ġej huwa miżjud:

“Appendiċi 8

REKWIŻITI TA’ RAPPORTAR TA’ DEJTA DWAR IL-LIVELL TA’ SELF GĦAL TITOLI GGARANTITI MINN ASSI

Dejta dwar il-livell ta’ self tiġi ppreżentata lil u ppubblikata elettronikament fir-repożitorju tad-dejta dwar il-livell ta’ self b’konformità mar-rekwiżiti tal-Eurosistema, inter alia, aċċess miftuħ, kopertura, non-diskriminazzjoni, struttura ta’ governanza xierqa, trasparenza, u indikata bħala tali mill-BĊE, skont ir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Appendiċi. Għal dan il-għan, jintuza l-galvu relevanti għar-rappurtar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self għal kull tranżazzjoni individwali, skont il-klassi ta’ assi li tinkludi l-pul ta’ assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti (*************).

Id-dejta dwar il-livell ta’ self għandu jiġi rappurtat tal-anqas fuq bażi trimestrali, mhux aktar tard minn xahar wara d-data li fiha hu dovut il-ħlas ta’ imgħax fuq it-titolu ggarantit minn assi in kwistjoni. Jekk dejta dwar il-livell ta’ self ma tiġix irrappurtata jew aġġornata fi żmien xahar wara id-data tal-ħlas tar-rata ta’ imgħax relevanti, allura t-titolu ggarantit minn assi ma jibqax eliġibbli. Sabiex tiġi żgurata konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, ir-repożitorju ta’ dejta dwar il-livell ta’ self għandu jagħmel kontrolli awtomatizzati tal-konsistenza u l-preċiżjoni fuq rapporti ta’ dejta dwar il-livell ta’ self li hija ġdida u/jew aġġornata għal kull tranżazzjoni.

Mid-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self għal titoli ggarantiti minn assi, jiġifieri il-klassi ta’ assi relevanti skont il-galvu, informazzjoni dettaljata fir-rigward tal-pul ta’ assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti fuq livell ta’ self b’self għandu jingħata biex titolu ggarantit minn assi isir jew jibqa’ eliġibbli. Fi żmien tliet xhur it-tiolu ggarantit minn assi għandu jikseb livell ta’ konformità minimu obbligatorju, ivvalutat b’referenza għad-disponibbiltà ta’ informazzjoni f’oqsma ta’ dejta partikolari tal-galvu għar-rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self. Sabiex jinqabdu oqsma li mhumiex disponibbli, sett ta’ sitt opzjonijiet ‘Ebda dejta’ (ND –No data) huwa inkluż f’kull galvu ta’ dan it-tip u għandhom jintużaw kull meta dejta partikoalri ma tistax tiġi ppreżentata skont il-galvu. Hemm ukoll is-seba’ opzjoni ND li tapplika biss għall-galvu CMBS.

L-opzjonijiet ND u t-tifsiriet tagħhom huma stipulati fit-tabella li ġejja:

Opzjonijiet ‘Ebda dejta’

Spjegazzjoni

ND1

Dejta mhux miġbura għax mhux meħtieġa mill-kriterji ta’ sottoskrizzjoni

ND2

Dejta miġbura fl-applikazzjoni imma mhux mitfuha fis-sistema ta’ rapportar meta titlesta.

ND3

Dejta miġbura fl-applikazzjoni imma mitfuha f’sistema separata minn dik ta’ rapportar

ND4

Dejta miġbura imma disponibbli biss minn SSSS-XX

ND5

Mhux relevanti

ND6

Mhux applikabbli għall-ġurisdizzjoni

ND7

Għal self CMBS biss b’valur ta’ anqas minn EUR 500 000 , jiġifieri l-valur tal-bilanċ kollu tas-self kummerċjali meta oriġina

Il-perijodu tranżitorju ta’ disa’ xhur li ġej japplika lit-titoli kollha ggarantiti minn assi (ir-rekwiżiti ta’ rappurtar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self japplikaw għall-klassi ta’ assi relevanti skont id-data):

l-ewwel trimestru wara d-data li fiha japplikaw ir-rekwiżiti huwa perijodu ta’ prova. Dejta dwar il-livell ta’ self għandha tiġi rapportata, iżda ma hemm ebda limiti speċifiċi fir-rigward tan-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND1 sa ND7,

fit-tieni trimestru, in-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND1 ma jistgħux jaqbżu 30 % tan-numru totali ta’ oqsma obbligatorji u n-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND2, ND3 jew ND4 ma jistgħux jaqbżu 40 % tan-numru totali ta’ oqsma obbligatorji,

fit-tieni trimestru, in-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND1 ma jistgħux jaqbżu 10 % tan-numru totali ta’ oqsma obbligatorji u n-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND2, ND3 jew ND4 ma jistgħux jaqbżu 20 % tan-numru totali ta’ oqsma obbligatorji,

fi tmiem il-perijodu tranżitorju ta’ disa’ xhur, m’għandux ikun hemm oqsma obbligatorji fid-dejta dwar il-livell ta’ self li jkun fih valuri ND1, ND2, ND3 jew ND4 għal tranżazzjoni individwali.

Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti minimi, ir-repożitorju tad-dejta dwar il-livell ta’ self ser jiġġenera u jassenja punteġġ lil kull tranżazzjoni ta’ titolu ggarantit minn assi malli tiġi ppreżentata u pproċessata d-dejta dwar il-livell ta’ self. Dan il-punteġġ ser jirrifletti n-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND1 u n-numru ta’ oqsma obbligatorji li fihom ND2, ND3 jew ND4, f’kull każ ipparagunati man-numru totali ta’ oqsma obbligatorji. F’dan ir-rigward, l-opzjonijiet ND5, ND6 u ND7 jistgħu jintużaw biss jew l-oqsma ta’ dejta relevanti fil-galvu għar-rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self jippermettu dan. Il-kombinazzjoni tar-referenzi għaż-żewġ limiti minimi tipproduċi l-firxa li ġejja ta’ punteġġi tad-dejta dwar il-livell ta’ self:

Matriċi tal-valur tal-punteġġ

Oqsma ND1

0

≤ 10 %

≤ 30 %

> 30 %

ND2

jew

ND3

jew

ND4

0

A1

B1

C1

D1

≤ 20 %

A2

B2

C2

D2

≤ 40 %

A3

B3

C3

D3

> 40 %

A4

B4

C4

D4

Skont il-perijodu tranżitorju stipulat aktar ’il fuq, il-punteġġ għandu jitjieb b’mod gradwali għal kull trimestru, skont il-ħarsa ġenerali li ġejja:

Kronoloġija

Valur tal-punteġġ (trattament ta’ eliġibbiltà)

l-ewwel trimestru (preżentazzjoni inizzjali)

(ebda limitu minimu infurzat)

it-tieni trimestru

C3 (bħala miminu)

it-tielet trimestru

B2 (bħala miminu)

mir-raba’ trimestru ’l quddiem

A1

Għal titoli ggarantiti minn ipoteki residenzjali (RMBS — residential-mortgage backed securities), ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni self b’self għandhom japplikaw mit-3 ta’ Jannar 2013 u l-perijodu tranżitorju ta’ disa’ xhur jintemm fit-30 ta’ Settembru 2013.

Għal titoli ggarantiti minn assi fejn l-assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti jinkludu self lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME), ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni self b’self ser japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2012 u l-perijodu tranżitorju ta’ disa’ xhur jintemm fit-30 ta’ Settembru 2013.

Għal titoli ggarantiti minn ipoteki kummerċjali (CMBS commercial mortgage-backed securities), ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni self b’self għandhom japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2013 u l-perijodu tranżitorju ta’ disa’ xhur jintemm fit-30 ta’ Novembru 2013.

Għal titoli ggarantiti minn assi fejn l-assi li jiġġeneraw il-fluss ta’ flus kontanti jinkludu self lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni self b’self ser japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2012 u l-perijodu tranżitorju ta’ disa’ xhur jintemm fit-30 ta’ Settembru 2014.

Titoli ggarantiti minn assi maħruġin aktar tard minn disa’ xhur wara d-data li fiha japplikaw ir-rekwiżiti ġodda ta’ rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self (**************) għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ rapportar sa mil-preżentazzjoni inizzjali ta’ dejta dwar il-livell ta’ self, jiġifieri mal-ħruġ. Tranżazzjonijiet ta’ titoli ggarantiti minn assi li diġa’ jeżistu u li ma jikkonformawx ma’ xi wieħed mill-galvi għar-rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self ser jibqgħu eliġibbli sal-31 ta’ Marzu 2014. L-Eurosistema ser tivvaluta każ b’każ jekk titolu partikolari ggarantit minn assi jistax jibbenefika minn din id-dispożizzjoni ta’ anterjorità.


(1)  Aktar dettalji huma stipulati f’Taqsima 6.2.1.

(2)  Aktar dettalji huma stipulati f’Taqsima 6.2.2.

(3)  L-istandards tal-kreditu ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli mhux ikklassifikati maħruġin jew iggarantiti minn korporazzjonijiet mhux finanzjarji hija determianta fuq il-bażi tas-sors tal-valutazzjoni tal-kreditu magħżul mill-kontroparti relevanti skont ir-regoli ECAF applikabli għal talbiet għal kreditu, kif stipulate fit-Taqsima 6.3.3. Fil-każ ta’ dawn l-istruemnti ta’ dejn negozjabbli, ġew emendati il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal assi negozjabbli li ġejjin: il-post fejn huwa stabbilit l-emittent/il-garanti: żona euro; post tal-ħruġ: żona euro.

(*************)  Il-verżjonijiet relevanti tal-galvi għar-rapportar ta’ dejta dwar il-livell ta’ self għall-klassijiet ta’ assi speċifiċi huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE.

(**************)  jiġifieri fit-30 ta’ Settembru 2013 għal RMBS u SME, it-30 ta’ Novembru 2013 għal CMBS u t-30 ta’ Settembru 2014 għal self għax-xiri ta’ karozzi, self għal finanzjament tal-konsumatur jew ammonti riċevibbli għal kiri.”


Fuq