EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 12016E/PRO/13

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 13) DWAR IL-KRITERJI TA' KONVERĠENZA

ĠU C 202, 7.6.2016, p. 281–282 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/tfeu_2016/pro_13/oj

   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/281


PROTOKOLL (Nru 13)

DWAR IL-KRITERJI TA' KONVERĠENZA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

XEWQANA li jistabbilixxu d-dettalji tal-kriterji ta’ konverġenza li ser imexxu l-Unjoni bid-deċiżjonijiet dwar it-tmiem tad-derogi ta' l-Istati Membri b' deroga, imsemmija fl-Artikolu 140(1) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea;

Artikolu 1

Il-kriterju dwar l-istabbilità tal-prezzijiet imsemmija fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat- Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea ifisser li l-Istat Membru jkollu grad ta' stabbilità tal-prezzijiet li jkun sostenibbli u rata medja ta' inflazzjoni, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b'aktar minn medja ta’ inflazzjoni, osservata fuq perijodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma teċċedix b’aktar minn 1½ punti perċentwali, dik ta’ l-aħjar tliet Stati Membri, f'dik li hi stabbiltà fil-prezzijiet. L-inflazzjoni għandha tiġi mkejla permezz ta' indiċi ta' prezzijiet tal-konsumatur fuq bażi komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 2

Il-kriterju dwar il-pożizzjoni ta' l-estimi tal-gvern imsemmija fit-tieni subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat-Trattat imsemmi jfisser li filwaqt ta' l-eżami l-Istat Membru ma jkunx suġġett meta jiġi eżaminat għal deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-Trattati li jkun hemm defiċit eċċessiv.

Artikolu 3

Il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni f'Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea msemmi fit-tielet subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat-Trattat imsemmi jfisser li Stat Membru jkun irrispetta il-marġni normali ta' fluttwazzjoni li hemm provdut dwarhom bil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarju Ewropea mingħajr tensjonijiet qawwija għal ta' l-anqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. Partikolarment, l-Istat Membru ma jridx ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro għall-istess perijodu.

Artikolu 4

Il-kriterju dwar il-konverġenza ta' rati ta' mgħax imsemmija fir-raba' subinċiż ta' l-Artikolu 140(1) tat-Trattat imsemmi jfisser li, Stat Membru, osservat fuq perjodu ta' sena qabel l-eżami, kellu rata ta' mgħax nominali medja għal żmien twil li ma taqbiżx b'aktar minn żewġ punti perċentwali dik, fl-aħħar mill-aħħar, tat-tliet Stati Membri li jmorru l-aħjar fl-istabbiltà tal-prezzijiet. Ir-rati ta' mgħax jitqiesu abbażi ta' titoli tal-gvern għal żmien twil jew obbligazzjonijiet komparabbli, meta jiġu kkunsidrati d-differenzi fid-definizzjonijiet nazzjonali.

Artikolu 5

L-informazzjoni statistika li għandha tiġi użata għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll ser tiġi mogħtija mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Il-Kunsill, li jimxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew jew lill-BĊE, u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu ekonomiku u finanzjarju, għandu jadotta dispozizzjonijiet adattati sabiex jiffissaw id-dettalji tal-kriterji ta' konverġenza msemmija fl-Artikolu 140 tat-Trattat imsemmi, li għandu mbagħad jieħu post dan il-Protokoll.


Fuq