EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52014HB0014

Rakkomandazzjoni tal-BANK Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Marzu 2014 dwar ir-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif statistiku miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2014/14)

ĠU C 186, 18.6.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-27 ta’ Marzu 2014

dwar ir-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif statistiku miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali

(BĊE/2014/14)

2014/C 186/01

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 5, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 14.3 u l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 8a u 8b tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BĊE/1998/NP28 (2) tistabbilixi r-regoli komuni u l-istandards minimi meħtieġa mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98, li jiżguraw livell bażiku ta’ protezzjoni tat-tagħrif statistiku kunfidenzjali miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.

(2)

F’dan ir-rigward, filwaqt illi huwa rikonoxxut illi t-tagħrif statistiku meħtieġ biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tal-BĊE ma huwiex l-istess fir-rigward ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro bħal dak tal-Istati Membri b’deroga, l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew japplika fir-rigward tal-Istati Membri kollha, filwaqt illi dan il-fatt, flimkien mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jimplika obbligu biex jiġu mfasslin u implimentati f’livell nazzjonali il-miżuri kollha li l-Istati Membri jqisu xierqa sabiex iwettqu l-ġbir tat-tagħrif statistiku meħtieġ biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tal-BĊE, u t-tħejjijiet f’waqthom fil-qasam tal-istatistika sabiex l-Istati Membri b’deroga jadottaw l-euro (3).

(3)

Hemm żieda fil-ħtieġa li jsir skambju ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali fost il-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SBĊ) għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.

Applikazzjoni tal-Linja Gwida BĊE/1998/NP28

Id-destinatarji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Linja Gwida BĊE/1998/NP28 fir-rigward ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali riċevut mingħand membru ieħor tas-SEBĊ, u għandhom jikkonfermaw dan permezz ta’ ftehim konkluż mal-membri l-oħra tas-SEBĊ.

II.

Dispożizzjonijiet finali

1.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro, safejn tapplika u safejn dawk il-banek ċentrali nazzjonali jipparteċipaw fit-trażmissjoni ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali fi ħdan is-SEBĊ.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika mill-1 ta’ April 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Marzu 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(2)  Linja Gwida BĊE/1998/NP28 tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar ir-regoli komuni u l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tat-tagħrif statistiku individwali miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) megħjun mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 55, 24.2.2001, p. 72).

(3)  Ara l-premessa 17 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.


Fuq