EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32014D0045(01)

Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45)

ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument Fis-seħħ: Danl-attinbidel. Verżjoni kkonsolidata kurrenti: 21/07/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/5/oj

6.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/4


DEĊIŻJONI (UE) 2015/5 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-19 ta' Novembru 2014

dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi

(BĊE/2014/45)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, jistgħu joperaw fis-swieq finanzjarji billi, inter alia, jixtru u jbiegħu strumenti negozjabbli b'mod definittiv.

(2)

Fl-4 ta' Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li għandu jinbeda programm ġdid ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (ABSPP). Flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (1) u l-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (2) l-ABSPP għandhom ikomplu jtejbu t-trażmissjoni tal-politika monetarja, jiffaċilitaw il-forniment ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, jiġġeneraw effetti sekondarji pożittivi fuq swieq oħrajn u, bħala riżultat, jiffaċilitaw il-pożizzjoni tal-politika monetarja tal-BĊE, u jikkontribwixxu għar-ritorn tar-rati ta' inflazzjoni lejn livelli eqreb għal 2 %.

(3)

Bħala parti mill-politika monetarja waħdanija, ix-xiri definittiv ta' titoli ggarantiti minn assi (ABS) eliġibbli mill-BĊE taħt l-ABSPP għandu jiġi implimentat b'mod uniformi u, eċċezzjonalment matul il-fażi inizzjali, b'mod diċentralizzat, skont din id-Deċiżjoni.

(4)

Wara l-fażi inizzjali tal-ABSPP, huwa maħsub li l-ABSPP għandha tiġi implimentata b'mod uniformi u diċentralizzat mill-banek ċentrali tal-Eurosistema skont deċiżjoni sussegwenti f'dan is-sens mill-Kunsill Governattiv,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni tal-ABSPP

L-ABSPP, li taħtu l-BĊE għandu jixtri ABS eliġibbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 u skont id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, qiegħed jiġi stabbilit bil-preżenti. Taħt l-ABSPP, il-BĊE jista' jagħti struzzjonijiet lill-aġenti tiegħu biex jixtru ABS eliġibbli f'ismu fis-swieq primarji u sekondarji minn kontropartijiet eliġibbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4.

Artikolu 2

Kriterji ta' eliġibbiltà għax-xiri definittiv ta' ABS

L-ABS għandhom ikunu eliġibbli għal xiri definittiv taħt l-ABSPP, sakemm jissodisfaw dawn il-kriterji ta' eliġibbiltà.

(1)

L-ABS ikollhom valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu li tkun konformi ma', bħala minimu, il-pass 3 tal-kwalità tal-kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema (3), espressa fil-forma ta' mill-inqas żewġ klassifikazzjonijiet ta' kreditu pubbliċi pprovduti minn kwalunkwe żewġ Istituzzjonijiet Esterni ta' Valutazzjoni tal-Kreditu (External Credit Assessment Institutions — ECAIs) aċċettati fi ħdan il-Qafas ta' Valutazzjoni tal-Kreditu tal-Eurosistema (Eurosystem Credit Assessment Framework — ECAF).

(2)

Minbarra kif huwa pprovdut fil-punt 1 iktar 'il fuq, l-ABS jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà applikabbli għall-ABS sottomessi bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema kif stipulat fl-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2011/14 (4) (kif emendata bil-Linja Gwida BĊE/2012/25 (5) u l-Linja Gwida BĊE/2014/10 (6)) u fid-Deċiżjoni BĊE/2013/35 (7).

(3)

Meta l-ABS ma jkollhomx valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu b'mod konformi ma' tal-inqas il-pass 2 tal-kwalità tal-kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, espressa fil-forma ta' mill-inqas żewġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu pubbliċi pprovduti minn kwalunwe żewġ ECAIs aċċettati fi ħdan l-ECAF, l-ABS għandhom, minbarra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 2, jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà applikabbli għall-ABS sottomessi bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema skont l-Artikolu 3 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 (8).

(4)

Mhux inqas minn 90 % tal-obbliganti tal-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarantixxu l-ABS huma kklassifikati bħala korporazzjonijiet mhux finanzjarji tas-settur privat (9) jew persuni fiżiċi, imkejla b'referenza għall-ammont prinċipali pendenti tal-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus attribwibbli għal dawk l-obbliganti.

(5)

Mhux inqas minn 95 % ta':

(a)

l-ammont prinċipali pendenti tal-assi li jiġġeneraw il-fluss ta' flus li jiggarantixxu l-ħruġ tal-ABS huwa ddenominat f'euro;

(b)

kwalunkwe proprjetajiet li jiggarantixxu l-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarantixxu ħruġ ta' ABS ta' titoli residenzjali ggarantiti b'ipoteka (residential mortgage-backed securities -RMBS) jew titoli kummerċjali ggarantiti b'ipoteka (commercial mortgage-backed securities -CMBS) jinsabu fiż-żona tal-euro, imkejla b'referenza għall-ammont prinċipali pendenti tal-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus attribwibbli għal dawk il-proprjetajiet; u

(c)

l-obbliganti tal-assi li jiġġeneraw fluss li jiggarantixxu l-ħruġ tal-ABS (minbarra ħruġ ta' ABS li jikkonsistu f'RMBS u CMBS kif deskritt taħt il-punt (b)), imkejla b'referenza għall-ammont prinċipali pendenti tal-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus attribwibbli għal dawk l-obbliganti, huma inkorporati jew residenti, skont kif applikabbli, fiż-żona tal-euro.

(6)

L-emittent tal-ABS ikun stabbilit fiż-żona tal-euro.

(7)

Segment ta' ABS (bl-istess Numru Internazzjonali ta' Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) jew wieħed funġibbli) li, fil-ħin meta jkun ivvalutat mill-BĊE għal xiri potenzjali skont l-Artikolu 3, kien miżmum bis-sħiħ mill-oriġinatur jew entitajiet li magħhom ikollu rabtiet mill-qrib (10) għandu jkun eliġibbli għal xiri taħt l-ABSPP jekk investitur estern mingħajr rabta mill-qrib mal-oriġinatur (bl-eċċezzjoni ta' bank ċentrali tal-Eurosistema li jaġixxi barra l-qafas tal-ABSPP) jixtri wkoll parti minn dak is-segment ta' ABS (bl-istess ISIN jew wieħed funġibbli).

(8)

Meta l-obbliganti tal-assi li jiġġeneraw fluss ta' flus li jiggarantixxu ħruġ ta' ABS ikunu inkorporati jew residenti fil-Greċja jew f'Ċipru, il-livell ta' klassifikazzjoni minimu stipulat fil-punt 1 ma għandux japplika għal dawk l-ABS sakemm ikunu soġġetti għal-limitu ta' xiri speċifikat fl-Artikolu 5(2) u jkunu jissodisfaw il-kriterji l-oħrajn kollha ta' eliġibbiltà li jkunu applikabbli għal xiri taħt l-ABSPP u dawn ir-rekwiżiti addizzjonali kollha segwenti:

(a)

il-livell minimu ta' kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema użat sabiex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà bħala kollateral ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti mill-gvernijiet tal-Greċja jew ta' Ċipru ma jkunx applikat skont l-Artikolu 8(2) tal-Linja ta' Gwida BĊE/2014/31;

(b)

l-ABS ikollhom żewġ klassifikazzjonijiet ta' kreditu pubbliċi minn kwalunkwe żewġ ECAIs aċċettati fi ħdan l-ECAF fil-livell ta' klassifikazzjoni massimu li jista' jinkiseb għal ħarġiet ta' ABS fl-Istat Membru relevanti;

(c)

l-istruttura tal-ħruġ ta' ABS tinkorpora titjib tal-kreditu attwali (bħat-titjib tal-kreditu pprovdut mis-segmenti kollha tal-ħruġ tal-ABS li huma subordinati għas-segment tal-ABS eliġibbli għax-xiri) ugwali għal minimu ta' 25 % tal-ammont prinċipali attwali pendenti tas-segmenti kollha tal-ħruġ tal-ABS;

(d)

rapporti tal-investituri jkunu disponibbli u l-ABS ikunu jistgħu jiġu mmudellati bl-użu ta' għodod standard minn terzi għall-immudellar tal-fluss tal-flus ta' ABS, kif ivvalutati mill-BĊE;

(e)

l-aqwa valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu disponibbli għal kull waħda mill-kontropartijiet segwenti fil-ħruġ tal-ABS (jekk relevanti), bl-eċċezzjoni tas-servizzjant, tkun konformi bħala minimu mal-passi 3 tal-kwalità tal-kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, espressa fil-forma ta' mill-inqas klassifikazzjoni ta' kreditu pubblika waħda minn kwalunkwe ECAI individwali aċċettata fi ħdan l-ECAF:

(i)

kwalunkwe kont bankarju emittenti;

(ii)

kwalunkwe kont bankarju emittenti garanti;

(iii)

kwalunkwe fornitur ta' faċilità ta' likwidità;

(iv)

kwalunkwe kontroparti f'ħeġġ;

(v)

l-aġent prinċipali li jħallas; u

(vi)

kwalunkwe fornitur ta' kuntratt ta' investiment iggarantit.

(f)

servizzjant sostitut għall-ħarġa tal-ABS ikun ġie appuntat.

Artikolu 3

Valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u diliġenza dovuta

Qabel ix-xiri ta' kwalunkwe ABS li jissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà taħt l-Artikolu 2, il-BĊE għandu jwettaq valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu u diliġenza dovuta fir-rigward ta' dak l-ABS.

Artikolu 4

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontrpartijiet eliġibbli għall-ABSPP, kemm għal transazzjonijiet definittivi kif ukoll għal transazzjonijiet ta' self ta' titoli li jinvolvu ABS miżmuma f'portafolli ta' ABSPP: (a) kontropartijiet li jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema kif iddefinit fit-Taqsima 2.1 tal-Anness I għal-Linja Gwida BĊE/2011/14; (b) kontropartijiet li jintużaw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta' investimenti tagħhom iddenominati f'euro; u (c) entitajiet li jitqiesu li huma kontropartijiet eliġibbli għal tranżazzjonijiet definittivi taħt l-ABSPP mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju ta' kontroparti tal-Eurosistema mill-BĊE.

Artikolu 5

Limiti tax-xiri

1.   Għajr kif ipprovdut fil-paragrafu 2, mhux aktar minn 70 % tal-ammont pendenti ta' segment ta' ABS (bl-istess ISIN jew wieħed funġibbli) jista' jinxtara u jinżamm skont l-ABSPP fi kwalunkwe ħin.

2.   B'rabta ma' segment ta' ABS (bl-istess ISIN jew wieħed funġibbli) li jkun eliġibbli għal xiri taħt il-punt 8 tal-Artikolu 2, mhux aktar minn 30 % tal-ammont pendenti ta' dak is-segment jista' jinxtara u jinżamm skont l-ABSPP fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta' Novembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti. Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/34 tad-29 ta' Lulju 2014 dwar miżuri fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (ĠU L 258, 29.8.2014, p. 11).

(3)  Kif ippubblikat fuq il-websajt tal-BĊE.

(4)  Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1).

(5)  Linja Gwida BĊE/2012/25 tas-26 ta' Novembru 2012 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 348, 18.12.2012, p. 30).

(6)  Linja Gwida BĊE/2014/10 tat-12 ta' Marzu 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 166, 5.6.2014, p. 33).

(7)  Deċiżjoni BĊE/2013/35 tas-26 ta' Settembru 2013 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral (ĠU L 301, 12.11.2013, p. 6).

(8)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).

(9)  “Korporazzjonijiet mhux finanzjarji” għandha l-istess tifsira kif mogħtija lilha fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet kif imsemmi fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(10)  “Rabtiet mill-qrib” għandha l-istess tifsira mogħti lilha fit-Taqsima 6.2.3.2 tal-Aness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.


Fuq