EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 32015O0011

Linja Gwida (UE) 2015/855 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11)

ĠU L 135, 2.6.2015, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 31/05/2023; Imħassar b' 32021O2253

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2015/855/oj

2.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/23


LINJA GWIDA (UE) 2015/855 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-12 ta' Marzu 2015

li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika tal-Eurosistema u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2002/6 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esteri tal-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riżerva estera tal-BĊE (BĊE/2015/11)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 127 u 128 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3, flimkien mal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 5 u 16 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Eurosistema tagħti l-ikbar importanza lill-approċċ ta' governanza korporattiva li tpoġġi fil-qalba tal-Eurosistema r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ogħla standards etiċi. Il-konformità ma' dawn il-prinċipji hija element ewlieni għall-kredibbiltà tal-Eurosistema u hija essenzjali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej.

(2)

F'dan l-isfond, jitqies li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas tal-etika għall-Eurosistema li jistabbilixxi standards etiċi li l-konformità magħhom tissalvagwardja l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tagħha kif ukoll il-kunfidenza pubblika fl-integrità u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“Qafas tal-Etika tal-Eurosistema”). Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jkun kompost minn din il-Linja Gwida li tistabbilixxi l-prinċipji, ġabra tal-aħjar prattiki dwar kif jiġu implimentati dawn il-prinċipji, u r-regoli u l-prattiki interni adottati minn kull bank ċentrali tal-Eurosistema.

(3)

Il-Linja Gwida BĊE/2002/6 (1) tistabbilixxi standards ta' etika minimi għall-banek ċentrali tal-Eurosistema meta jkunu qegħdin iwettqu operazzjonijiet tal-politika monetarja u operazzjonijiet tal-kambju ta' valuta barranija mar-riżervi barranin tal-Eurosistema, u meta jiġġestixxu l-assi ta' riżervi barranin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv jikkunsidra illi huwa meħtieġ li jiġu estiżi dawn l-istandards tal-etika minimi għat-twettiq tal-kompiti kollha mogħtija lill-Eurosistema sabiex jiġi żgurat li l-istess standards etiċi japplikaw għall-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal involuti fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema u sabiex tiġi mħarsa r-reputazzjoni tal-Eurosistema b'mod ġenerali. Il-Linja Gwida BĊE/2002/6 għandha għalhekk tiġi ssostitwita b'din il-Linja Gwida.

(4)

Barra minn hekk, l-istandards minimi eżistenti dwar il-prevenzjoni ta' użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2002/6 għandhom jiġu żviluppati iktar sabiex tissaħħaħ il-prevenzjoni ta' dan l-użu ħażin mill-membri tal-BĊE jew korpi tal-BĊNi jew il-membri tal-persunal tagħhom u biex jiġu esklużi kunflitti ta' interess potenzali li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet finanzjarji privati. Għal dan l-iskop, il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jiddefinixxi b'mod ċar il-kunċetti ewlenin kif ukoll l-irwoli u r-responsabbiltajiet tad-diversi korpi involuti. Barra minn hekk, għandu jispeċifika, lil hinn mill-projbizzjoni ġenerali dwar l-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa, restrizzjonijiet addizzjonali għal persuni li jkollhom aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa. Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ tal-konformità u r-rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità.

(5)

Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu jinkludi wkoll standards minimi dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess u l-aċċettazzjoni ta' rigali u ospitalità.

(6)

Il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema għandu japplika fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema. Ikun tajjeb li l-banek ċentrali tal-Eurosistema japplikaw standards ekwivalenti għall-membri tal-persunal jew aġenti esterni involuti fit-twettiq ta' kompiti mhux tal-Eurosistema.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Meta BĊN ma jkunx jista' jimplimenta dispożizzjoni ta' din il-Linja Gwida minħabba l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, huwa għandu jinforma lill-BĊE dwar dan. Barra minn hekk, il-BĊN ikkonċernat għandu jikkunsidra li jieħu miżuri raġonevoli għad-dispożizzjoni tiegħu biex jegħleb l-ostakolu taħt id-dritt nazzjonali.

(8)

Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv (2).

(9)

Filwaqt li l-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema huwa limitat għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv adotta qafas tal-etika ekwivalenti għat-twettiq ta' kompiti superviżorji mill-BĊE u l-awtoritjajiet kompetenti nazzjonali bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (3),

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida:

(1)

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(2)

“kompiti tal-Eurosistema” tfisser il-kompiti fdati lill-Eurosistema skont it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;

(3)

“informazzjoni ta' ġewwa” tfisser kull informazzjoni sensittiva għas-suq li tirrigwarda t-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema mill-banek ċentrali tal-Eurosistema li ma tkunx inħarġet jew li ma tkunx aċċessibbli għall-pubbliku;

(4)

“informazzjoni sensittiva għas-suq” tfisser informazzjoni ta' natura preċiża li l-pubblikazzjoni tagħha x'aktarx ikollha effett sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-assi jew il-prezzijiet fis-swieq finanzjarji;

(5)

“persuna ta' ġewwa” tfisser kwalunkwe membru ta' korp jew membru tal-persunal li għandu aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa li ma jkunx fuq bażi ta' darba biss;

(6)

“membru tal-persunal” tfisser kwalunkwe persuna li għandha relazzjoni ta' impjieg ma' bank ċentrali tal-Eurosistema bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma fdati biss b'kompiti li mhumiex relatati mat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema;

(7)

“membru ta' korpi” tfisser membri ta' korpi li jieħdu deċiżjonijiet u korpi oħrajn interni ta' banek ċentrali tal-Eurosistema li ma jkunux membri tal-persunal;

(8)

“korporazzjonijiet finanzjarji” għandha l-istess tifsira kif iddefinit fil-Kapitolu 2, paragrafu 2.55 tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(9)

“kunflitt ta' interess” tfisser sitwazzjoni fejn membri ta' korpi jew membri tal-persunal ikollhom interessi personali li jistgħu jinfluwenzaw jew jidhru li jinfluwenzaw it-twettiq imparzjali u oġġettiv ta' dmirijiethom.

(10)

“interess personali” tfisser kull benefiċċju jew benefiċċju potenzjali, ta' natura finanzjarja jew mhux finanzjarja, għall-membri tal-korpi jew tal-persunal, għall-membri tal-familja tagħhom, għal qraba oħrajn tagħhom jew għaċ-ċirku ta' ħbieb u konoxxenzi qrib tagħhom;

(11)

“vantaġġ” ifisser kull rigal, ospitalità jew benefiċċju ieħor ta' natura finanzjarja jew mhux finanzjarja li oġġettivament itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja, legali jew personali tar-riċevitur u li r-riċevitur mhuwiex intitolat għalih.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema tagħhom. F'dan ir-rigward, regoli interni adottati mill-banek ċentrali tal-Eurosistema fit-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għandhom japplikaw għall-membri tal-korpi tagħhom u għall-membri tal-persunal tagħhom.

2.   Il-Banek Ċentrali tal-Eurosistema għandhom jimmiraw sabiex, sa fejn ikun legalment fattibbli, jestendu l-obbligi ddefiniti fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida għal persuni involuti fit-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema li mhumiex membri tal-persunal tal-banek ċentrali tal-Eurosistema.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Linja Gwida huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni mill-banek ċentrali tal-Eurosistema ta' regoli ta' etika iktar stretti għall-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tagħhom.

Artikolu 3

Rwoli u responsabbiltajiet

1.   Il-Kunsill Governattiv qiegħed jistabbilixxi l-prinċipji tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema f'din il-Linja Gwida u jistabbilixxi l-aħjar prattiċi dwar kif għandhom jiġu implimentati dawn il-prinċipji fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu biex jiddetermina l-kultura korporattiva u etika fil-livell tal-Eurosistema.

2.   Il-Kumitat tal-Verifika, il-Kumitat tal-Awdituri Interni u l-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv għandhom ikunu involuti fl-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema skont il-mandati rispettivi tagħhom.

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jispeċifikaw l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-korpi, unitajiet u membri tal-persunal involuti fil-livell lokali fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema.

Artikolu 4

Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jifformulaw ir-regoli interni tagħhom li jimplimentaw din il-Linja Gwida b'mod ċar u trasparenti, jikkomunikawhom lill-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom u jiżguraw li jkunu aċċessibbli b'mod faċli.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu miżuri xierqa biex iqajmu kuxjenza fost il-membri tal-korpi u l-membri tal-persunal tagħhom sabiex jifhmu l-obbligi tagħhom taħt il-Qafas tal-Etika tal-Eurosistema.

Artikolu 5

Monitoraġġ tal-konformità

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida. Il-monitoraġġ għandu jinkludi, skont kif xieraq, it-twettiq ta' verifiki ta' konformità regolari u/jew ad hoc. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati biex jirreaġixxu fil-pront għal każijiet ta' nuqqas ta' konformità u sabiex jindirizzawhom.

2.   Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jkun mingħajr preġudizzju għal regoli interni li jippermettu investigazzjonijiet interni meta membru ta' korp jew membru tal-persunal ikun issuspettat li kiser ir-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida.

Artikolu 6

Rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità u segwitu

1.   Il-Banek Ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw proċeduri interni għar-rapportar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida inklużi regoli dwar ir-rapportar ta' għemil irregolari (whistleblowing) skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw protezzjoni xierqa ta' persuni li jirrapportaw każijiet ta' nuqqas ta' konformità.

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li jiġu segwiti każijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluż, kif ikun xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri dixxiplinarji proporzjonati skont ir-regoli dixxiplinarji u l-proċeduri applikabbli.

4.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jirrapportaw mingħajr dewmien kull inċident maġġuri relatat man-nuqqas ta' konformità mar-regoli li jimplimentaw din il-Linja Gwida permezz tal-Kumitat tal-Iżvilupp Organizzattiv lill-Kunsill Governattiv skont il-proċeduri interni applikabbli. F'każijiet urġenti, bank ċentrali tal-Eurosistema jista' jirrapporta inċident maġġuri relatat ma' nuqqas ta' konformità direttament lill-Kunsill Governattiv. Fi kwalunkwe każ, il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-Verifika b'mod parallel.

KAPITOLU II

REGOLI DWAR IL-PREVENZJONI TA' UŻU ĦAŻIN TA' INFORMAZZJONI TA' ĠEWWA

Artikolu 7

Projbizzjoni ġenerali tal-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom ikunu pprojbiti milli jużaw ħażin informazzjoni ta' ġewwa.

2.   Il-projbizzjoni fuq l-użu ħażin ta' informazzjoni ta' ġewwa għandha tkopri, bħala minimu: (a) l-użu ta' informazzjoni ta' ġewwa għal tranżazzjonijiet privati għal finijiet personali jew ta' terzi; (b) l-iżvelar ta' informazzjoni ta' ġewwa lil kull persuna oħra sakemm dak l-iżvelar ma jsirx waqt il-qadi ta' dmirijiet professjonali fuq bażi ta' min ikollu bżonnha biss; u (c) l-użu ta' informazzjoni ta' ġewwa sabiex wieħed jirrakkomanda jew iħajjar lil persuni oħra biex jidħlu fi tranżazzjonijiet finanzjarji privati.

Artikolu 8

Restrizzjonijiet speċifiċi għal persuni ta' ġewwa

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżġuraw li l-aċċess għal informazzjoni ta' ġewwa tkun ristretta għal dawk il-membri tal-korpi u membri tal-persunal li jkollhom bżonn aċċess għal din l-informazzjoni għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-persuni ta' ġewwa kollha jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi. Tranżazzjoni finanzjarja privata għandha titqies li hija kritika meta tkun jew tista' titqies li hija relatata mill-qrib mat-twettiq ta' kompiti tal-Eurosistema. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jistabbilixxu fir-regoli interni tagħhom lista ta' dawn it-tranżazzjonijiet kritiċi li għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)

tranżazzjonijiet f'ishma u bonds maħruġin minn korporazzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni;

(b)

tranżazzjonijiet f'munita barranija, tranżazzjonijiet f'deheb, in-negozjar ta' titoli tal-gvern fiż-żona tal-euro;

(c)

negozjar għal perijodu qasir, jiġifieri x-xiri u l-bejgħ sussegwenti jew il-bejgħ u x-xiri sussegwenti tal-istess strument finanzjarju f'perijodu ta' referenza speċifiku;

(d)

tranżazzjonijiet f'derivattivi relatati mal-istrumenti finanzjarji elenkati taħt (a) u (c) u unitajiet fi skemi ta' investiment kollettiv li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jsir investiment f'dawn l-istrumenti finanzjarji.

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jistabbilixxu restrizzjonijiet speċifiċi għal persuni ta' ġewwa wara li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ta' effettività, effiċjenza u proporzjonalità. Restrizzjonijiet speċifiċi bħal dawk jistgħu jinkludu xi waħda minn dawn li ġejjin jew taħlita tagħhom:

(a)

il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi;

(b)

rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi;

(c)

rekwiżit ex ante jew ex post ta' rapportar għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi; u/jew

(d)

perijodi ta' embargo għal tranżazzjonijiet finanzjarji speċifiċi.

4.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jagħżlu li japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet speċifiċi għal membri tal-persunal li ma jkunux persuni ta' ġewwa.

5.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li l-listi ta' tranżazzjonijiet finanzjarji privati kritiċi jkunu jistgħu jiġu aġġustati fi żmien qasir biex jirriflettu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

6.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom membri tal-korpi u membri tal-persunal li jafdaw il-ġestjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji privati lil terza persuna indipendenti skont ftehim ta' ġestjoni tal-assi bil-miktub ikunu eżentati minn restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

REGOLI BIEX JIĠU EVITATI L-KUNFLITTI TA' INTERESSI

Artikolu 9

Kunflitti ta' interessi

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom mekkaniżmu fis-seħħ biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn kandidat li qed jiġi kkunsidrat għal ħatra bħala membru tal-persunal ikollu kunflitt ta' interess li jirriżulta minn attivitajiet ta' xogħol preċedenti jew minn relazzjonijiet personali.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jeħtieġu li l-membri tal-korpi tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom jevitaw matul l-impjieg tagħhom kull sitwazzjoni li tista' tagħti lok għal kunflitt ta' interess u biex dawk is-sitwazzjonijiet jiġu rrapportati. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li, meta jiġi rrapportat kunflitt ta' interess, ikun hemm disponibbli miżuri xierqa biex dan il-kunflitt jiġi evitat, inkluża eżenzjoni minn dmirijiet relatati mal-kwistjoni rilevanti.

3.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmu biex jivvalutaw u jevitaw kunflitti ta' interess possibbli li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol ta' wara l-impjieg imwettqa mill-membri tal-korpi tagħhom u l-membri anzjani tal-persunal tagħhom li jirrapportaw direttament lil-livell eżekuttiv.

4.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandu jkollhom, meta jkun rilevanti, mekkaniżmu fis-seħħ biex jivvaluta u jevita kunflitti ta' interessi potenzjali li jirriżultaw minn attivitajiet ta' xogħol li jagħmlu l-membri tal-persunal tagħhom matul il-liv bla ħlas.

KAPITOLU IV

REGOLI DWAR L-AĊĊETTAZZJONI TA' RIGALI U OSPITALITÀ

Artikolu 10

Projbizzjoni li wieħed jirċievi vantaġġi

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jadottaw regoli interni li jipprojbixxu lill-membri tal-korpi tagħhom u lill-membri tal-persunal tagħhom milli jitolbu, jirċievu jew jaċċettaw wegħda relatata mar-riċeviment ta' xi vantaġġ għalihom jew għal xi persuna oħra li jkun b'xi mod marbut mal-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu jispeċifikaw fir-regoli interni tagħhom eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-vantaġġi offruti mill-banek ċentrali, korpi jew aġenziji tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji tal-gvern, u fir-rigward ta' vantaġġi ta' valur skont id-drawwa jew negliġibbli offruti mis-settur privat, iżda fil-każ tal-aħħar dawn il-vantaġġi la għandhom ikunu ta' spiss u l-anqas mill-istess sors. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw li dawn l-eżenzjonijiet la jinfluwenzaw u lanqas jidhru li qed jinfluwenzaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-korpi tagħhom u tal-membri tal-persunal tagħhom.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Revoka

Il-Linja ta' Gwida BĊE/2002/6 qiegħda tiġi mħassra.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw u jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u għandhom japplikawhom mit-18 ta' Marzu 2016. Il-BĊNi għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar kull ostakolu għall-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida u għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mit-18 ta' Jannar 2016.

Artikolu 13

Rapportar u valutazzjoni mill-ġdid

1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw kull sena lill-BĊE dwar l-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida.

2.   Il-Kunsill Governattiv għandu jivvaluta mil-ġdid dawn il-kategoriji tal-inqas kull tliet snin.

Artikolu 14

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, fit-12 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2002/6 tas-26 ta' Settembru 2002 dwar standards minimi għall-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek centrali nazzjonali meta jwettqu operazzjonijiet ta' politika monetarja, operazzjonijiet ta' kambju internazzjonali mar-riservi esterital-BĊE u l-ġestjoni tal-assi ta' riserva estera tal-BĊE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol.3, p. 180).

(2)  Kodiċi tal-Kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-membri tal-Kunsill Governattiv (ĠU C 123, 24.5.2002, p. 9).

(3)  Linja Gwida (UE) 2015/856 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji ta' Qafas tal-Etika għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/12) (Ara paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).


Fuq