Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2009

Kwistjonijiet operazzjonali

Emendi fir-rekwiżiti biex it-titoli koperti b’assi (ABSs) jkunu eliġibbli bħala kollateral għall-Eurosistema

Fl-20 ta’ Novembru 2009 il-BĊE ħabbar id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv biex jemenda r-rekwiżiti tal-klassifika ħalli t-titoli koperti b’assi (ABSs) jkunu eliġibbli ħalli jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Stqarrija għall-istampa li tfisser din id-deċiżjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-BĊE sas-7 ta’ April 2010

Fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv ħabbar id-dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema li għandhom isiru sa tmiem it-tielet perijodu taż-żamma tar-riżervi tal-2010, fit-13 ta’ April 2010. Dawn se jitmexxew bħala proċeduri għas-sejħa tal-offerti b’rata fissa u b’allokazzjoni sħiħa, mill-inqas sa din id-data. Ingħataw ukoll id-dettalji tal-operazzjoni ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal ta’ 12-il xahar li għandha ssir f’Diċembru 2009, u tħabbar li din l-operazzjoni ta’ 12-il xahar u l-operazzjoni ta’ 6 xhur li għandha ssir f’Marzu 2010 se jkunu l-aħħar operazzjonijiet b’maturitajiet ta’ 12-il xhur u ta’ 6 xhur rispettivament. Stqarrija għall-istampa bid-dettalji ta’ din id-deċiżjoni hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Estensjoni tal-bidliet temporanji fir-regoli relatati mal-eliġibbiltà tal-kollateral

Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/18 dwar il-bidliet temporanji fir-regoli relatati mal-eliġibbiltà tal-kollateral (BĊE/2009/24). Din il-Linja Gwida ttawwal sal-31 ta’ Diċembru 2010 il-perijodu tal-applikazzjoni tal-bidliet fir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-kollateral, li skond l-Artikolu 10(2) tal-Linja Gwida BĊE/2008/18 kellhom jispiċċaw fil-31 ta’ Diċembru 2009. Din l-estensjoni kienet tħabbret diġà fis-7 ta’ Mejju 2009. Il-Linja Gwida ġiet ippubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Diċembru 2009 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Konsultazzjoni pubblika dwar dejta tal-livell tas-self

Fis-17 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv, wara li għamel stima tal-ħtieġa għas-sorveljanza tad-dejta tal-livell tas-self, iddeċieda li jniedi konsultazzjoni pubblika dwar ir-rappurtaġġ ta’ informazzjoni dwar il-livell tas-self għat-titoli koperti b’assi (ABSs) fil-kuntest tal-qafas tal-Eurosistema għall-kollateral. Iżjed informazzjoni tingħata iżjed ’l-quddiem fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

Glossarju ta’ termini dwar il-pagament, l-ikklerjar u s-saldu

Fis-27 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill Governattiv approva u awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ glossarju ta’ termini, miġbur minn kumitat ta’ esperti tas-SEBĊ, u relatat ma’ aspetti tekniċi tas-sistemi tal-pagament, l-ikklerjar u s-saldu fl-Unjoni Ewropea. Qabel, il-glossarju kien tressaq għal konsultazzjoni pubblika. Stqarrija għall-istampa li nħarġet flimkien mal-ħarġa ta’ dan il-glossarju ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE fl-1 ta’ Diċembru 2009.

Il-kollegament ta’ Българска народна банка (Bulgarian National Bank) mat-TARGET2

Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv approva l-kollegament ta’ Българска народна банка (Bulgarian National Bank) mas-sistema tat-TARGET2 b’seħħ mill-1 ta’ Frar 2010.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti għar-rappurtaġġ dwar il-kummerċ barrani Ġermaniż

Fis-27 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Ġermaniż għall-Affarijiet Economici u t-Teknoloġija (CON/2009/97).

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sistema tal-pagamenti fl-Ungerija

Fis-7 ta’ Diċembru 2009, fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank, il-Kunsill Governattiv adotta opinjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali, u r-rekwiżiti tekniċi u operazzjonali, tal-fornituri tas-servizzi tal-ikklerjar għas-sistema tal-pagamenti fl-Ungerija (CON/2009/98).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tas-sostenn Awstrijak għas-suq interbankarju

Fl-10 ta' Diċembru 2009, fuq talba tal-Ministeru Awstrijak tal-Finanzi, il-Kunsill Governattiv adotta opinjoni dwar l-estensjoni tal-garanziji tal-Istat Awstrijak għas-suq interbankarju (CON/2009/99).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kompetenzi tal-Banka Slovenije fir-rigward tas-sħubija tas-Slovenja fil-Fond Monetarju Internazzjonali

Fil-15 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru Sloven tal-Finanzi (CON/2009/100).

Statistika

Linja Gwida tal-BĊE dwar statistika monetarja u tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji

Fl-4 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 dwar l-istatistika monetarja u tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji u (riveduta) (BĊE/2009/23). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Arranġament bi tweġiba għall-kriżi 2009 għall-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bosnia u Ħerzegovina, il-Montenegro, it-Turkija, is-Serbja u l-Kosovo (skond l-UNSCR 1244/99)

Fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv approva ftehim dwar assistenza teknika, li jinvolvi lill-Eurosistema u l-Kummissjoni Ewropea, biex tissaħħaħ is-sorveljanza makro u mikroprudenzjali fil-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, il-Bosnia u Ħerzegovina, il-Montenegro, it-Turkija, is-Serbja u l-Kosovo (skond l-UNSCR 1244/99). L-għan ta’ dan il-programm ta’ sentejn hu li titjieb il-kapaċità għall-irkupru tal-ekonomiji rispettivi mit-tensjoni finanzjarja u l-kapaċità teknika għall-kooperazzjoni fost is-sorveljanti bankarji u mal-awtoritajiet tal-UE.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informatika (ITC)

Fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Koenraad de Geest li għandu jkun id-Direttur Ġenerali tas-Sistemi tal-Informatika tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2010, bħala President tal-ITC, b’seħħ mill-istess data. Il-mandat tiegħu bħala President tal-ITC jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri fl-istess żmien tal-iskadenza tal-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fid-19 ta’ Lulju 2007 għal perijodu ta’ tliet snin.

Presidenza tal-Konferenza għar-Riżorsi Umani (HRC)

Fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Steven Keuning, li għandu jkun id-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani, Baġit u Organizzazzjoni tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2010, bħala President tal-HRC, b’seħħ minn din id-data. Il-mandat tiegħu bħala President tal-HRC jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri fl-istess żmien tal-iskadenza tal-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fid-19 ta’ Lulju 2007 għal perijodu ta’ tliet snin.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tas-Central Bank and Financial Services Authority of Ireland

Fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Rakkomandazzjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tas-Central Bank and Financial Services of Ireland (BĊE/2009/26). Ir-Rakkomandazzjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju

Fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2001/16 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti mis-sena finanzjarja 2002 (BĊE/2009/27). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Linja Gwida tal-BĊE dwar rappurtar finanzjarju u tal-kontabilità

Fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Linja Gwida li temenda l-Linja Gwida BĊE/2006/16 dwar il-qafas legali għar-rappurtar finanzjarju u tal-kontabilità fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2009/28). Il-Linja Gwida se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE

Fl-14 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2006/17 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2009/29). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2010

Fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2010 (BĊE/2009/25). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Bini ġdid tal-BĊE

Tnedija tal-fażi tal-kostruzzjoni

Fis-16 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Governattiv, wara li qis ir-riżultat sodisfaċenti tal-biċċa l-kbira tal-offerti għall-kostruzzjoni tal-Bini l-Ġdid tal-BĊE fi Frankfurt am Main, iddeċieda li jniedi l-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett. Stqarrija għall-istampa ġiet ippubblikata l-bieraħ fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja