Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Jannar 2010

Sistemi ta’ pagament u l-Infrastruttura tas-suq

Ktejjeb dwar il-Mudell tal-Attività Bankarju Ċentrali Korrispondenti (CCBM)

Fl-4 ta' Jannar 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb aġġornat imsejjaħ “Proċeduri tas-CCBM għall-kontropartijiet tal-Eurosistema – Diċembru 2009”.

Rapport dwar il-progress tat-TARGET2-Titoli

Fl-14 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill Governattiv qies l-istat tal-progress tal-proġett T2S, u ddeċieda li d-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDs) għandhom jiġu trasferiti wieħed wieħed, approva l-kriterji tal-eliġibbiltà għas-CSDs biex jiġu kollegati mat-T2S u tawwal il-mandati attwali tal-Grupp Konsultattiv għat-T2S u tal-Grupp ta' Kuntatt għas-CSD sakemm jidħol fis-seħħ il-Qafas ta’ Ftehim bejn l-Eurosistema u s-CSDs. Tagħrif dettaljat se jkun disponibbli iżjed ’il quddiem fil-websajt tal-BĊE.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Pubblikazzjoni ta’ indikaturi strutturali għas-settur bankarju tal-UE

Fl-14 ta’ Jannar 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ indikaturi strutturali għas-settur bankarju tal-UE. Dawn l-indikaturi jipprovdu, fost affarijiet oħra, informazzjoni dwar l-għadd ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-għadd ta’ fergħat u sussidjarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE u ta’ pajjiżi oħra, l-assi totali u l-għadd ta’ impjegati tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll dwar il-konċentrament tas-settur bankarju f’kull Stat Membru tal-UE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti fl-Ungerija

Fil-5 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-forint u tal-euro fl-Ungerija. (CON/2010/1).

Opinjoni dwar l-istatistika nazzjonali fl-Estonja

Fis-6 ta’ Jannar, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Estonjan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar qafas legali ġdid għall-produzzjoni tal-istatistika nazzjonali (CON/2010/2).

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni bankarja u finanzjarja Franċiża

Fis-7 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Industrija u l-Impjieg, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ċerti miżuri fir-rigward tar-regolazzjoni bankarja u finanzjarja (CON/2010/3).

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Franċiża fir-rigward tas-sorveljanza

Fit-8 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Industrija u l-Impjieg, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar l-inkorporazzjoni tal-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji u jagħmlu s-sorveljanza fil-qasam bankarju u f’dak tal-assigurazzjoni (CON/2010/4).

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ awtoritajiet Ewropej tas-sorveljanza

Fit-8 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Kunsill tal-UE, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar tliet proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jwaqqfu Awtorità Bankarja Ewropea, Awtorità Ewropea għall-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq (CON/2010/5). L-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ prospett u armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għat-trasparenza relatati ma’ dawk li joħorġu t-titoli

Fil-11 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Kunsill tal-UE, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE (CON/2010/6). L-Opinjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri għall-irkupru u s-sorveljanza tas-settur bankarju u finanzjarju u dwar in-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique

Fil-11 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar miżuri ta’ rkupru applikabbli għall-intrapriżi fil-qasam bankarju u finanzjarju, dwar is-sorveljanza tas-settur finanzjarju u tas-servizzi finanzjarji u dwar l-istatuti tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique (CON/2010/7).

Opinjoni tal-BĊE dwar leġiżlazzjoni Griega relatata mar-ristrutturar tad-dejn u l-ipproċessar ta’ dejta tal-aġenziji tal-kreditu

Fit-13 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru Grieg tal-Ekonomija, il-Kompetittività u t-Traffiku Marittimu, il-Kunsill Governattiv adotta Opinjoni dwar ir-ristrutturar tad-dejn tan-negozju u dak professjonali dovut lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dwar l-ipproċessar ta’ dejta tal-aġenziji tal-kreditu (CON/2010/8).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-konsolidament tal-banek tad-depożitu fil-Finlandja

Fit-13 ta’ Jannar 2010, fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Finlandiż, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni (CON/2010/9).

Governanza korporattiva

Pjan tal-baġit u tal-akkwisti tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwisti (EPCO) għall-2010

Fit-22 ta’ Diċembru 2009 il-Kunsill Governattiv approva l-pjan tal-baġit u tal-akkwisti tal-EPCO għall-2010.

Karti tal-flus

Rapport annwali dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-qafas għar-riċiklaġġ tal-karti tal-flus

Fis-7 ta’ Jannar 2010, wara li qies li kien sar progress xieraq tul l-2009 fl-implimentazzjoni formali tal-Qafas għar-Riċiklaġġ tal-Karti tal-Flus (BRF) mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u fl-applikazzjoni tiegħu u wkoll li l-BRF kellu jiġi sostitwit fl-2010 permezz ta’ Deċiżjoni tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li fl-2010, il-banek ċentrali nazzjonali kellhom jibqgħu jissorveljaw mill-qrib il-konformità mal-BRF min-naħa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u professjonisti oħra fil-maniġġ tal-flus kontanti.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja