Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Settembru 2010

Kwistjonijiet operazzjonali

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema pagabbli mis-17 ta’ Ottubru 2010 sat-18 ta’ Jannar 2011

Fit-2 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv ħa diversi deċiżjonijiet dwar il-proċeduri u r-rati tas-sejħiet għall-offerti applikabbli għall-operazzjonijiet ewlenin tiegħu għar-rifinanzjament (MROs), għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal ta' tliet xhur (LTROs), u operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien speċjali b'maturità ta' perijodu wieħed taż-żamma tar-riżervi. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jagħmel tliet operazzjonijiet addizzjonali ta’ rfinar meta jimmaturaw l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ta’ sitt xhur u ta’ tnax-il xahar li baqa’. Id-dettalji ngħataw fi stqarrija għall-istampa ppubblikata fl-istess jum flimkien ma’ verżjoni aġġornata tal-kalendarju konsolidat għall-operazzjonijiet b’sejħa għall-offerti tal-Eurosistema.

Reviżjoni tad-“Dokumentazzjoni Ġenerali” tal-BĊE

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv approva verżjoni riveduta ta’ “L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro: Dokumentazzjoni Ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema” (minn issa ’l quddiem imsejħa “Dokumentazzjoni Ġenerali”), u adotta l-Linja Gwida BĊE/2010/13 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-Linja Gwida BĊE/2010/13 se tissostitwixxi l-verżjoni attwali tad-Dokumentazzjoni Ġenerali meta tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Settembru 2010. Din se tiġi ppubblikata iżjed tard din is-sena fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq

Aspettattivi dwar sorveljanza għall-kontinwità tal-ħidma tas-sistemi ta’ pagament li huma ta’ importanza sistemika

Fit-3 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazjoni ta’ rapport ta’ valutazzjoni dwar l-istatus tal-implimentazzjoni tal-aspettattivi tal-Eurosistema dwar is-sorveljanza għall-kontinwità tal-ħidma tas-sistemi ta’ pagament li huma ta’ importanza sistemika. Il-valutazzjoni saret bħala parti mid-dmir ta’ sorveljanza tal-Eurosistema u kkonfermat li l-arranġamenti tas-sistemi valutati għall-kontinwità tal-ħidma u l-komunikazzjoni waqt kriżi qed jinżammu skond standards għoljin mill-operaturi rispettivi. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, hu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

TARGET2-Titoli - (T2S) Ħatra tal-membri tal-Bord tal-Programm T2S

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv ħatar il-membri tal-Bord tal-Programm T2S għal mandat ta’ 18-il xahar li jibda fl-1 ta’ Novembru 2010. Il-Bord tal-Programm T2S twaqqaf fid-19 ta’ Marzu 2009 biex jassisti lill-korpi deċiżjonali tal-BĊE ħalli jiżguraw li l-Programm T2S jitlesta b’suċċess u fil-ħin. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Emendi għall-Linja Gwida dwar it-TARGET2

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2010/12 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/2 dwar sistema Trans-Ewropea Awtomatizzata għat-Trasferiment Mgħaġġel ta’ saldu Gross f’Ħin Reali (TARGET2). Il-Linja Gwida, li tqis l-aġġornamenti meħtieġa għall-ħarġa 4.0 tat-TARGET2 kif ukoll għadd ta’ bidliet tekniċi wara li daħal fis-seħħ it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, se tkun applikabbli mit-22 ta’ Novembru 2010.

L-istabbiltà finanzjarja u s-superviżjoni

Rapport dwar l-istrutturi bankarji tal-UE

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali dwar l-istrutturi bankarji tal-UE mħejji mill-Kumitat għas-Superviżjoni tal-Attività Bankarja (BSC). Dan jiffoka fuq l-iżviluppi strutturali tal-2008 u l-2009 li huma rilevanti mill-aspett tal-istabbiltà bankarja, u fih artiklu speċjali dedikat għall-evoluzzjoni futura tas-settur bankarju tal-UE. Ir-rapport fih ukoll anness li janalizza l-prestazzjoni tal-miżuri għall-banek u jesprimi dubju dwar ir-rilevanza u l-effiċjenza tal-miżuri dwar redditu azzjonarju (RoE) bħala mezz li jagħti lill-maniġers, sorveljanti u awtoritajiet għall-istabbiltà finanzjarja, stampa xierqa tal-prestazzjoni tal-banek. Abbażi ta’ evidenza empirika, dan l-anness juri l-limitazzjonijiet tal-miżuri tar-RoE u l-kunċetti żbaljati dwarhom, u jissuġġerixxi tirqim kemm fl-iskop kif ukoll fil-kwalitajiet tal-miżuri għall-prestazzjoni. Ir-rapport se jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Rapport dwar l-istabbiltà tas-settur bankarju tal-UE

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tar-rapport imsejjaħ “L-istabbiltà tas-settur bankarju tal-UE”, imħejji mill-BSC (Kumitat għas-Sorveljanza tal-Attività Bankarja). Ir-rapport jeżamina l-kundizzjoni finanzjarja tas-sistema bankarja kollha tal-UE fl-2009 u ta' banek kbar tal-UE fl-ewwel sitt xhur tal-2010. Abbażi ta’ firxa wiesgħa ta’ indikaturi makroprudenzjali u tas-swieq, janalizza wkoll ir-riskji ewlenin li jheddu l-prospetti tas-settur bankarju tal-UE. Ir-rapport se jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-qafas legali Pollakk għall-iskema tal-garanziji għad-depożiti

Fis-6 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Pollakk (CON/2010/64).

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kapital għall-ktieb tan-negozju u għat-titolizzazzjoni, u l-analiżi superviżorja tal-politika tar-remunerazzjoni

Fis-6 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni li rriżultat minn inizjattiva tiegħu stess (CON/2010/65).

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-leġiżlazzjoni Rumena fir-rigward tal-istatistika uffiċjali

Fid-9 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika tar-Rumanija (CON/2010/66).

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2494/95 fir-rigward tal-istandards minimi għall-kwalità tal-ippeżar HICP u li jirrevoka r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 2454/97

Fid-9 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea (CON/2010/67).

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri addizzjonali biex jiġi restawrat il-bilanċ tal-baġit fir-Rumanija

Fis-26 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministeru tal-Finanzi Pubbliċi Rumen (CON/2010/69).

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-qafas legali għall-funzjonament tal-Bank Gospodarstwa Krajowego

Fid-9 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Marixxall tas-Sejm tal-Parlament Pollakk (CON/2010/70).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tal-garanzija tal-Istat Irlandiż fir-rigward ta’ ċerti obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni fuq talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż (CON/2010/71).

Statistika

Qafas legali għal nuqqas ta’ konformità mal-istatistika MIR - Deċiżjoni tal-BĊE

Fid-19 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/10 dwar in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika li tikkjarifika l-proċedura, dwar il-ksur, stabbilita mill-2004, fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rappurtar marbuta mal-Istatistika tal-Karti tal-Bilanċ tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Monetarji (MFI BSI) u tapplika reġim simili għall-istatistika dwar ir-rati tal-imgħax applikati mill-MFIs għad-depożiti u s-self vis-à-vis l-individwi u l-korporazzjonijiet mhux finanzjarji (MIR). Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-28 ta’ Awwissu 2010 u hi disponibbli wkoll fil-websajt tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Banca d'Italia (BĊE/2010/11)

Fit-23 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2010/11 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Banca d’Italia, għas-snin finanzjarji 2010-2015. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE fit-28 ta’ Awwissu 2010 u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Presidenza tal-Kumitat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali (IRC)

Fit-2 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Jean-Pierre Landau, bħalissa Deputat Gvernatur tal-Banque de France, bħala President tal-IRC b’seħħ immedjat.

Twaqqif ta’ Kumitat għall-Maniġġ tar-Riskji

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-ħolqien ta’ Kumitat tal-Eurosistema għall-Maniġġ tar-Riskji (RMC) skond l-Artikolu 9.1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE u approva l-mandat tiegħu għal perijodu ta’ tliet snin, li jiskadi fl-aħħar ta’ Awwissu 2013.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Qafas legali dwar l-awtentiċità, l-iċċekkjar għall-kondizzjoni tajba u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro

Fis-16 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 li tistabbilixxi regoli u proċeduri komuni dwar l-awtentiċità, l-iċċekkjar għall-kondizzjoni tajba u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, li tissostitwixxi l-qafas għar-riċiklaġġ tal-karti tal-flus ippubblikat mill-BĊE fl-2005. Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fil-jum wara li tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u se tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2011, minbarra fl-Istati Membri li jadottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 2011 jew wara, li għalihom japplika perijodu transizzjonali ta’ sena. Din id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata dalwaqt fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u se tkun disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja