Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2010

Dan il-komunikat qed jinħareġ jum qabel minħabba li, b’mod eċċezzjonali, il-laqgħa tal-Kunsill Governattiv saret fil-15 ta’ Diċembru 2010.

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Stima tal-programm Irlandiż għall-aġġustament ekonomiku u finanzjarju

Fit-28 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv ta stima pożittiva tal-Programm Irlandiż għall-aġġustament ekonomiku u finanzjarju adottat fl-istess jum mill-gvern Irlandiż. Stqarrija għall-istampa relatata ġiet ippubblikata fl-istess jum.

Kwistjonijiet operazzjonali

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema b’pagament mid-19 ta’ Jannar sat-12 ta’ April 2011

Fit-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv ħa diversi deċiżjonijiet dwar il-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti applikati għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament b’pagament mid-19 ta’ Jannar sat-12 ta’ April 2011. Id-dettalji ngħataw fi stqarrija għall-istampa ppubblikata fl-istess jum flimkien ma’ verżjoni aġġornata tal-kalendarju konsolidat għall-operazzjonijiet b’sejħa għall-offerti tal-Eurosistema.

Reviżjoni tad-Dokumentazzjoni Ġenerali tal-BĊE

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv approva emendi għal “L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro: dokumentazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema” u adotta l-Linja Gwida BĊE/2010/30 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2000/7 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-Linja Gwida BĊE/2010/30 daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2010 u se tiġi ppubblikata iżjed tard din is-sena fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Rekwiżiti għal tagħrif individwali dwar self għal titoli garantiti b’assi (ABSs)

Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar l-istabbiliment ta’ rekwiżiti għal tagħrif individwali għall-ABSs fil-qafas tal-Eurosistema għall-kollateral. Hu previst li, meta titlesta l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġar tad-dejta, il-forniment ta’ tagħrif individwali dwar self se jkun rekwiżit għall-eliġibbiltà, l-ewwel għat-titoli individwali garantiti b’ipoteki, u wara, ftit ftit, għall-ABSs l-oħra. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu

Fid-19 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2010/82).

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-ristrutturazzjoni tal-banek fil-Ġermanja

Fid-19 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru Federali tal-Finanzi Ġermaniż (CON/2010/83).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-qafas tar-riżervi minimi fl-Estonja

Fis-26 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Eesti Pank (CON/2010/84).

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-ratifika jew l-implimentazzjoni ta’ Ftehim dwar Servizzi ta’ Pagament Postali

Fit-30 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja (CON/2010/85).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-investiment temporanju f’ishma minn istituzzjonijiet ta’ kreditu waqt ir-ristrutturar finanzjarju jew operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ intrapriżi fir-Rumanija

Fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Banca Naţională a României (CON/2010/86).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-awtentiċità, il-verifika tal-kondizzjoni u r-riċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro u dwar sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar fil-Greċja

Fis-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Bank of Greece (CON/2010/87).

Opinjoni tal-BĊE dwar iż-żieda fil-kapital u r-riżerva statutorja tal-Banque de France

Fid-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Ekonomiċi, l-Industrija u l-Impjieg (CON/2010/88).

Opinjoni tal-BĊE dwar ċerti dispożizzjonijiet ġodda dwar iċ-ċirkolażżjoni tal-flus kontanti fis-Slovakja

Fid-9 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tan-Národná banka Slovenska (CON/2010/89).

Opinjoni tal-BĊE dwar l-awtentiċità, il-verifika tal-kondizzjoni u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (CON/2010/90).

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħatra u t-tkeċċija ta’ membri tal-Kunsill Monetarju u dwar ir-remunerazzjoni tal-membri tal-Bord ta’ Sorveljanza tal-Magyar Nemzeti Bank

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni fuq talba tal-Ministeru għall-Ekonomija Nazzjonali Ungeriż (CON/2010/91).

Governanza korporattiva

Riformulazzjoni ta’ atti legali marbuta mal-implimentazzjoni tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli

Fil-25 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (riformulazzjoni) u d-Deċiżjoni BĊE/2010/24 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u li ġie minn titoli mixtrija skond il-programm tas-swieq tat-titoli (riformulazzjoni). Iż-żewġ atti legali se jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u se jkunu disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Atti legali relatati ma’ żieda fil-kapital tal-BĊE

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/26 dwar iż-żieda tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u d-Deċiżjoni BĊE/2010/27 dwar il-ħlas taż-żieda tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro. Barra dan, il-Kunsill Ġenerali tal-BĊE adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/28 dwar il-ħlas tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali barra ż-żona tal-euro. Id-Deċiżjoni BĊE/2010/26 iżżid il-kapital sottoskritt tal-BĊE minn EUR 5.76 biljun għal EUR 10.76 biljun b’seħħ mid-29 ta’ Diċembru 2010. It-tliet atti legali se jiġu ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u se jkunu disponibbli fil-websajt tal-BĊE. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata, ippubblikata llum fil-websajt tal-BĊE.

Baġit u pjan tal-akkwist 2011 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwist

Fil-15 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv approva l-baġit u l-pjan tal-akkwist 2011 tal-EPCO.

Karti tal-flus

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-proċedura għall-kwalità tal-akkreditament għall-manifatturi tal-karti tal-flus tal-euro

Fil-25 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/22 dwar il-proċedura għall-kwalità tal-akkreditament għall-manifatturi tal-karti tal-flus tal-euro. Id-Deċiżjoni tiżgura li dawk il-manifatturi biss li jkunu konformi mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità jiġu akkreditati biex jipproduċu l-karti tal-flus tal-euro u l-materjali primarji tagħhom. Id-Deċiżjoni, li ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u li hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE, se tiġi applikata mill-1 ta’ Mejju 2011.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-volum tal-ħruġ ta’ muniti għall-2011

Fid-29 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2010/25 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2011. Id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill Governattiv adotta Deċiżjoni li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2001/15 tas-6 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħruġ tal-karti tal-flus tal-euro (BĊE/2010/29). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-UE u fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja