Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (b'żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Mejju 2011
Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja
Valutazzjoni tal-programm Portuġiż għall-aġġustament ekonomiku u finanzjarju
Fil-5 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv ivvaluta b’mod pożittiv il-programm Portugiż għall-aġġustament ekonomiku u finanzjarju adottat fl-istess jum mill-gvern Portugiż. Stqarrija għall-istampa dwar dan ġiet ippubblikata fl-istess jum fil-websajt tal-BĊE.
Operazzjonijiet tas-suq
Mudelli ta’ data dwar il-livell tas-self għal tipi ġodda ta’ titoli koperti b’assi
Bi qbil mad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ta’ Diċembru 2010 (ara Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE – Diċembru 2010) biex jiddaħħlu gradwalment rekwiżiti ta’ rappurtar individwali dwar self għal bosti tipi ta’ titoli koperti b’assi fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema, fid-29 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-mudelli għal titoli koperti b’ipoteki kummerċjali u għal tranżazzjonijiet ma’ impriżi żgħar u medji. Dawn il-mudelli u l-istqarrija għall-istampa dwarhom, flimkien mal-mudell għal titoli residenzjali koperti b’ipoteki li nħareġ qabel, jinsabu fil-websajt tal-BĊE.
Operazzjonijiet b’sejħiet għall-offerti u perjodi taż-żamma tar-riżervi fl-2012 u l-2013
Fit-18 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv qies il-kalendarji indikattivi għall-operazzjonijiet regolari tal-Eurosistema b’sejħiet għall-offerti u għall-perjodi taż-żamma tar-riżervi fl-2012 u l-2013. Id-dettalji jinsabu f’żewġ stqarrijiet għall-istampa ppubblikati llum fil-websajt tal-BĊE bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.
Is-sistemi ta’ pagament u l-infrastruttura tas-suq
Rapport Annwali 2010 dwar it-TARGET
Fit-12 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv qies ir-Rapport Annwali 2010 dwar it-TARGET. Ir-rapport juri li t-TARGET2 jibqa’ strumentali għall-promozzjoni ta’ suq monetarju integrat fiż-żona tal-euro, u dan huwa prerekwiżit għat-tmexxija effikaċi tal-politika monetarja unika u jgħin fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-euro. Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa dwaru ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fid-19 ta’ Mejju 2011.
Forum Ewropew dwar is-sigurtà tal-pagamenti individwali
Fid-19 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv approva l-mandat għal forum Ewropew dwar is-sigurtà tal-pagamenti individwali (SecuRe Pay). Il-forum, li hu inizjattiva b’kooperazzjoni volontarja, għandu l-għan li jaqsam it-tagħrif u jsaħħaħ il-ftehim, b’mod partikolari bejn il-kontrolluri u s-superviżuri tal-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, dwar kwistjonijiet marbuta mas-sigurtà tal-pagamenti individwali. Is-suq integrat tal-pagamenti jeħtieġ din il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet sabiex: (i) il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ikunu jistgħu jaħdmu bl-istess kondizzjonijiet; (ii) jiġi evitat, sakemm ikun possibbli, l-arbitraġġ regolatorju; u (iii) jitkattar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet.
Analiżi tal-qafas tal-Eurosistema dwar il-politika ta’ superviżjoni
Fid-19 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni aġġornata tal-qafas tal-Eurosistema dwar il-politika ta’ superviżjoni, li jagħti ħarsa lejn il-metodi u l-istrumenti attwali utilizzati mill-Eurosistema għas-superviżjoni tas-sistemi ta’ pagament. Il-qafas gie aġġornat, fost l-oħrajn, biex jiġi reġistrat espressament l-interess tal-Eurosistema fit-tħaddim tajjeb tad-depożiti tad- data dwar in-negozju u fis-superviżjoni tat-Titoli-TARGET2. Il-qafas ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.
L-istabbiltà u s-superviżjoni finanzjarja
Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Ġunju 2011
Fid-19 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-“Analiżi tal-Istabbiltà Finanzjarja – Ġunju 2011”. L-analiżi tagħti valutazzjoni komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro biex tassorbi t-taqlib negattiv, u teżamina s-sorsi ewlenin tar-riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-vulnerabbiltà tagħha. L-analiżi se tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE.
Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar it-tisħiħ tal-governanza tad-De Nederlandsche Bank u tal-Awtorità għas-Swieq Finanzjarji
Fit-18 ta' April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Olandiż (CON/2011/37).
Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ rkupru u riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Irlanda
Fis-26 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministru tal-Finanzi Irlandiż (CON/2011/39).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għar-regoli dwar ir-reġistru ta’ assi finanzjarji fis-Slovenja
Fis-27 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Sloven (CON/2011/40).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-finalità tas-saldu u arranġamenti dwar il-kollateral finanzjarju fil-Belġju
Fid-29 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Belġjan (CON/2011/41).
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
Fl-4 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/42).
Opinjoni tal-BĊE dwar emendi varji għall-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta
Fit-18 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (CON/2011/43).
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea
Fid-19 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta din l-Opinjoni wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CON/2011/44). L-Opinjoni se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Statistika
Konfidenzjalità dwar il-ġbir ta’ tagħrif tal-istatistika
Fit-28 ta’ April 2011 il-Kunsill Governattiv approva r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-miżuri adottati biex iħarsu l-konfidenzjalità tat-tagħrif tal-istatistika msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-BĊE. Ir-rapport fil-qosor jinsab fil-websajt tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Aċċess pubbliku għal dokumenti tal-BĊE
Fid-9 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill Governattiv adotta emenda teknika għad-Deċiżjoni BĊE/2004/3 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2011/6). Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja