Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2012

Operazzjonijiet tas-suq

Aġġornament tad-Dokumentazzjoni Ġenerali tal-BĊE

Fis-26 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva verżjoni ġdida ta’ “L-implimentazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-euro – dokumentazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema” u adotta l-Linja Gwida BĊE/2012/25 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2011/14 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Din il-verżjoni tad-Dokumentazzjoni Ġenerali tinkludi l-emendi kollha magħmula minn meta ġiet aġġornata l-aħħar f’Settembru 2011. Il-Linja Gwida BĊE/2012/25 tibda tapplika mit-3 ta’ Jannar 2013. Il-Linja Gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa li għamlet enfasi fuq it-tibdil ewlieni li seħħ, ixxandret fil-websajt tal-BĊE fit-28 ta’ Novembru 2012.

Estensjoni tal-arranġamenti swap ma’ banek ċentrali oħra

Fl-4 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-linji swap reċiproċi bejn il-BĊE u l-Federal Reserve, il-Bank of Japan, il-Bank of England, is-Swiss National Bank u l-Bank of Canada sal-1 ta’ Frar 2014. Iddeċieda wkoll li l-operazzjonijiet ta’ 7 ijiem u ta’ 84 jum li jipprovdu likwidità f’dollari Amerikani jibqgħu fis-seħħ sa avviż ieħor. Stqarrija għall-istampa dwar dan ixxandret fil-websajt tal-BĊE fit-13 ta’ Diċembru 2012.

Dettalji dwar operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fil-perjodu minn Jannar sa Lulju 2013

Fis-6 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jibqa’ jmexxi l-operazzjonijiet ewlenin tiegħu ta’ rifinanzjament bil-proċedura ta’ sejħa għall-offerti b’rata fissa u b’allokazzjoni sħiħa sakemm ikun meħtieġ, u għall-inqas sa tmiem is-sitt perjodu taż-żamma tar-riżervi tal-2013, fid-9 ta’ Lulju 2013. Din il-proċedura tibqa’ tinżamm ukoll għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema bi skadenza speċjali ta’ perjodu wieħed ta’ żamma tar-riżervi u għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament bi skadenza itwal ta’ tliet xhur li għandhom jiġu allokati fl-ewwel sitt xhur tal-2013. Stqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni xxandret fil-websajt tal-BĊE fis-6 ta’ Diċembru 2012.

Studju dwar is-Suq Monetarju tal-Euro 2012

Fit-12 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tal-“Istudju dwar is-Suq Monetarju tal-Euro 2012” imħejji minn grupp ta’ ħidma tas-SEBĊ li jirrapporta lill-Kumitat għall-Operazzjonijiet tas-Suq. L-istudju ta’ din is-sena, ibbażat fuq id-dejta tat-tieni terimestru tal-2011 u l-2012, jiġbed l-attenzjoni għall-impatt sinifikanti tal-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro fuq is-suq monetarju tal-euro, kif ukoll l-effett tal-miżuri straordinarji tal-politika tal-Eurosistema, li għandhom l-għan li jerġgħu jistabbilixxu l-funzjoni tas-swieq f’ambjent fejn is-suq monetarju tal-euro għadu frammentat. L-istudju, flimkien ma’ stqarrija dettaljata għall-istampa, ixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-17 ta’ Diċembru 2012.

Eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn maħruġa u garantiti mill-gvern Grieg

Fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/32 dwar fir-rigward tal-eliġibbiltà ta‘ strumenti ta‘ dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. Id-Deċiżjoni BĊE 2012/32 tissospendi l-applikazzjoni tal-livell minimu għall-klassifikazzjoni tal-kreditu fir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà tal-kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema fil-każ ta’ strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew garantiti mill-gvern Grieg li, jekk jissodisfaw il-kriterji l-oħra kollha ta’ eliġibbiltà, jerġgħu jiksbu l-istat ta’ eliġibbiltà għall-għanijiet tal-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema, suġġetti għal haircuts speċjali. Id-Deċiżjoni, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ixxandret fid-19 ta’ Diċembru 2012 fil-websajt tal-BĊE.

Aċċettazzjoni tas-sistema tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Banka Slovenije għall-għanijiet tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema

Fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva s-sistema tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Banka Slovenije biex tintuża fil-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema (ECAF). Il-lista sħiħa ta’ sistemi aċċettati mill-Eurosistema għall-finijiet tal-ECAF tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Eliġibbiltà ta’ kollateral denominat f’munita barranija

Fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/34 dwar bidliet temporanji fir-regoli li jirrigwardaw l-eliġibilità ta’ kollateral denominat f’munita barranija. Id-Deċiżjoni li tidħol fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2013 tipprovdi l-bażi legali għas-sospensjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Dokumentazzjoni Ġenerali u għal eliġibbiltà li tibqa’ sseħħ bħala kollateral ta’ xi assi denominati f’liri sterlini, yen jew dollari Amerikani. Id-Deċiżjoni se tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

Aġġornament tal-Linja Gwida dwar TARGET2

Fil-5 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2012/27 dwar is-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) (riformulazzjoni). Il-Linja Gwida, li ġiet riformulata fl-interess taċ-ċarezza u t-trasparenza, tinkorpora materjal li qabel kien intern għall-Eurosistema u żżid xi definizzjonijiet u dispożizzjonijiet fejn jidħlu, inter alia, l-iskema ġdida tal-ipprezzar għal TARGET2, u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sospensjoni jew it-tmiem tal-aċċess għal operazzjonijiet tal-politika monetarja u l-konsegwenzi ta’ din is-sospensjoni jew ta’ dan it-tmiem. Il-Linja Gwida se tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Financial Stability Review ta’ Diċembru 2012

Fil-5 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tal-edizzjoni ta’ Diċembru 2012 tal-“Financial Stability Review”, li tagħti evalwazzjoni komprensiva tal-kapaċità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro li tassorbi l-iżviluppi negattivi u teżamina s-sorsi ewlenin ta’ riskji u vulnerabbiltà għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Il-pubblikazzjoni, flimkien ma’ stqarrija dettaljata għall-istampa, ixxandret fil-websajt tal-BĊE fl-14 ta’ Diċembru 2012.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar bonds garantiti (Pfandbriefe) fil-Ġermanja

Fit-23 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/92 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar taxxa fuq servizzi finanzjarji u dwar taxxa fuq il-valur totali tal-karta tal-bilanċ ta’ bank fis-Slovenja

Fis-26 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/93 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi lil-Liġi Ungeriża dwar it-taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji

Fis-26 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/94 wara talba tal-Ministeru tal-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-abbozz ta’ diversi standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni ppreżentati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni biex jiġu adottati permezz ta’ regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet

Fis-27 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/95 wara talba tal-Kummissjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea)

Fis-27 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/96 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja

Fis-27 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/97 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Latvja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-estensjoni tal-garanzija tal-Istat Irlandiż ta’ passiv eliġibbli ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

Fid-29 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/98 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment

Fid-29 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/99 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar garanzija tal-Istat tal-Belġju li tkopri ċerti impenji ta’ sussidjarji ta’ Dexia SA

Fit-30 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/100 wara talba tan-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, li kien qiegħed jaġixxi f’isem il-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-liġi bankarja fis-Slovenja

Fis-7 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/101 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ċerti kundizzjonijiet fuq l-għoti ta’ self fir-Rumanija

Fis-7 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/102 wara talba ta’ Banca Naţională a României.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar informazzjoni ewlenija għal prodotti ta’ investiment

Fil-11 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/103 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew. Din l-Opinjoni se tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-leġiżlazzjoni finanzjarja fid-Danimarka

Fil-11 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/104 wara talba tal-Awtorità tas-Superviżjoni Finanzjarja tad-Danimarka.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fil-Litwanja

Fil-11 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/105 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-istabbiltà bankarja u finanzjarja fi Franza

Fit-12 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/106 wara talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi ta’ Franza.

Opinjoni tal-BĊE dwar “high frequency trading” fil-Ġermanja

Fit-13 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/107 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar kumpaniji għall-ġestjoni tal-assi fi Spanja

Fl-14 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/108 wara talba tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi u s-Sostenn għan-Negozju ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-ħolqien ta’ riżervi ta’ kapital għall-Banca Monte dei Paschi di Siena

Fis-17 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2012/109 wara talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi tal-Italja.

Statistika

Deċiżjoni dwar statistika tal-fondi tal-investiment

Fis-7 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/28 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2009/4 dwar id-derogi li jistgħu jingħataw skont ir-Regolament (KE) Nru 958/2007 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta’ fondi ta’ investiment. L-att legali dwar l-emendi jaġġorna ċerti referenzi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali filwaqt li ma jbiddel xejn fir-rigward tal-kategoriji tal-fondi tal-investiment. Id-Deċiżjoni se tixxandar fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Kooperazzjoni Internazzjonali u Ewropea

Programm ta’ kooperazzjoni teknika mal-Bank Nazzjonali tas-Serbja

Fis-7 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva estensjoni ta’ sena għall-programm ta’ kooperazzjoni teknika mal-Bank Nazzjonali tas-Serbja li oriġinarjament kien ġie awtorizzat fis-17 ta’ Diċembru 2010. Dan il-programm issa se jibqa’ sejjer sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Governanza korporattiva

Sħubija fil-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Fis-6 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Christian Noyer, Gvernatur tal-Banque de France, bħala membru tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE b’effett mill-15 ta’ Diċembru 2012 għal perjodu ta’ tliet snin.

Presidenza tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni tal-Eurosistema/SEBĊ

Fis-6 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Christine Graeff, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-BĊE għall-Komunikazzjoni u s-Servizzi Lingwistiċi, bħala President tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni tal-Eurosistema/SEBĊ mill-1 ta’ Jannar 2013. Il-mandat ta’ Graeff bħala President tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni tal-Eurosistema/SEBĊ jiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2013, jiġifieri fl-istess data ta’ skadenza tal-mandati tal-presidenti tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ, li nħatru (mill-ġdid) mill-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ Lulju 2010.

Atti legali b’relazzjoni ma’ kwistjonijiet fir-rigward tal-kontabilità, ir-rappurtar finanzjarju u d-dħul monetarju

Fl-10 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2012/29 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2010/20 dwar il-qafas legali għar-rappurtar tal-kontabilità u dak finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentraliu d-Deċiżjoni BĊE/2012/30 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/21 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE. B’mod partikolari l-Linja Gwida BĊE/2012/29 tinkludi emendi tekniċi dwar id-dħul ta’ rakkomandazzjoni fir-rigward tal-kapaċità tal-banek ċentrali nazzjonali li joħolqu provedimenti ġenerali għar-riskju, kif ukoll l-armonizzazzjoni u l-iżvelar ta’ operazzjonijiet għal assistenza ta’ likwidità f’emerġenza li issa għandhom jitniżżlu fil-partita 6 ‘Klejms oħra mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fiż-żona tal-euro denominati fl-euro’. Id-Deċiżjoni BĊE/2012/30 tinkludi emendi tekniċi dwar it-trattament ta’ ġrajjiet li jkunu seħħew wara l-ħruġ tal-karta tal-bilanċ fil-kontijiet annwali, fosthom il-bdil tad-data tal-approvazzjoni tal-kontijiet annwali tal-BĊE.

Fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta wkoll id-Deċiżjoni BĊE/2012/33 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/24 dwar id-distribuzzjoni interim tal-introjtu tal-Bank Ċentrali Ewropew minn karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrijin taħt il-Programm tas-Swieq tat-Titoli, biex id-dati tad-distribuzzjoni interim mid-dħul mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jiġu jaqblu mad-dati tad-distribuzzjoni tad-dħul tal-BĊE mit-titoli tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli. It-tliet atti legali, li jidħlu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2012, se jixxandru fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Baġit u pjan tal-akkwist għall-2013 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinazzjoni tal-Akkwist

Fis-17 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv approva l-baġit u l-pjan tal-akkwist għall-2013 tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinazzjoni tal-Akkwist.

Presidenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-IT tal-Eurosistema

Fid-19 ta’ Diċembru 2012 il-Kunsill Governattiv ħatar b’effett immedjat lil Yves Mersch, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, President tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-IT tal-Eurosistema.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-kwantitajiet tal-ħruġ ta’ muniti fl-2013

Fid-29 ta’ Novembru 2012 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2012/26 dwar l-approvazzjoni tal-volum ta’ ħruġ ta’ muniti fl-2013. Id-Deċiżjoni ixxandret fis-6 ta’ Diċembru 2012 fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja