Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2013

Is-sitwazzjoni ekonomika, monetarja u finanzjarja

Ftehim dwar il-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu ta’ rata tal-kambju fit-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Fil-21 ta’ Ġunju 2013 il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro ffirmaw ftehim li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu ta’ rata tal-kambju fit-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-ftehim, li jqis id-dħul tal-bank ċentrali nazzjonali tal-Kroazja (Hrvatska narodna banka) fis-SEBĊ, ixxandar f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Operazzjonijiet tas-Suq

Tibdil fl-eliġibbiltà tal-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġa jew garantiti mir-Repubblika ta’ Ċipru

Fit-28 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jissospendi għal xi żmien l-eliġibbiltà tal-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġa jew garantiti bis-sħiħ mill-gvern Ċiprijott għall-użu bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Din id-deċiżjoni tqis it-tibdil fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tar-Repubblika ta’ Ċipru minħabba t-tranżazzjonijiet imħabbra mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika ta’ Ċipru fis-27 ta’ Ġunju 2013. Id-Deċiżjoni dwar dan (BĊE/2013/21), flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ixxandret fil-websajt tal-BĊE fit-28 ta’ Ġunju 2013.

Fil-5 ta’ Lulju l-Kunsill Governattiv qies it-titjib fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tar-Repubblika ta’ Ċipru wara li fl-1 ta’ Lulju 2013 ġew konklużi b'suċċess it-tranżazzjonijiet imsemmija u ħa d-deċiżjoni li l-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġa jew garantiti bis-sħiħ mir-Repubblika ta' Ċipru kellhom jerġgħu jitqiesu bħala kollateral eliġibbli għall-iskop tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema mill-5 ta’ Lulju 2013, suġġetti għal haircuts speċifiċi. Id-Deċiżjoni dwar dan (BĊE/2013/22), flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ixxandret fil-websajt tal-BĊE fil-5 ta’ Lulju 2013.

Reviżjoni tal-miżuri għall-kontroll tar-riskji fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fis-17 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv approva l-emendi tal-miżuri għall-kontroll tar-riskji għall-assi eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Dawn l-emendi tfasslu wara li saret ir-reviżjoni ta’ kull sentejn tal-qafas tal-Eurosistema għall-kontroll tar-riskji. It-tibdil se jidħol fis-seħħ meta jiġu implimentati l-atti legali rilevanti. Stqarrija għall-istampa bid-dettalji tal-miżuri xxandret fil-websajt tal-BĊE fit-18 ta’ Lulju 2013.

Sistemi ta’ pagament u infrastruttura tas-suq

It-tieni rapport dwar il-falsifikazzjoni tal-kards

Fil-11 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv ħa nota tat-tieni rapport dwar il-falsifikazzjoni tal-kards, imħejji mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Saldu, u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fil-websajt tal-BĊE. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, ixxandar fil-websajt tal-BĊE fis-16 ta’ Lulju 2013.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar il-mandat makroprudenzjali ta' Lietuvos bankas 

Fis-26 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta CON/2013/45 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-riformi fis-salarji u fil-pensjonijiet fl-Irlanda 

Fit-28 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta CON/2013/46 wara talba tal-Ministru għan-Nefqa Pubblika u r-Riformi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti tar-riżervi b’rabta mal-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja 

Fit-2 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta CON/2013/47 wara talba ta’ Latvijas Banka.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja u dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata ta’ konverżjoni tal-euro għal-Latvja

Fil-5 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta CON/2013/48 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar fergħat ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li mhumiex fiż-ŻEE fl-Irlanda 

Fid-9 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta CON/2013/49 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tal-Irlanda.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri ta’ stabbilizzazzjoni fir-Rumanija

Fit-12 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta CON/2013/50 wara talba minn Banca Naţională a României.

Governanza korporattiva

Sitt Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar kwistjonijiet marbuta mal-ishma tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE

Fil-21 ta’ Ġunju 2013 il-Kunsill Governattiv adotta: (i) id-Deċiżjoni BĊE/2013/15 li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-kontribuzzjoni għall-valur akkumulat tal-ekwità tal-BĊE u għall-aġġustament tal-klejms tal-banek ċentrali nazzjonali li huma ekwivalenti għall-assi ta’ riżerva barranin ittrasferiti; (ii) id-Deċiżjoni BĊE/2013/16 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/29 dwar il-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro; (iii) id-Deċiżjoni BĊE/2013/17 dwar l-ishma ta’ persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE; (iv) id-Deċiżjoni BĊE/2013/18 li tistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għal trasferimenti ta’ ishma fil-kapital tal-BĊE bejn il-banek ċentrali nazzjonali u għall-aġġustament tal-kapital imħallas; u (v) id-Deċiżjoni BĊE/2013/19 dwar il-ħlas taż-żieda fil-kapital tal-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Fl-istess data, il-Kunsill Ġenerali adotta d-Deċiżjoni BĊE/2013/20 dwar il-ħlas tal-kapital tal-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali li mhumiex fiż-żona tal-euro. Id-Deċiżjonijiet, li jqisu d-dħul tal-bank ċentrali nazzjonali tal-Kroazja (Hrvatska narodna banka) fis-SEBĊ, ixxandru f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Parteċipazzjoni ta’ Latvijas Banka fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv qabel l-1 ta’ Jannar 2014

Skont il-prattika tal-imgħoddi, fit-3 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jistieden lill-Gvernatur ta’ Latvijas Banka bħala osservatur għal-laqgħat tiegħu u li jagħti l-istatus ta’ osservatur lill-esperti ta’ Latvijas Banka fir-rigward tal-kumitati kollha tal-Eurosistema/SEBĊ u s-substrutturi tagħhom meta jitlaqqgħu fil-kompożizzjoni tal-Eurosistema. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ b’effett immedjat fid-9 ta’ Lulju 2013 wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-abrogazzjoni tal-istatus ta’ deroga għal-Latvja.

Ħatra ta’ membri esterni fil-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Fl-4 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjuri Tietmeyer u Trichet bħala membri esterni fil-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE għal perjodu ta’ tliet snin, mill-1 ta’ Awwissu 2013. Il-President tal-Kumitat huwa s-Sur Liikanen u l-membri l-oħra huma s-Sinjuri Constâncio u Noyer. Il-mandat tal-Kumitat tal-Verifika jinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja