Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Settembru 2014

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tad-19 ta’ Settembru 2014

Operazzjonijiet tas-suq

Modifika fir-rekwiżiti tar-rappurtar dwar il-livell tas-self għal ċerti titoli koperti b’assi

Fl-1 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jimmodifika r-rekwiżiti tar-rappurtar dwar il-livell tas-self għal titoli koperti b’assi ( asset-backed securities – ABS) iggarantiti b’self għal karozzi, ammonti riċevibbli għal lokazzjonijiet, self għal finanzjament tal-konsum u ammonti riċevibbli fuq karti tal-kreditu li jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fl-istqarrija għall-istampa dwar din id-deċiżjoni ppubblikata fil-websajt tal-BĊE fl-4 ta’ Settembru 2014 u fil-paġni speċifiċi tal-websajt tal-BĊE.

Emenda għar-regola dwar il-prijorità tal-klassifikazzjoni

Fl-1 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2014/38 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral. Sabiex tintgħażel il-klassifikazzjoni xierqa li għandha tintuża biex tippreċiża l-eliġibbiltà ta’ assi negozjabbli għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema u l- haircut relatata magħhom, ġiet stabbilita regola li tiddefinixxi l-prijorità tal-klassifikazzjonijiet. Id-Deċiżjoni tipprovdi għal aġġustament tar-regola fir-rigward ta’ emittenti pubbliċi. Id-Deċiżjoni, li għandha tibda tgħodd mill-15 ta’ Diċembru 2014, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Tnedija ta’ programm ta’ xiri ta’ ABS u tat-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti

Fl-4 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jixtri portafoll ġenerali ta’ titoli sempliċi u trasparenti koperti b’assi (ABS) b’assi ta’ bażi li jikkonsistu fi klejms mas-settur privat mhux finanzjarju taż-żona tal-euro fi programm ta’ xiri ta’ ABS (ABSPP). Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li l-Eurosistema tixtri portafoll ġenerali ta’ bonds garantiti denominati bl-euro maħruġin minn istituzzjonijiet finanzjarji monetarji domiċiljati fiż-żona tal-euro fi programm ġdid ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3). L-interventi f’dawn il-programmi se jibdew f’Ottubru 2014. Il-modalitajiet dettaljati tal-programmi se jitħabbru wara l-laqgħa tal-Kunsill Governattiv tat-2 ta’ Ottubru 2014.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Identifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti

Fil-21 ta’ Awwissu 2014 il-BĊE ħareġ lista ta’ erba’ sistemi ta’ ħlas (TARGET2, EURO1, STEP2-T u CORE(FR)) li ġew identifikati bħala sistemikament importanti skont ir-Regolament BĊE/2014/28 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti. Ir-Regolament, li ġie adottat mill-Kunsill Governattiv fit-3 ta’ Lulju 2014 u daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Awwissu 2014 jinsab fil-websajt tal-BĊE flimkien ma’ aktar tagħrif dettaljat.

Stabbiltà u superviżjoni finanzjarja

Rapport tal-BĊE dwar l-istrutturi bankarji 2014

Fil-5 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l- ECB Banking Structures Report (Rapport tal-BĊE dwar l-Istrutturi Bankarji) tal-2014 li janalizza l-iżviluppi strutturali ewlenin fis-settur bankarju taż-żona tal-euro skont numru ta’ indikaturi aggregati u jiffoka fuq il-perjodu 2008-2013. Ir-rapport ma jdumx ma jiġi ppubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar banek tat-tfaddil marbuta ma’ assoċjazzjonijiet reċiproċi fil-Portugall

Fl-14 ta’ Awwissu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/64 wara talba tal-Ministru tal-Istat u l-Finanzi tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-kontrolli tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro fil-Litwanja

Fid-29 ta’ Awwissu 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/65 wara talba minn Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-assi ta’ taxxa differita fil-Portugall

Fit-3 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/66 wara talba tal-Ministru tal-Istat u l-Finanzi tal-Portugall.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek fil-Ġermanja

Fit-12 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/67 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Federali tal-Ġermanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ riżerva b’rabta mal-introduzzjoni tal-euro fil-Litwanja

Fit-12 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/68 wara talba minn Lietuvos bankas.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-regolamentazzjoni tan-negozju tas-sjieda tal-kreditu fl-Irlanda

Fit-12 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2014/69 wara talba mid-Dipartiment tal-Finanzi tal-Irlanda.

Governanza korporattiva

Punt ta’ tluq tar-rotazzjoni tad-dritt għall-vot fil-Kunsill Governattiv

Fis-17 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-klassifika finali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-allokazzjoni tal-Gvernaturi fl-ewwel u t-tieni grupp tal-votazzjoni, kif previst mill-Istatut. Il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni wkoll dwar il-punt ta’ tluq tal-ordni ta’ rotazzjoni għal kull grupp skont kif telgħet il-polza. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa li tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti

Fit-28 ta’ Awwissu 2014 u l-1 ta’ Settembru 2014 il-Kunsill Governattiv approva l-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jqis li huma sinifikanti u li għalhekk se jkunu taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE mill-4 ta’ Novembru 2014. Bi qbil mar-Regolament BĊE/2014/17 (ir-Regolament Qafas dwar il-MSU) il-BĊE sussegwentement ippubblika fl-4 ta’ Settembru 2014 il-lista ta’ entitajiet u gruppi taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, flimkien mal-lista ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti.

Membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

Fit-8 ta’ Settembru 2014 il-BĊE ppubblika l-ismijiet tal-ħames membri u ż-żewġ supplenti tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami maħturin mill-Kunsill Governattiv. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, imwaqqaf bħala korp ġdid fl-organizzazzjoni istituzzjonali tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, se jkun inkarigat mit-twettiq tar-reviżjoni amministrattiva interna tad-deċiżjonijiet superviżorji. Il-lista tal-membri u s-supplenti, flimkien ma’ tagħrif iżjed dettaljat, tinsab fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja