Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Frar 2015

EMBARGO

M’GĦANDHIEX TIXXANDAR QABEL it-3 p.m. CET tal-20 ta’ Frar 2015

Komunikazzjoni esterna

Rapport pubbliku fuq id-diskussjoni dwar il-politika monetarja li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015

Fit-18 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva r-rapport pubbliku tal-laqgħa tiegħu dwar il-politika monetarja li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015. L-ewwel edizzjoni ta’ din il-komunikazzjoni ġdida, li għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza tad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika monetarja u, bħala regola, tiġi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE erba’ ġimgħat wara l-laqgħa rilevanti tal-politika monetarja, ġiet ippubblikata fil-websajt tal-BĊE lbieraħ, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha.

Operazzjonijiet tas-suq

Linja Gwida tal-BĊE dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja

Fid-19 ta’ Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2014/60 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Il-Linja Gwida l-ġdida tikkonsolida, tissimplifika u ttejjeb iċ-ċarezza tal-qafas ġenerali eżistenti tal-Eurosistema dwar l-implimentazzjoni tal-politika monetarja. Il-Linja Gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarha, tinsab fil-websajt tal-BĊE u tibda tapplika mill-1 ta’ Mejju 2015, ħlief fejn hemm ipprovdut mod ieħor.

Tibdil fl-eliġibbiltà tal-istrumenti negozjabbli tad-dejn maħruġin jew garantiti mir-Repubblika Ellenika

Fl-4 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv, abbażi tal-fatt li attwalment mhuwiex possibbli li tiġi prevista konklużjoni b’suċċess tar-rieżami tal-programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali għar-Repubblika Ellenika, u skont ir-regoli eżistenti tal-Eurosistema, ħa d-deċiżjoni li jirtira l-konċessjoni li taffettwa l-istrumenti negozjabbli ta’ dejn maħruġin jew garantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika. L-eżistenza ta’ din il-konċessjoni kienet tippermetti li dawn l-istrumenti jintużaw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, minkejja l-fatt li ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. L-att legali implimentattiv relatat, id-Deċiżjoni BĊE/2015/6 dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti tad-dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika, adottata fl-10 ta’ Frar 2015, jinsab fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar miżuri relatati mal-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal

Fl-10 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/5 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma’ operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal. Id-Deċiżjoni tinkludi l-miżura li ħa l-Kunsill Governattiv fit-22 ta’ Jannar 2015 biex jiġi eliminat l-ispread ta’ 10 punti bażi fuq ir-rata tal-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament (MROs) għall-operazzjonijiet speċifiċi ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTROs) li se jsiru bejn Marzu 2015 u Ġunju 2016. Id-Deċiżjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE li tħassar l-atti legali relatati mal-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fit-18 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/9 li tħassar, mill-1 ta’ Mejju 2015, id-Deċiżjoni BĊE/2013/6 dwar ir-regoli fuq l-użu bħala kollateral ta’ bonds tal-bank skoperti għall-użu proprju ggarantiti mill-gvern għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, id-Deċiżjoni BĊE/2013/35 dwar miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u l-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 dwar ir-remunerazzjoni ta’ depożiti, bilanċi u żamma ( holdings) ta’ eċċess ta’ riżervi. Id-Deċiżjoni BĊE/2013/6 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 ġew inkorporati fil-Linja Gwida BĊE/2014/60, li se tibda tapplika mill-1 ta’ Mejju 2015. L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/23 ġew inkorporati fil-Linja Gwida BĊE/2012/27 u l-Linja Gwida BĊE/2014/9 rispettivament.

Sistemi ta’ ħlas u infrastruttura tas-suq

Ħatra ta’ membri tal-Bord T2S

Fil-21 ta’ Jannar 2015, skont id-Deċiżjoni BĊE/2012/6 dwar it-twaqqif tal-Bord T2S ( TARGET2-Securities), il-Kunsill Governattiv ħatar il-membri tal-Bord T2S. Il-kompożizzjoni tal-Bord T2S tħabbret fil-websajt tal-BĊE.

Evalwazzjoni ad hoc ta’ link mal-istandards għall-użu ta’ sistemi ta’ ħlas ta’ titoli fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema

Fil-5 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-eliġibbiltà tal-link diretta minn Euroclear Bank għal Centrálny depozitár cenných papierov SR, a.s. (CDCP) għall-użu fl-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Il-lista sħiħa tal-links eliġibbli kollha tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Stħarriġ dwar l-attività bankarja korrispondenti bl-euro

Fil-5 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tad-disa’ stħarriġ dwar l-attività bankarja korrispondenti bl-euro ( Ninth survey on correspondent banking in euro) li tħejja mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Ħlas (PSSC), wieħed mill-Kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ. L-istħarriġ ikkonferma li l-attività bankarja korrispondenti għadha mezz importanti għall-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas bl-euro. Bħal fil-każ tal-istħarriġ preċedenti, kemm l-għadd kif ukoll il-valur tal-ħlasijiet ipproċessati minn banek korrispondenti kienu kbar ħafna. L-istħarriġ ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Rapport dwar skemi ta’ muniti virtwali

Fil-5 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni ta’ rapport dwar skemi ta’ muniti virtwali, imħejji mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Ħlas (PSSC). B’żieda mar-rapport preċedenti li kien ippubblikat f’Ottubru 2012, dan ir-rapport fih analiżi tal-aktar żviluppi reċenti fil-qasam tal-iskemi ta’ muniti virtwali u l-aktar dwar ir-rilevanza tagħhom għal ħlasijiet bl-imnut. Ir-rapport ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Rapport tal-Eurosistema dwar is-Sorveljanza 2014

Fis-6 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva r-Rapport tal-Eurosistema dwar is-Sorveljanza 2014, imħejji mill-Kumitat għas-Sistemi ta’ Pagament u Ħlas (PSSC). Ir-rapport, li jiddeskrivi l-attivitajiet ta’ sorveljanza li saru mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-perjodu bejn l-2011 u Ġunju 2014, ma jdumx ma jidher fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-reviżjoni tal-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

Fl-4 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/4.

Opinjoni tal-BĊE dwar qafas legali ġdid għall-produzzjoni ta’ statistika uffiċjali fil-Litwanja

Fis-6 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/5 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Litwanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar emendi għall-Istatut ta’ Eesti Pank

Fid-9 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2015/6 wara talba minn Eesti Pank.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Latvijas Banka

Fit-3 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2015/3 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Latvijas Banka. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

Fit-12 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/8 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-emendi jipprovdu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

Kontijiet Annwali 2014 tal-BĊE

Fit-18 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena finanzjarja 2014. Il-Kontijiet Annwali, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa dwarhom, ġew ippubblikati fil-websajt tal-BĊE fid-19 ta’ Frar 2015. Ir-rapport amministrattiv relatat għas-sena 2014 ġie ppubblikat mal-Kontijiet Annwali tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Deċiżjonijiet dwar is-sinifikanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Litwanja

Fis-26 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqis tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu Litwani (AB DNB bankas, AB SEB bankas u Swedbank AB) bħala entitajiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar il-politika tat-tqassim ta’ dividendi

Fit-28 ta’ Jannar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2015/2 dwar politiki għad-distribuzzjoni ta’ dividendi. Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza l-politika tal-banek dwar it-tqassim ta’ dividendi għas-sena finanzjarja 2014 bħala parti mill-għan li jissaħħu s-sigurtà u s-solidità tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar il-kundizzjonijiet li bihom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma awtorizzati jinkludu qligħ interim jew ta’ tmiem is-sena fil-kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni

Fl-4 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/4 dwar il-kundizzjonijiet li bihom l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma awtorizzati li jinkludu profitti interim jew ta’ tmiem is-sena f’kapital ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1). Din id-Deċiżjoni tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jidħlu fis-superviżjoni diretta tal-BĊE, u tistipula l-kundizzjonijiet li bihom il-BĊE jawtorizza lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jinkludu qligħ interim jew ta’ tmiem is-sena fil-kapital CET1 skont l-Artikolu 26(2)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Deċiżjoni tal-BĊE dwar it-tariffi superviżorji annwali

Fil-11 ta’ Frar 2015 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2015/7 dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta’ dejta dwar fatturi tat-tariffi użati għall-kalkolu ta’ tariffi superviżorji annwali. Id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja