Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (żieda mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Diċembru 2016

Operazzjonijiet tas-suq

Rieżami annwali ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli, emittenti klassifikati bħala banek ta’ żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u emittenti klassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts

Fl-14 ta’ Ottubru 2016 il-Kunsill Governattiv irreveda l-lista ta’ swieq mhux regolati aċċettabbli għal assi eliġibbli bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema; il-lista ta’ emittenti klassifikati bħala banek ta’ żvilupp multilaterali jew organizzazzjonijiet internazzjonali; u l-lista ta’ emittenti klassifikati bħala aġenziji fil-kategorija II tal-haircuts. L-ewwel żewġ listi baqgħu l-istess filwaqt li Cassa Depositi e Prestiti se tiġi inkluża fil-lista ta’ aġenziji aċċettati fil-kategorija II tal-haircuts. Il-listi huma pubblikati fil-websajt tal-BĊE u se jiġu aġġornati fl-1 ta’ Jannar 2017.

Kwistjonijiet relatati mal-programm estiż tax-xiri ta’ assi

Fit-8 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jkompli bl-akkwisti tiegħu fil-programm estiż tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu ta’ €80 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Marzu 2017 u li minn April 2017 l-akkwist nett ta’ assi kellu jibqa’ jsir bir-ritmu ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 jew iżjed, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu għall-inflazzjoni. Il-Kunsill Governattiv approva wkoll tibdil f’xi parametri tal-APP biex jiżgura li l-implimentazzjoni tiegħu tkompli bla xkiel. Fl-aħħar, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jaċċetta flus kontanti bħala kollateral għall-faċilitajiet tas-self ta’ titoli fil-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku, bil-għan li titjieb l-effikaċja tal-qafas tas-self ta’ titoli. Dawn id-deċiżjonijiet kollha huma mfissra b’iżjed reqqa fi tliet stqarrijiet għall-istampa li jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

Implimentazzjoni tal-programm tax-xiri ta’ titoli koperti b’assi

Fl-14 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li l-programm tax-xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) se jiġi implimentat għalkollox mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema mill-1 ta’ April 2017, minflok ma jiddependi mill-appoġġ ta’ maniġers tal-assi esterni. Tagħrif iżjed dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa fuq is-suġġett ippubblikata fil-websajt tal-BĊE.

Stabbiltà finanzjarja

Dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv fuq il-politika makroprudenzjali

Fl-14 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva d-dikjarazzjoni tiegħu fuq il-politika makroprudenzjali wara l-laqgħa tal-Forum Makroprudenzjali li saret fl-istess jum. Dan il-forum jiġbor fih il-membri kollha tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Superviżorju tal-BĊE u jiltaqa’ erba’ darbiet fis-sena. Id-dikjarazzjoni tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Sistemi ta’ ħlas

Aġġornament 2016 tad-dokumentazzjoni fuq il-mudell ta’ bank ċentrali korrispondenti (CCBM)

Fit-12 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv approva l-verżjoni aġġornata tal-Manwal tal-Proċeduri CCBM kif ukoll il-verżjoni aġġornata tal-Proċeduri CCBM għall-kontropartijiet tal-Eurosistema. Il-Kunsill approva wkoll l-aġġornament tal-ftehimiet interni tal-Eurosistema/SEBĊ relatati ma’ dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni fil-websajt tal-BĊE tal-Proċeduri CCBM għall-kontropartijiet tal-Eurosistema u tal-anness tekniku tiegħu fuq it-tagħrif CCBM għall-kontropartijiet – Ġabra fil-qosor tal-istrumenti legali li jintużaw fiż-żona tal-euro.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-għoti ta’ setgħat lill-Banc Ceannais na hÉireann/Central Bank of Ireland għall-valutazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq għal self ipotekarju u biex jingħataw struzzjonijiet lil mutwanti fuq rati tal-imgħax varjabbli

Fis-17 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/54 wara talba tal-President tal-Kumitat Konġunt għall-Finanzi, Nefqa Pubblika u Riformi tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż (Oireachtas) u l-Prim Ministru Irlandiż (Taoiseach).

Opinjoni tal-BĊE dwar abbozz ta’ liġi li jneħħi l-garanzija tal-Istat mogħtija fir-rigward tal-assistenza tal-likwidità ta’ emerġenza fil-Belġju

Fis-17 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/55 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique.

Opinjoni tal-BĊE dwar koeffiċjenti ta’ riżerva fl-Ungerija

Fit-18 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/56 wara talba minn Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għall-operazzjoni tar-reġistru tal-kreditu ċentrali u r-reġistru tal-kontijiet bankarji fil-Bulgarija

Fit-30 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/57 wara talba minn Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru).

Opinjoni tal-BĊE dwar it-trasferiment ta’ kompiti pubbliċi fir-rigward ta’ muniti lil De Nederlandsche Bank

Fil-5 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/58 wara talba tal-Ministru tal-Finanzi tan-Nederlands.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-awditjar tal-operazzjonijiet tan-negozju ta’ Banka Slovenije

Fit-13 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2016/59 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tas-Slovenja.

Statistika

Kunfidenzjalità fil-ġbir ta’ tagħrif tal-istatistika – Rapport Annwali 2015

Fid-9 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport fuq il-Kunfidenzjalità 2015 li jevalwa l-ħarsien tal-kunfidenzjalità ta’ tagħrif statistiku individwali miġbur mill-Bank Ċentrali Ewropew bl-għajnuna tal-banek ċentrali nazzjonali, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 951/2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2533/98. Ir-rapport fil-qosor ma jdumx ma jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Ħruġ ta’ karti tal-flus u muniti

Approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti

Fit-30 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2016/43 dwar l-approvazzjoni tal-volum tal-ħruġ ta’ muniti fl-2017.

Governanza korporattiva

Presidenza tal-Kumitat tal-BĊE għall-Baġit

Fis-16 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Sharon Donnery, Deputat Gvernatur ta’ Banc Ceannais na hÉireann/Central Bank of Ireland, bħala President tal-Kumitat tal-BĊE għall-Baġit biex tieħu post Pentti Hakkarainen b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2017.

Reviżjoni ta’ kull tliet snin tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ

Fl-14 ta’ Diċembru 2016, bħala parti mir-reviżjoni li ssir kull tliet snin tal-mandati tal-kumitati, il-Kunsill Governattiv tawwal għal perjodu ieħor li jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2019, il-mandat tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ imwaqqfin skont l-Artikolu 9.1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE, u reġa’ ħatar il-presidenti tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2019. Il-lista tal-kumitati tinsab fir-Rapport Annwali tal-BĊE.

Ħatra ta’ membru tal-BĊE fil-Bord Superviżorju

Fl-14 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħatar lil Pentti Hakkarainen, Deputat Gvernatur ta’ Suomen Pankki – Finlands Bank u President tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja Finlandiża, bħala rappreżentant tal-BĊE fil-Bord Superviżorju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Hakkarainen se jidħol fil-kariga ġdida tiegħu fi Frar 2017. Stqarrija għall-istampa f’dan ir-rigward tinsab fil-websajt tal-BĊE.

Superviżjoni bankarja

Konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ gwida dwar tranżazzjonijiet ingranati (leveraged transactions)

Fit-23 ta’ Novembru 2016 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jiftaħ konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ gwida dwar tranżazzjonijiet ingranati. Il-perjodu tal-konsultazzjoni jintemm fis-27 ta’ Jannar 2017 u jinkludi werkxopp tekniku għall-banek fis-16 ta’ Diċembru 2016 u laqgħa pubblika fl-20 ta’ Jannar 2017.

Programm ta’ Eżami Superviżorju tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-istħarriġ fuq mudelli interni fl-2017 u tibdil fil-programm tal-2016

Fil-5 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tapprova l-Programm ta’ Eżami Superviżorju (SEP) 2017 tal-ispezzjonijiet fuq il-post (OSI) u l-istħarriġ tal-mudelli interni (IMI), fosthom l-analiżi speċifika tal-mudelli interni (TRIM), skont l-Artikolu 99 tas-CRD IV.

Pubblikazzjoni ta’ ġabra fil-qosor tal-prijoritajiet superviżorji tal-MSU għall-2017

Fit-8 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex tiġi pubblikata ġabra fil-qosor tal-prijoritajiet superviżorji tal-MSU għall-2017.

Aġġornament tal-ktejjeb tal-metodoloġija SREP

Fit-12 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li tapprova l-aġġornament 2016 tal-ktejjeb tal-metodoloġija SREP. Il-ktejjeb aġġornat jinkludi l-introduzzjoni tal-gwida tal-Pilastru 2 u se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE.

Ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2016/44 dwar il-politiki tad-distribuzzjoni tad-dividendi u ittri rigward il-politiki ta’ remunerazzjoni

Fit-13 ta’ Diċembru 2016 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju fuq rakkomandazzjoni tal-BĊE (BĊE/2016/44) dwar il-politika tat-tqassim ta’ dividendi u fuq ittra indirizzata lill-Uffiċjali Eżekuttivi Kapijiet tal-banek fir-rigward tal-politika tar-remunerazzjoni varjabbli. Ir-Rakkomandazzjoni u l-ittra jinsabu fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja