Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (barra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ġunju 2017

Komunikazzjoni esterna

Sostenn mis-SEBĊ għall-Kodiċi ta’ Kondotta Globali fuq il-Kambju

Fil-25 ta’ Mejju 2017 il-BĊE ħareġ stqarrija għall-istampa approvata mill-Kunsill Governattiv u l-Kunsill Ġenerali tal-BĊE li tilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta Globali fuq il-Kambju. Il-membri kollha tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, jiġifieri l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE, għalhekk ikkonfermaw l-impenn qawwi tagħhom li jsostnu u jħeġġu l-adeżjoni għall-Kodiċi fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, li flimkien għandhom sehem ewlieni fis-suq globali tal-kambju. B’mod partikolari, se jżommu mal-prinċipji tal-Kodiċi meta jaġixxu ta’ parteċipanti fis-swieq tal-kambju u fl-istess ħin jistennew li l-kontropartijiet regolari tagħhom li jinnegozjaw fil-kambju jagħmlu l-istess.

Pubblikazzjoni tal-ftehim fuq l-assistenza ta’ likwidità f’emerġenza

Sabiex tkompli tikber it-trasparenza fir-rigward tal-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA) mill-banek ċentrali nazzjonali, il-Kunsill Governattiv fis-17 ta’ Mejju 2017 ħa d-deċiżjoni li jxandar il-ftehim relatat. Il-ftehim fuq l-ELA jispeċifika r-regoli li japplikaw għall-għoti tal-ELA u s-sehem tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE f’dan ir-rigward. Id-dokument, li ġie pubblikat fid-19 ta’ Ġunju 2017 fil-websajt tal-BĊE jieħu post il-proċeduri tal-ELA li kienu xxandru f’Ottubru 2013. L-istqarrija għall-istampa tinsab ukoll fil-websajt tal-BĊE.

Infrastruttura tas-swieq u ħlasijiet

Rapport Annwali TARGET 2016

Fit-18 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET għall-2016, li wara ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE. Ir-Rapport Annwali TARGET jagħti tagħrif fuq l-attività tat-traffiku fit-TARGET2, il-prestazzjoni operattiva tiegħu u l-iżviluppi ewlenin li kien hemm fl-2016. Ir-rapport ta’ din is-sena fih ukoll tagħrif dettaljat fuq suġġetti ta’ rilevanza partikolari fl-2016, li ffukat fuq dawn l-erba’ oqsma: l-evoluzzjoni tal-attività tat-traffiku fit-TARGET2, l-interdipendenzi tat-TARGET2, dejta fuq it-tranżazzjonijiet u r-regolament dwar is-Sistemi ta’ Ħlas Sistemikament Importanti (SIPS) u r-reżistenza ċibernetika tat-TARGET2.

Tnedija ta’ proġett tal-Eurosistema fuq is-saldu ta’ ħlasijiet fil-pront fit-TARGET

Fil-21 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv approva t-tnedija tal-iżvilupp ta’ servizz pan-Ewropew ta’ saldu ta’ ħlasijiet fil-pront, magħruf bħala Target Instant Payment Settlement (TIPS). L-għan tal-proġett TIPS huwa li jipprovdi servizz pan-Ewropew ta’ saldu ta’ ħlasijiet fil-pront li bih iċ-ċittadini u l-kumpaniji jkunu jistgħu jittrasferixxu flus bejniethom fil-pront u li se jkun disponibbli kuljum matul is-sena kollha. L-istqarrija għall-istampa tinsab fil-websajt tal-BĊE u tagħrif iżjed dettaljat se jingħata regolarment lill-pubbliku matul il-fażi ta’ realizzazzjoni tal-proġett permezz tal-paġna “Ħlasijiet u Swieq” fil-websajt tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar l-indipendenza finanzjarja ta’ Sveriges riksbank

Fit-18 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/17 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Isvezja.

Opinjoni tal-BĊE dwar limitazzjonijiet fuq ħlasijiet bi flus kontanti fil-Portugall

Fit-22 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/18 wara talba mill-Assemblea tar-Repubblika Portugiża.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-Kummissjoni għall-monitoraġġ ta’ proċeduri alternattivi għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u fondi ta’ riżerva ta’ fondazzjonijiet bankarji fi Spanja

Fis-26 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/19 wara talba minn Banco de España, f’isem is-Segretarju tal-Istat għall-Ekonomija u s-Sostenn għan-Negozju ta’ Spanja.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-limitazzjoni fuq ħlasijiet bi flus kontanti fil-Belġju

Fit-30 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/20 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar miżuri makroprudenzjali għal-limitazzjoni ta’ riskji sistemiċi fl-Awstrija

Fis-7 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/21 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tal-Awstrija.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv u tat-tieni opportunità, kif ukoll miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri tar-ristrutturar, l-insolvenza u l-kwittanza u li temenda d-Direttiva 2012/30/UE

Fis-7 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/22 bl-inizjattiva tiegħu.

Opinjoni tal-BĊE dwar kategorija ġdida ta’ strumenti ta’ dejn, għodda makroprudenzjali ġdida, il-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ istituzzjoni ta’ saldu u l-esklużjoni ta’ drittijiet ta’ tpaċija fil-Belġju

Fit-8 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/23 wara talba tal-Gvernatur ta’ Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique, f’isem il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju.

Opinjoni tal-BĊE dwar l-awditjar tal-operazzjonijiet tan-negozju ta’ Banka Slovenije

Fit-12 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/24 wara talba tal-President tal-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja.

Opinjoni tal-BĊE dwar is-sjieda ta’ entità bi skop speċjali għall-manifattura ta’ karti tal-flus tal-euro fi Spanja

Fis-16 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2017/25 wara talba minn Banco de España, f’isem is-Sottosegretarju għall-Finanzi u s-Servizz Ċivili ta’ Spanja.

Statistika

Rapport fuq il-kwalità tad-dejta 2016 dwar l-istatistika monetarja u finanzjarja taż-żona tal-euro

Fit-18 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv approva r-rapport fuq il-kwalità tad-dejta 2016 dwar l-istatistika monetarja u finanzjarja taż-żona tal-euro, li wara ġie pubblikat fil-websajt tal-BĊE. Dan ir-rapport li joħroġ kull sentejn jiffoka fuq il-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tixrid ta’ statistika monetarja u finanzjarja rilevanti għaż-żona tal-euro fl-2015 u l-2016 u jagħti indikaturi deskrittivi u kwantitattivi tal-kwalità. L-ewwel taqsima tiffoka fuq l-aġġornamenti regolatorji li ġew implimentati dan l-aħħar, li fil-perjodu analizzat intlaqtu mid-domandi għal dejta ġdida kawżati bit-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. It-taqsimiet 2 u 3 tar-rapport jittrattaw rispettivament affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċessi tal-istatistika u mar-riżultati kwantitattivi tal-analiżi tal-kwalità tad-dejta.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Is-16-il rieżami annwali tas-sehem internazzjonali tal-euro

Fil-21 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv awtorizza l-pubblikazzjoni tas-16-il rieżami annwali tas-sehem internazzjonali tal-euro, li jeżamina l-iżviluppi fl-użu tal-euro minn residenti li ma kinux joqogħdu fiż-żona tal-euro. Ir-rapport, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa, se jiġi pubblikat fil-websajt tal-BĊE fil-5 ta’ Lulju 2017.

Superviżjoni bankarja

Emendi għal deċiżjonijiet tal-BĊE fuq is-sinifikanza

Fis-17 u t-23 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal emendi proposti mill-Bord Superviżorju għad-deċiżjonijiet tal-BĊE fuq is-sinifikanza, minħabba tibdil li sar fi ħdan l-istruttura ta’ xi entitajiet taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE, u ħa nota tat-tibdil fil-lista tal-istituzzjonijiet inqas sinifikanti li huma taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-lista ta’ istituzzjonijiet sinifikanti u istituzzjonijiet inqas sinifikanti tiġi aġġornata regolarment u tinsab fil-websajt tal-BĊE, skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

Rapport fuq l-inventarju qafas nazzjonali tas-self improduttiv

Fis-26 ta’ Mejju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika rapport li jqis il-prattiki superviżorji nazzjonali u l-oqfsa legali li għandhom x’jaqsmu mas-self improduttiv (non-performing loans – NPLs). Dan ir-rapport isegwi l-ewwel rapport inventarju pubblikat f’Settembru 2016 li tlesta b’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ tmien awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ffoka b’mod partikolari, iżda mhux biss, fuq l-aqwa prattika emerġenti f’ġurisdizzjonijiet b’livelli relattivament għoljin ta’ NPLs. Dan it-tieni rapport jestendi l-inventarju għall-11-il pajjiż l-ieħor li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, biex hekk ħarġet l-istampa sħiħa tal-prattiki fiż-żona tal-euro sal-31 ta’ Diċembru 2016, u jsostni s-sehem tal-BĊE fid-djalogu Ewropew fuq l-NPLs. Ir-rapport jinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Dikjarazzjoni fuq istituzzjoni “li tkun se tfalli jew aktarx tfalli”

Fis-6 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-valutazzjoni mħejjija mill-Bord Superviżorju u n-notifika lill-Bord Uniku ta’ Rizoluzzjoni li kkonkludiet li Banco Popular Español S.A. kien se jfalli jew aktarx ifalli minħabba li s-sitwazzjoni tal-likwidità tal-bank marret għall-agħar sewwa. Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni ġie konsultat fuq il-valutazzjoni mħejjija skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, u qabel mal-valutazzjoni. Wara li ntbagħtet in-notifika finali lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-funzjoni ta’ bank ċentrali tal-BĊE, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, il-Banco de España, il-Ministeru tal-Ekonomija, Industrija u Kompetittività u l-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti ta’ Spanja ġew ilkoll mgħarrfin. L-istqarrija għall-istampa tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Gwida tal-BĊE fuq tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet li jmur lil hinn mill-obbligi kuntrattwali ta’ istituzzjoni sponsor jew istituzzjoni oriġinatriċi

Fis-6 ta’ Ġunju 2017 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li jippubblika gwida tal-BĊE fuq tagħrif dwar it-tranżazzjonijiet li jmur lil hinn mill-obbligi kuntrattwali ta’ istituzzjoni sponsor jew istituzzjoni oriġinatriċi skont l-Artikolu 248(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Il-Gwida, li tinkorpora l-Linjigwida tal-ABE fil-prattika superviżorja fir-rigward ta’ tranzazzjonijiet magħżulin ta’ titolizzazzjoni, tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja