Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) tidħol f’fażi storika

1 ta' Awissu 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel l-10 a.m. CET tal-Ġimgħa 1 ta’ Awwissu 2014
  • Aktar minn 2 biljun trasferiment tal-kreditu u debitu dirett jgħaddu mis-SEPA kull xahar
  • Jitwettaq wieħed mill-akbar proġetti ta’ integrazzjoni finanzjarja fid-dinja
  • Il-konsumaturi u n-negozji jistgħu jużaw kont tal-bank wieħed għat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti kollha fl-Ewropa
  • In-negozji jistgħu jespandu lejn swieq ġodda bla spejjeż żejda għall-pagamenti li jagħmlu

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum qiegħed jiċċelebra ġrajja importanti fl-integrazzjoni tal-pagamenti żgħar fl-Ewropa. Wara 15-il sena ta’ ħidma, iż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) ġiet implimentata b’suċċess biex ikunu jistgħu jsiru trasferimenti tal-kreditu u debiti diretti fiż-żona tal-euro. Kull xahar se jibdew isiru aktar minn 2 biljun pagament fiż-żona tal-euro kollha b’formati standardizzati ġodda.

Is-SEPA se tiftaħ toroq ġodda għall-konsumaturi u n-negozji tal-Ewropa.

  • Il- konsumaturi se jkunu jistgħu jużaw kont tal-bank wieħed bl-euro għat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti kollha, ikunu fejn ikunu fl-Ewropa n-negozji jew dawk li jirċievu l-pagamenti. Is-SEPA ssaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur fil-każ tad-debiti diretti, billi ddaħħal regoli ġodda li jħaffu l-ħlas lura ta’ flus.
  • In- negozji jkunu jistgħu jikbru u jwessgħu l-aċċess tagħhom fl-Ewropa filwaqt li jkollhom inqas spejjeż bis-saħħa ta’ qafas standardizzat għall-pagamenti kollha li jagħmlu. In-negozji issa jistgħu jużaw sistema unika u sett wieħed ta’ kontijiet għan-negozju kollu li jagħmlu bl-euro fl-Ewropa.

“It-twettiq b’suċċess tas-SEPA se jkompli jħaffef l-integrazzjoni finanzjarja tal-Ewropa,” qal Yves Mersch, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. “Is-SEPA se tneħħi l-ostakli għat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti biex in-negozji u l-konsumaturi ma jsibux aktar xkiel.”

L-Eurosistema, li hija magħmula mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li huma mseħbin fiż-żona tal-euro, ilha tissorvelja l-migrazzjoni lejn is-SEPA u l-implimentazzjoni tagħha sa minn meta twaqqfet, u għenet biex ikun hemm djalogu miftuħ bejn il-partijiet kollha (banek, kumpaniji, konsumaturi, awtoritajiet pubbliċi, gvernijiet u impriżi żgħar u medji). Dan għen biex is-SEPA, wieħed mill-akbar proġetti ta’ integrazzjoni finanzjarja fid-dinja, titwettaq b’suċċess fejn jidħlu t-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti fiż-żona tal-euro.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ċempel lil Eszter Miltényi-Torstensson (+49 69 1344 8034).

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja